Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skola Mariam AlBatool – allokazzjoni finanzjarja għal sular ġdid

Question

Peress li fid-dikors tal-Budget għas-sena 2016 il-Ministru għall-Finanzi kien qal “Għas-sena d-dieħla wkoll lill-Iskola Mariam AlBatool se nagħtuha allokazzjoni finanzjarja biex jinbena sular ġdid biex jilqgħu aktar studenti”, jista’ l-Ministru jgħid meta ngħatat din l-għajnuna?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-għajnuna għalkemm għadha ma ngħatatx qiegħda allokata għal titjib infrastrutturali. Dan għadu ma seħħx peress li għad jonqos permessi mill-Gvern tal-Libja.

Il-Gżira — Skola Ġużè Ellul Mercer – suġġetti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm żgħażagħ jattendu fl-Iskola Ġużè Ellul Mercer ġewwa l-Gżira? Jista’ jgħid ukoll liema huma s-suġġetti li qed jiġu mgħallma fl-Iskola Ġużè Ellul Mercer fil-Gżira? Jista’ jgħid kemm huwa n-numru u t-tul tal-lezzjonijiet li qed jiġu offruti f’din l-iskola ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li sal-21 ta’ Ottubru 2016 kien hemm 99 student u studenta. L-istudenti jkollhom sitt lezzjonijiet ta’ ħamsin minuta l-waħda fil-Malti, fl-Ingliż, fil-Matematika, fil-Fiżika jew fl-ICT. Barra minn hekk ikollhom ukoll tliet lezzjonijiet ta’ ħamsin minuta fl-Edukazzjoni Fiżika u fil-PSD. Qed nipprovdu wkoll lezzjonijiet tar-Reliġjon u tat-Taljan wara l-ħin għal numru ta' studenti. Dawn ikollhom żewġ sessjonijiet ta’ sagħtejn il-waħda fil-ġimgħa għal kull suġġett.

Kap ta’ skola tal-istat li ġie deployed

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamenatari 27881, jista’ l-Ministru jgħid jekk kenitx it-talba tal-istess kap tal-iskola li tiġi deployed bħala uffiċjal edukattiv? Jista’ jgħid ukoll jekk twaqqafx xi bord li assessja l-kwalifiki fil-mużika ta' din il-kap tal-iskola? Jista’ jgħid ukoll x'inhu preżentement il-grad ta' din il-persuna minħabba li qed taqdi l-funzjoni ta' uffiċjal edukattiv?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li din il-persuna kienet esprimiet xewqa li tibdel il-ħidma tagħha għal raġunijiet ta’ natura personali. Twaqqaf kumitat ad hoc magħmul minn żewġ Diretturi li analizza t-talba tagħha. Matul dan l-eżerċizzju ġie verifikat li l-uffiċjal għandha kwalifiċi u esperjenza estensiva fil-qasam tal-mużika. Għaldaqstant, peress li ħabat li l-pożizzjoni ta’ Uffiċjal Edukattiv tal-Mużika kient temporanjament vakanti, setgħet tiġi offruta l-opportunità, li filwaqt li jibqa’ jinżamm il-grad ta’ Kap ta’ Skola, għal perjodu ta’ żmien definit tgħin lid-Dipartiment tal-Kurrikulu f’dan il-qasam. Hekk kif, l-Uffiċjal Edukattiv tal-Mużika rritornat lura minn barra l-pajjiż wara sena (fuq leave skont il-PSMC), l-uffiċjal l-oħra ntalbet tgħin f’qasam ieħor. Bħalissa l-istess persuna qiegħda taqdi dmirijiet ta’ Uffiċjal Edukattiv ta’ Snin Bikrin, l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Mużika u Arti. Bħala kap ta’ skola primarja, hi kellha esperjenza estensiva f’dan il-qasam, speċjalment meta kienet kap ta’ skola Primarja A. Dan huwa post temporarju għaliex hija tista’ tintalab terġa’ lura bħala Kap ta’ Skola, skont l-esiġenzi tas-servizz.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol –konsulenti

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27900, u l-Excel Sheet f’verżjoni elettronika li ngħatat mat-tweġiba, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni jew entitajiet li qed jipprovdu servizz ta’ konsulenza fiċ-ċelloli (cells) mmarkati bl-isfar li jidhru fid-dokument li qed jingħata separatament?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-isem fl-ewwel ċellola huwa s-Sur Alfred Mallia. Sitta miċ-ċelloli l-oħra mmarkati bl-isfar ma kenux inklużi fil-kopja li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra peress li kienu kuntratti skaduti li tnejn minnhom reġgħu ġew imġedda u fil-fatt l-ismijiet ta' dawn iż-żewġ persuni jidhru fl-istess area of work tal-lista li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat ukoll li persuna oħra kienet irriżenjat is-sena l-oħra u għalhekk isem din il-persuna ma deherx fuq il-lista mpoġġija. Fil-verżjoni elettronika jidher 'Advisor on sports at KMS' li bi żvista dan ma deherx fil-lista mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra. Dan huwa s-Sur Mark Cutajar.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – impjegati b’contract for service

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati b'contract for service fil-preżent mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol inkluż fis-segretarjati privati tal-Ministru u tas-Segretarju Parlamentari, kif ukoll mad-Direttorati tal-Edukazzjoni? Jista’ jagħti lista ta’ min huma, kemm hi r-rata li qed jitħallsu biha u kemm kienet in-nefqa s'issa għal din is-sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li hemm 58 persuna mad-Direttorati u 29 persuna maż-żewġ segretarjati privati li għandhom contract for service. Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wħud minn dawn il-persuni diġà ġew inklużi fil-lista li poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27900.

Skejjel tal-Istat – nefqa fuq teaching aids

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus minn kull skola tal-Istat fuq teaching aids edukattivi, matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? X'kienu dawn ir-riżorsi, skola bi skola u sena b'sena u f'liema kwalità? Kif ġiet koperta n-nefqa għal dawn ir-riżorsi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant għall-fatt li mistoqsija bħal din fejn tintalab informazzjoni dettaljata, skola bi skola, fuq medda ta' ħames snin, tinħtieġ ħafna xogħol u riżorsi sabiex tinġabar. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni bdiet tkun disponibbli b'mod elettroniku mis-sena 2014. Qabel l-2014 kien jintuża programm ta' Cash Accounts li kien disponibbli f'livell ta' skola jew bħala hardcopy fit-taqsima tal-Accounts. L-Onor. Interpellant għandu japprezza illi minbarra r-riżorsi umani li tinħtieġ biex tinġabar l-informazzjoni manwalment qabel l-2014, iż-żmien huwa limitat ħafna. Madankollu, peress li kien diġà sar xogħol b'konnessjoni ma' PQ preċedenti bl-istess suġġett, ninsab f'pożizzjoni li nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista bid-dettalji ta' infiq fuq teaching aids edukattivi skola bi skola għas-sena 2014. Din it-tabella tikkonferma l-vastità tal-informazzjoni mitluba.

Endeavour Programme – studenti li applikaw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-għadd ta’ studenti li applikaw kull sena li nfetħu l-applikazzjonijiet għall-Programm Endeavour skont il-Livell MQF? Kemm kienu l-istudenti li ngħataw scholarship u x’finanzi huma disponibbli għall-istudenti fil-Gruppi MQF rispettivi? Jista’ jelabora wkoll fuq il-proċedura adottata fil-proċess tal-għażla?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta' applikanti għall-Programm Endeavour skont il-livell MQF huwa kif se nsemmi: Sena Endeavour Grupp A Nru. ta’ applikanti MQF 7 MQF 8 Baqgħu eliġibbli Nru. ta’ boroż ta’ studju 2015 313 279 34 *284 MQF 7 * 18 MQF 8 * 229 fil-livell ta’ Masters – MQF 7 * 18 fil-livell ta’ PhD – MQF 8 2016 311 284 27 *284 MQF 7 * 18 MQF 8 * 153 fil-livell ta’ Masters – MQF 7 * 16 fil-livell ta’ PhD – MQF 8 Sena Endeavour Grupp B Nru. ta’ applikanti MQF 7 MQF 8 Baqgħu eliġibbli Nru. ta’ boroż ta’ studju 2015 319 226 93 *181 MQF 7 * 74 MQF 8 * 26 fil-livell ta’ Masters – MQF 7 * 31 fil-livell ta’ PhD – MQF 8 2016 408 297 111 *228 MQF 7 * 79 MQF 8 * 22 fil-livell ta’ Masters – MQF 7 * 44 fil-livell ta’ PhD – MQF 8 Għall-Endeavour Grupp A qed jiġu allokati 7 miljun ewro fuq firxa ta’ ħames snin jiġifieri għal perjodu 2015 – 2020. Sa issa diġà nħarġu żewġ sejħiet taħt din l-iskema u diġà ngħataw 416-il borża ta’ studju għal valur ta’ madwar 3.7 miljun ewro (382 fil-livell ta’ Masters u 34 fil-livell ta’ PhDs/Professional Doctorates). Il-kumplament tal-fondi li jammonta għal madwar 3.3 milljun ewro iridu jiġu utilizzati għat-tliet sejħiet oħra maħsuba taħt dan il-proġett. Fil-każ ta’ Endeavour Grupp B, ta’ kull sena l-Gvern jalloka 900,000 ewro mill-vot tal-Edukazzjoni biex imantni boroż ta’ studju li jiġu mogħtija taħt dan il-grupp. Sa issa diġà ngħataw 122 borża ta’ studju (47 fil-livell ta’ Master u 75 fil-livell ta’ PhD/Professional Doctorates). Fir-rigward tal-proċedura adottata fil-proċess tal-għażla, qed tintuża l-istess proċedura li kienet tintuża mill-Gvern preċedenti għall-programmi STEPS u l-Malta Government Scholarships Schemes (MGSS). Għal dan il-għan il-Gvern ħatar żewġ bordijiet tal-għażla, wieħed għall-Endeavour Grupp A u ieħor għall-Endeavour Grupp B, flimkien ma’ Bord tal-Appelli. L-Endeavour Grupp A Bord u l-Endeavour Grupp B Bord inħatru għal perjodu ta’ sentejn u huma inkarigati mill-proċess tal-għażla wara li kull applikant/a li j/tibqa’ eliġibbli j/tissejjaħ għal intervista. L-intervisti huma bbażati fuq il-kriterji msemmja fir-regolamenti abbinati ma’ l-istess skema. L-ammont ta’ boroż ta’ studju li jingħataw jiddependi minn kemm ikun jiswa kull kors flimkien mal- allowances dovuti u l-valur kumplessiv ta’ kull borża ta’ studju rispettivament kif spjegat fir-regolamenti ta’ din l-iskema.

Endeavour Programme – fondi li ma ġewx allokati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx fondi li ma ġewx allokati taħt il-Programm Endeavour? Jekk iva, hemm intenzjoni li dawn il-fondi jiġu trasferiti fi grupp ieħor fi ħdan l-istess programm biex jikkompensaw għall-assorbiment akbar ta’ fondi f’sezzjoni oħra tal-programm?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fondi allokati għall-programmi Endeavour għal din is-sena intużaw. L-Endeavour Scholarships Scheme hija skema li hi maqsuma f’żewġ kategoriji jiġifieri Grupp A u Grupp B. Grupp A huwa programm intenzjonat biex jiġi parzjalment iffinanzat minn fondi tal-Unjoni Ewropeja taħt il-Fond Soċjali Ewropew, filwaqt li Grupp B huwa sosnut minn fondi lokali. B’dana illi proġett li jkun qed jibbenefika minn fondi tal-Unjoni Ewropeja mhux aċċettabli u ma jistax isir trasferiment ta’ fondi minn proġett tal-EU għall-iskema lokali. Bl-istess mod kif ma setax isir meta kien hemm il-programmi STEPS u MASTER it! versus il-Malta Government Scholarships Scheme –Postgraduate Scheme (MGSS – PG). Għall-Endeavour Grupp A qed jiġu allokati 7 miljun ewro fuq firxa ta’ ħames snin jiġifieri għal perjodu 2015 – 2020. Sa issa diġà nħarġu żewġ sejħiet taħt din l-iskema u diġà ngħataw 416-il borża ta’ studju għal valur ta’ madwar 3.7 miljun ewro (382 fil-livell ta’ Masters u 34 fil-livell ta’ PhDs/Professional Doctorates). Il-kumplament tal-fondi li jammonta għal madwar 3.3 milljun ewro iridu jiġu utilizzati għat-tliet sejħiet oħra maħsuba taħt dan il-proġett. Fil-każ ta’ Endeavour Grupp B, ta’ kull sena l-Gvern jalloka 900,000 ewro mill-vot tal-Edukazzjoni biex isostni u jmantni boroż ta’ studju li jiġu mogħtija taħt dan il-grupp. Sa issa diġà ngħataw 122 borża ta’ studju (47 fil-livell ta’ Master u 75 fil-livell ta’ PhD/Professional Doctorates). M’hemmx lok ta’ fondi jiġu trasferiti minn grupp għall-ieħor kif spjegat.

Smart City – ITS

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jinfetaħ il-bini l-ġdid tal-ITS fi Smart City? Il-Ministeru tal-Edukazzjoni jew il-Ministeru għat-Turiżmu qed jikkonsidra li jkollu xi post ieħor temporarju bħala ITS kemm-il darba l-bini preżenti jitbattal u dak fi Smart City ma jkunx għadu lest?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — Safar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, kemm-il darba siefer, għal liema konferenza, kemm tul ta' ġranet u kemm kienet in-nefqa għal kull vjaġġ u n-nefqa totali fuq l-ivvjaġġar minn Marzu 2013 sal-lum? Minn min kien akkumpanjat u x'kienet il-kariga tal-persuni li siefru miegħu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bit-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – PR u media events

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew organizzati PR u media events mill-Ministeru u aġenziji governattivi fil-perjodu Ottubru 2013 sal-lum, xahar b’xahar? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività? Kemm kienet in-nefqa fuq backdrops, dawl, sound u faċilitajiet oħra awdjoviżivi? Kemm kienet in-nefqa fuq disinn u stampar ta' materjal? Kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet? Dawn intgħażlu wara sejħa pubblika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant minn Ottubru 2013 sal-lum, inkluż l-Aġenzija Programmi tal-Unjoni Ewropea, hi kif muri fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, liema tabella tinkludi wkoll l-informazzjoni għall-perjodu Marzu - Settembru 2013. Dawn huma kontijiet imħallsa diġà.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – PR u media events

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew organizzati PR u media events mill-Ministeru u agenziji governattivi mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, xahar b’xahar? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività u kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet u jekk dawn intgħażlux wara sejħa pubblika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija inkorporata fit-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 27994.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – karozzi uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'arranġamenti saru għall-karozzi uffiċjali? Jekk qed jinkrew kemm hi l-kirja fis-sena? Jekk inxtraw kemm inxtraw? Ħarġu offerti għall-kiri jew xiri u minn fejn qed jinkrew jew inxtraw?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-vettura li jien nagħmel użu minnha kienet inxtrat mingħand Michael Debono LTD għall-prezz ta’ €33,802,00. Il-vettura nxrat skont il-Guidelines MF6/2013 u kienet ġiet approvata mill-Financial Policy and Management Division, Ministeru għall-Finanzi. Il-karozza li tintuża mis-Segretarju Parlamentari kienet inkriet wara li ħarġu l-offerti (quotes) għall-prezz ta’ €10,585 (VAT inkluża) fis-sena. Il-kumpanija hi South Lease.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – mobile telephone mħallas mill-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fis-Segretarjat, inkluż il-Ministru, li għandhom mobile telephone imħallas mill-Gvern? Jista’ jgħid kemm kienet in-nefqa globali minn April 2013 s’issa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li hemm seba’ (7) persuni fis-Segretarjat tal-Ministru u tlieta (3) fis-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari li għandhom il-mobile imħallas mill-Gvern. In-nefqa globali mill-2013 sal-lum tammonta għall-€53,197.69.

Università ta’ Malta – persuni gradwati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' persuni mill-Università ta' Malta li gradwaw fl-aħħar sena akkademika? Kemm kien in-numru ta' gradwati minn kull lokalità ta' Malta u Għawdex, separatament?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tkun tista' tingħata fit-tmiem taċ-ċerimonji ta’ gradwazzjoni ta’ din is-sena, jiġifieri wara s-7 ta’ Diċembru 2016. Bħalissa għadhom qed joħorġu r-riżultati u għalhekk l-għadd ta’ gradwati għadu provviżorju.

Institute of Education — ħaddiema

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27504, jista’ l-Ministru jgħid fejn kienet taħdem kull persuna qabel ma ġiet impjegata mal-Institute of Education li ġiet detailed jew inħatret fuq bażi ta' persuna ta' fiduċja jew b'kuntratt ta' servizz?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif dwar fejn kienu jaħdmu l-persuni msemmija fit-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 27504 qabel ma ġew impjegati mal-Institute of Education, huwa kif se nsemmi: CEO - persuna ta’ fiduċja – Sezzjoni tal-Assessjar, DQSE Uffiċjal Edukattiv – detailed – Sezzjoni tat-Taħriġ tal-Għalliema, DQSE Kap tad-Dipartiment (HoD) Primarja (Assessjar) – detailed - DQSE Kap tad-Dipartiment (HoD) Primarja (Assessjar) – detailed - DQSE Kap tad-Dipartiment (HoD) Primarja (Assessjar) – detailed - DQSE Assistant Principal – detailed – Sezzjoni tat-Taħriġ tal-Għalliema, DQSE Segretarja - direct appointment b’kuntratt ta’ servizz - mhux f’impjieg Uffiċjal Żvilupp, Implimentazzjoni u Riċerka ta’ Programmi - persuna ta’ fiduċja b’kuntratt ta’ servizz – Dipartiment tal-i Scholarships fi ħdan il-MEDE Uffiċjal Amministrattiv u Finanzjarju - persuna ta’ fiduċja b’kuntratt ta’ servizz - EUPA Espert fl-IT - kuntratt għal servizz -MEDE

Direttorat tal-Edukazzjoni – acting head – accreditation unit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif intgħażlet l-Acting Head li bħalissa qiegħda tmexxi l-Accreditation Unit fi ħdan id-Direttorat tal-Edukazzjoni? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-CV u l-informazzjoni dwar l-esperjenza li għandha u li kellha fil-passat fis-settur edukattiv din il-persuna?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Accreditation Unit evolva mill-Education Regulatory Compliance Section fi ħdan id-Dipartiment tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità, hekk kif kompla jamplifika ruħu x-xogħol marbut mal-Akkreditar ta’ individwi, istituzzjonijiet u programmi. Il-persuna li dwarha qed issir il-mistoqsija għandha kuntratt li permezz tiegħu setgħet tibda tagħti servizz lill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol f’xogħol marbut ma’ akkreditar fid-Dipartiment tal-Lifelong Learning fejn kompliet issaħħaħ l-esperjenza li ġa kienet bdiet tikseb fil-qasam matul is-snin. Hekk kif inħasset il-ħtieġa li jitwaqqaf l-Accreditation Unit, din il-persuna li diġà kienet qed tokkupa grad ta’ responsabbiltà fi ħdan il-MEDE, intalbet biex isservi ta’ delegat għad-Direttur Ġenerali għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni fuq dan il-qasam. Dispost li ngħaddi s-CV ta' din il-persuna lill-Onor. Interpellant b'mod kunfidenzjali.

Għawdex – Sixth Form – estensjoni

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27713, jista’ l-Ministru jgħid x’jismu l-perit li ċċertifika li "the property is structurally safe for its users according to the present intended use."?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li ċ-ċertifikazzjoni saret mill-Perit li ismu qiegħed jingħata lill-Onor. Interpellant separatament.

Foundation for Tomorrow Schools – reklam

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa r-reklam bil-kulur fuq erba' paġni maħruġ mill-Foundation For Tomorrow Schools u li tqassam mal-gazzetta The Sunday Times of Malta tal-Ħadd 16 ta' Ottubru 2016? Jista’ jgħid min kien responsabbli mill-artwork ta' dan ir-reklam u kemm ġie jiswa l-istess artwork?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-ispiża tad-disinn ta' wraparound ammontat għal €265.50. Il-kumpanija li għamlet ix-xogħol tad-disinn hija Keen Advertising Ltd. L-ispiża għall-istampar, infilsar u ċirkulazzjoni ta' wraparound mas-suppliment 'Classified' ta' The Sunday Times tas-16 ta' Ottubru, 2016, ammontat għal €6,490.