Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa ż-żjara li għamel dan l-aħħar f'pajji¿na l-Professur li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament b'relazzjoni mal-introduzzjoni tar-riforma fil-Livell Sekondarju? Jista’ jgħid jekk il-professur hux involut ukoll direttament f'din ir-riforma u jekk huwiex qiegħed joffri servizz ta' konsulenza lill-Gvern Malti f'dan ir-rigward?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-ispejjeż involuti b’rabta mal-ewwel preżenza f'pajjiżna tal-Professur indikat mill-Onor. Interpellant għat-tnedija ta’ ‘Il-Vjaġġ Tiegħi: Nasal minn Toroq Differenti’ huma marbutin mal-ivjaġġar (€1,655.30) u mal-akkomodazzjoni (€110.50). Il-Ministeru qiegħed jikkonsulta direttament ma’ dan il-Professur, kif ukoll ma’ awtoritajiet oħra.
Impjant ta’ Sant’Antnin – spezzjoni fuq skart wara s-7:00 pm
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed issir spezzjoni fuq l-iskart li jidħol fl-impjant ta’ Sant’Antnin wara s-7.00pm?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninsab infurmat li peress li wara l-ħin tas-sebgħa ta’ filgħaxija kienu jidħlu ftit vetturi, l-ispezzjonijiet kienu jsiru b’mod ad hoc u mhux dejjem. Riċentement, il-WasteServ iddeċidiet li l-ispezzjonijiet jibdew isiru kontinwi fuq kull vettura li tidħol sal-ħin tal-għeluq tal-faċilita’ u qegħda fil-fażi li timpjega spettur ieħor sabiex dan ix-xogħol ikun jista' jsir.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti, ċittadini ta' Malta, li jattendu l-Iskejjel Ewropej (l-iskejjel imwaqqfa mill-Unjoni Ewropea għat-tfal tal-impjegati tagħha u li jinsabu primarjament fil-Belġju u l-Lussemburgu), skola b'skola u skont is-sezzjoni lingwistika u ċ-ċiklu (nursery, primarja u sekondarja)?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hi kif muri fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 28778 - skejjel ewropej - studenti cittadini maltin.pdf
Jista’ l-Ministru jgħid ladarba f’Kap. 471 tal-Liġijiet ta’ Malta m’hemm l-ebda kriterju speċifiku fuq liema bażi jinħarġu l-lawrji tal-psikologi, (numru tal-ECTSs, lista ta’ Universitajiet/korsijiet, eċċ), x’inhuma l-kriterji li l-Malta Psychology Profession Board jikkunsidra biex jieħu d-deċiżjoni għal talba għal warrant? Ma jaħsibx il-Ministru li jkun ġust li l-bord jippubblika sett ta’ kriterji li tkun disponibbli għall-applikanti li jridu jirċievu l-lawrja biex b’hekk ikun assigurat li l-istudenti jkunu infurmati u d-deċiżjonijiet tagħhom fuq x’korsijiet isegwu, ikunu deċiżjonijiet tajbin u f’waqthom?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kwalifikazzjoni tal-warrant hija regolata mill-Artikolu 3(ċ) tal-Att dwar il-Professjoni tal-Psikoloġija, Kap. 471 tal-Liġijiet ta’ Malta, fejn, fost oħrajn, persuna trid tkun kisbet Grad fil-livell tal-Masters fil-Psikoloġija mill-Università ta’ Malta jew xi kwalifika professjonali oħra li l-Bord jidhirlu li tkun ekwivalenti.
Għal dan il-għan il-Bord ippublika fuq is-sit elettroniku tiegħu,
www.mppb.gov.mt
, dokumenti gwida bi spejagazzjoni fuq l-ekwivalenza tal-kwalifiki. Kandidati prospettivi huma għalhekk imħeġġa sabiex jużaw din l-informazzjoni biex jaraw jekk programm ta’ kors huwiex ekwivalenti għal dak offrut mill- Università ta’ Malta. F’dan ir-rigward ‘ekwivalenza’ hija kkunsidrata f'termini tal-tul tal-kors, l-għadd ta’ ECTSs, l-
input
teoretiku rilevanti għall-ispeċjalizzazzjoni preferut, kif ukoll prattika sorveljata meħtieġa. Il-kandidat huwa mħeġġeġ jitlob din l-informazzjoni direttament mill-universitajiet konċernati. Il-Bord jevalwa l-applikazzjonijiet għal
warrant
billi jara jekk dawn ir-rekwiżiti minimi tal-liġi jkunux intlaħqu jew le.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux infurmat b’apparat li jintuża fil-korsijiet tal-woodwork ġewwa l-MCAST (Mosta Institute) li ilu aktar minn sena bil-ħsara? Infurmat il-Ministru li kawża t’hekk studenti qed ikollhom jirrikorru għand kumpanija privata bi spiża fuq l-istudent li tvarja bejn l-€250 sal-€450? Jekk iva, jista’ jaġġornana meta din il-magna se tkun mill-ġdid għad-dispożizzjoni tal-istudenti u fil-frattemp kif se jinġarr il-piż finanzjaru minn fuq dahar l-istudenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li bħalissa għaddej il-proċess sabiex jissewwew il-magni msemmija. Sadanittant, ingħatat direzzjoni lill-Istitut konċernat illi m’għandhomx jingħataw assignments li jinvolvu spejjeż kbar għall-istudenti.
Jista’ l-Ministru jippubblika lista ta’ Direct Orders u tenders li ngħataw fuq l-Iskola tas-Sixth Form f’Għawdex, bl-ammont għal kull wieħed, lil min ingħata x-xogħol, ġiex komplut ix-xogħol u kemm baqa’ x’jitħallas għal kull kuntratt?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat mill-Fondazzjoni għall-iSkejjel ta' Għada li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif muri fil-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada – audit finanzjarji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju waslu l-audits finanzjari annwali tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-audit finanzjaru annwali tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada fir-rigward tas-sena li tagħlaq fil-31 ta’ Diċembru 2016 jibda fis-sena 2017. Infurmat li l-audits annwali tas-snin passati huma kollha kompluti.
Raħal Ġdid — Kulleġġ San Ġorġ Preca Primarja B – tqassim ta’ ħalib
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk waslulux rapporti li t-tfal li jattendu Kulleġġ San Ġorġ Preca Primarja B ta’ Raħal il-Ġdid mhux jingħataw aktar ħalib? Jekk iva, jista’ jgħid għaliex ġie deċiż hekk?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li mill-bidu tas-sena skolastika sal-lum ebda ġenituri ma lmentaw mal-iskola jew talbu assistenza rigward il-ħalib.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — trasferiment ta' impjegat
Question
Jista' l-Ministru jispeċifika d-data preċiża meta l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament nħariġlu t-transfer mill-MEDE għall-post ieħor? Jista' jgħid għal liema uffiċċju ġie trasferit fi ħdan is-settur pubbliku u għal liema terminu ta' żmien?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata kellha impjieg mal-Fondazzjoni għall-iSkejjel ta' Għada, mil-liema impjieg ġie formalment re-deployed għall-impjieg li kellu qabel fit-2 ta' Settembru 2016. Dan jikkonferma li mhux minnu dak li qed tallega l-Oppożizzjoni li ma ttieħdux passi immedjati. Fil-fatt dawn l-istruzzjonijiet tiegħi ġew attwati 12-il ġimgħa ilu u mill-inqas 10 ġimgħat qabel ma dehret storja fuq il-każ f'ġurnal lokali. Għalkemm il-persuna indikata m'hijiex taħt il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, infurmat li qed tokkupa rwol ta' Senior Officer taħt id-Direttur Ġenerali fir-Rural Development Department fi ħdan il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima.
FTS – kuntratti li ngħataw b’direct order jew b’tender
Question
Jista’ l-Ministru jelenka lista ta’ kuntratti li ngħataw mill-Foundation for Tomorrow's Schools (FTS) b’direct order jew b’tender, bejn Marzu 2013 u Novembru 2016, sena b’sena? Jista’ jgħid min kienet il-persuna fi ħdan l-FTS, bil-kariga speċifika, li kienet inkarigata fil-proċess ta’ kull kuntratt individwali?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ kuntratti li ngħataw mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada b’direct orders, b’purchase orders u b’tenders bejn Marzu 2013 u Novembru 2016. Il-lista rigward it-tenders tkopri l-persuna responsabbli mill-komputazzjoni tat-tender rispettiva. Rigward il-lista ta’ purchase orders l-informazzjoni mitluba dwar il-persuna responsabbli ma tistax tingħata peress li l-files qegħdin l-IAID.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal il-clearance tal-finanzi tal-Foundation for Tomorrow's Schools (FTS) sena b’sena mill-2013 sal-lum? Jista’ jindika l-pagamenti dovuti li għadhom ma tħallsux u d-data meta ntalbet it-talba għal kull pagament?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jiċċara eżatt għal liema clearance tal-finanzi qiegħed jirreferi.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk baqax pagamenti pendenti lill-kuntratturi fuq l-iskola tas-Sixth Form f’Għawdex u jekk iva kemm huwa dan l-ammont u min huma l-kuntratturi? Jekk hemm, jista’ jelabora wkoll jekk hemmx pendenzi fuq disgwid mal-kuntrattur, u jekk iva x’inhu d-disgwid u f’liema stadju wasal dan id-disgwid biex jiġi maqbul?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li hemm pagamenti pendenti fuq l-iskola tas-Sixth Form il-ġdida, f’Għawdex li fosthom hemm ammonti dovuti lis-Solergia u C Grech Marbles. Fuq dawn l-ammonti qegħdin isiru l-verifiki meħtieġa biex jiġu kkonfermati l-ammonti dovuti fil-konfront tat-talba għall-pagamenti mill-kuntratturi.
Fir-rigward ta’ GV Developments li huwa l-kuntrattur tal-kostruzzjoni, il-każ ġie mressaq quddiem il-Malta Arbitration Centre.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ġewwa l-impjant tal-Malta North qed jew kien qed jiġi magħżul bulky refuse bl-idejn mill-ħaddiema?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-impjant tal-Malta North ġie d-diżinjat għall-bulky refuse. Peress li hemm ammont ta’ bulky refuse li huwa mħallat ukoll bi skart ieħor, fosthom skart tal-kostruzzjoni mħallat, bċejjeċ kbar tal-ħadid u skart elettroniku, dawn irridu jitneħħew qabel ma jidħlu għat-trattament biex b’hekk jiġi salvagwardjat l-impjant. Għaldaqstant, hemm ċerta skart li qed jiġi magħzul bl-idejn. Tajjeb li nfakkru li fi żminijiet passati, proċessi simili biex jintagħżel materjal goff riċiklabbli kien issir direttament fuq l-engineered landfill tal-Għallis għall-elementi tat-temp.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba l-autoclave tal-Marsa kien bi ħsara? Meta kien bil-ħsara x’ammont ta’ ġranet għamel wieqaf? Minn meta ġie inawgurat l-autoclave tal-Marsa, kemm kienet l-ispiża għall-ħsarat li rriżultawlu?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Autoclave tal-Marsa ġie inawgurat f’12 ta’ Jannar 2016. Kien hemm inċident darba li wassal għal waqfien temporanju ta’ waħda mil-linji li għandu l-impjant. Din il-ħsara ma swiet xejn lill-Wasteserv hekk kif l-impjant kien għadu qiegħed jiġi kkummissjonat u ir-responsabilità ta’ din l-ispiża kella tiġi kopruta mingħand il-kuntrattur, hekk kif stipulat fil-kuntratt li dan għandu mal-Wasteserv. It-tieni linja baqgħet topera mingħajr waqfien, li jfisser li qatt ma kien hemm ħsarat li waqqfu l-impjant kollu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il promozzjoni saret fi ħdan il-WasteServ minn April 2013 ‘l hawn? X’kienu l-promozzjonijiet u meta saret is-sejħa nterna għal kull waħda? Jista jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sejħa interna f’kull każ?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm iddaħħlu ħaddiema mal-WasteServ minn April 2013 ‘l hawn? Jista’ jgħid f’liema gradi ddaħħlu dawn il-ħaddiema? Jista’ jgħid ukoll kemm temmew l-impjieg tagħhom ħaddiema minn mal-WasteServ minn April 2013 ‘l hawn ? F’liema gradi kienu dawk li temmew l-impjieg?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li mill-1 ta' April 2013 sal-15 ta' Novembru 2016 mal-WasteServ daħlu 44 impjegat f’diversi gradi fosthom Accounts Clerks, Architects, Fitters, Plant Engineers u Project Leaders. Fl-istess perjodu telqu 46 impjegat f’diversi gradi fosthom Heads of Shift, Health Attendants, Senior Tradesmen u Supervisor.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus miċ-Chairman tal-WasteServ għal titjib u rinnovazzjoni fl-uffiċċju tiegħu f’Sant’Antnin minn April 2013 ‘l hawn? Iċ-Chairman għandu uffiċċju ukoll f’impjanti oħra?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li nefqa għat-titjib u rinnovazzjoni fl-uffiċċju taċ-Chairman tal-WasteServ f’Sant’Antnin minn 1 ta’ April 2013 sa 17 ta’ Novembru 2016 kien ta’ €10,146 VAT eskluż. Iċ-chairman m’ghandux uffiċċju separat għalih fl-impjant l-oħra tal-Wasteserv.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li bħalissa qed iservu ma' diversi entitajiet, fergħat, stabbilimenti u intrapriżi, uffiċini u/jew dipartimenti tal-WasteServ li fil-fatt kienu u għadhom sal-lum fuq il-kotba tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jew xi kumpanija sussidjarja tagħha? Jista' jagħti break down - mingħajr ismijiet - tad-diversi postijiet fejn dawn qed iservu u x'inhu x-xogħol partikolari li qed jagħmlu?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – talbiet għal transfers
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma t-talbiet għal transfers li ntalbu minn impjegati fil-Ministeru tiegħu, kemm minnhom ġew milqugħa u kemm oħrajn għadhom qed jistennew li jiġu ndirizzati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li bejn Jannar u Ottubru 2016 il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol kellu total ta' 49 impjegat li talab trasferiment. Minn dawn 38 ġew milqugħa, sebgħa (7) għadhom pendenti u erbgħa (4) ġew rifjutati.
Rigward l-edukaturi, infurmat li mis-sejħa t’applikazzjoni sabiex edukaturi jiċċaqalqu minn skola għal oħra kien hemm 559 li:
· ikkanċellaw u/jew ma daħlux mil-leave (33),
· applikaw biss ‘only in case of redundancy’ f’każ li fl-iskola ma jkunx għad hemm bżonn is-servizz tagħhom (469)
· Għawdxin (36)
· marru f’xi servizz jew ħadu kariga ogħla (21)
u 819 oħra li:
· 562 iċċaqalqu skont it-talba tagħhom
· 68 ġew trasferiti mill-iskola tagħhom għax ġew ‘extra’, u ma kienx għad hemm bżonn is-servizz tagħhom
· 189 talba ma setgħux jiġu akkomodati minħabba nuqqas ta’ vakanzi jew imtlew b’għalliema b’anzjanità ogħla.
Xogħlijiet ta’ manutenzjonijiet u rranġar fi skejjel
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista sħiħa tax-xogħlijiet li ngħataw sabiex isir xogħol ta’ manutenzjoni, irranġar u titjib fi skejjel matul l-2016?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat mill-Fondazzjoni għall-iSkejjel ta' Għada li l-informazzjoni mitluba hi kif muri fil-lista li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li bħal fi snin oħra, minbarra x-xogħlijiet li ngħataw, saru wkoll xogħlijiet ta’ manutenzjoni u rranġar fi skejjel matul l-2016 mill-ħaddiema tal-manutenzjoni li hemm fl-iskejjel statali.
Attachments:PQ 28681 - xogħlijiet ta' manutenzjoni u rranġar fi skejjel.pdf