B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 610 u 875, jista' l-Prim Ministru jgħid min għażel il-membri fuq il-working group? Kemm kien hemm persuni fuq dan il-working group u min kienu, fejn jaħdmu u x’inhu l-grad tagħhom?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 610, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm xi sejħa interna fost il-ħaddiema tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) biex jindikaw min kien interessat jipparteċipa?
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hux konxju li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin qed jibqa' jara pazjenti fi klinika privata kif rappurtat fl-artiklu fit-Times of Malta online bl-isem ‘Foreign Minister is still seeing patients at clinic’ tas-7 ta’ Mejju 2013 li l-link għalih qed jintbagħat separatament? Jista' jgħid jekk ħax passi biex din il-prattika tieqaf ġaladarba mhijiex skont il-Kodiċi ta’ Etika tal-Ministri?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Il-Prim Ministru ħa konjizzjoni tad-dikjarazzjonijiet li saru fil-media mill-Ministru George Vella li minn naħa tiegħu spjega li hu jara l-kostitwenti kull nhar ta’ Sibt fil-għodu fl-uffiċċju tiegħu, post li għal dawn l-aħħar snin kien iservi wkoll ta’ klinika minn fejn għal 48 sena sħaħ ħadem bħala tabib fiż-Żejtun.
Kif jaf l-Onorevoli Interpellant, ġaladarba jidher li qara l-artiklu li qed jikkwota minnu, il-Ministru George Vella caħad bl-aktar mod kategoriku li qed joffri s-servizzi medici tiegħu fil-għodu kmieni.
Il-Ministru Vella huwa fid-dmir li jżomm kuntatt regolari mal-kostitwenti tiegħu bħal kull Ministru ieħor. Kif iddikjara l-Ministru stess jekk fost il-kostitwenti jkun hemm min jitolbu parir mediku, huwa obbligat li jagħtih skont id-dover u l-ħalfa professjonali. Kull meta jkun hemm ċirkostanzi bħal dawn, il-Ministru Vella qiegħed jinforma lill-individwi kkonċernati li m’huwiex se jibqa’ jipprattika ta’ tabib u għalhekk iħeġġiġhom biex ifittxu tabib ieħor. F’ċirkostanzi bħal dawn il-Ministru Vella mhux jitlob ħlas għas-servizzi tiegħu.
Irrid ngħid ukoll li l-Ministru Vella għamilha ċara li m’huwiex qed idur nies fid-djar tagħhom u l-anqas qiegħed jaċċetta pazjenti ġodda, apparti li ripetutament qed jgħid lin-nies biex jirrikorru għand tobba ġodda. Jien infurmat li l-Ministru George Vella informa lid-Dar tal-Anzjani taż-Żejtun, fejn kellu ħafna pazjenti li kienu ilhom snin twal taħt il-kura tiegħu li ma kienx se jkompli bis-servizzi tiegħu hemmhekk u wkoll irrinunzja l-liċenzja tal-
Authorised Aviation Medical Examiner
li biha kien jiċċertifika l-bdoti.
Kif jaf l-Onorevoli Interpellant il-Ministru Vella qal ukoll li huwa qieghed josserva l-kodiċi ta’ etika politika fl-istess ħin li qed josserva wkoll il-kodiċi medika li ma tistax tisvesti ruħek minnha mill-lum għal għada.
Peress li skont l-artiklu fit-Times of Malta online bl-isem ‘Foreign Minister is still seeing patients at clinic’ tas-7 ta’ Mejju 2013 li l-link għalih qed jintbagħat separatament il-Ministru għall-Affarijiet Barranin qed jibqa' jara pazjenti fi klinika privata, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk awtorizzax waiver kif għamel diġà fil-każ ta’ Segretarju Parlamentari li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu wkoll separatament?
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 608, peress li diġà kont irreferejt għall-istqarrija tal-Gvern fejn kienu ngħataw l-ismijiet tal-membri, l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija oriġinali billi jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-CV ta’ kull membru tal-bord tal-Awtorità Maltija għar-Riżorsi (MRA)?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-membri li d-dettalji tagħhom diġà ngħataw fil-mistoqsija preċedenti għandhom il-kompetenzi sussegwenti:
3 Accountants
Professur tal-Università
Inginier
2 Avukati
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 610, jista' l-Prim Ministru jagħti l-ismijiet tal-persuni li jagħmlu parti mill-working group inkarigat kif ukoll fejn jaħdmu u x’inhu l-grad tagħhom?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Il-Persuni li jiffurmaw il-working group huma dawk involuti fil-professjoni li hija relatata max-xogħol tagħhom u bil-għajnuna ta’ mpjegati oħra fil-MEPA li taw is-sehem tagħom.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — transfers ta' impjegati
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 609, jista' l-Prim Ministru jagħti l-lista tal-persuni li kienu trasferiti minħabba “ċaqliq intern skont l-esiġenza tas-servizz”? Jista' jagħti fejn kienet kull persuna u fejn marret “skont l-esiġenza tas-servizz”? Min iddetermina x’inhu “l-esiġenza tas-servizz”? U min ta l-ordni taċ-"ċaqliq intern skont l-esiġenza tas-servizz”?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onorevoli Membru li l-passi li jittieħdu huma fl-interess tal-awtorità biex tiffunzjona aħjar milli kienet u skont il-ħidma tal-awtorità.
Jista' l-Ministru jiċċara dak li ġie rappurtat fil-MaltaToday online, li l-link tar-rapport qed jingħata separatament, u ċjoè, li wara l-EOI ħa jkun hemm "final selection process that must follow EU rules by providing a competitive process that can also be appealed"? Peress li l-Ministru diġà kien qal li no formal call for tender will be issued, jista' jirrikonċilja dawn iż-żewġ posizzjonijiet?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-onorevoli Interpellant li l-fatt li hemm ezenzjoni mir-regolamaneti dwar Public Procurement ma jfissirx li l-proċess kompetittiv m'huwiex regolat. Hemm numru ta' principji li qegħdin jiġu osservat.
B'referenza għall-artiklu li deher fit-Times of Malta tas-26 t'April 2013, jista' l-Ministru jispeċifika eżatt il-proċess ta' appell li se jkun qed jadotta għax-xiri tal-power station? Jista' jgħid ukoll jekk, f'każ t'appell minn wieħed mill-bidders, il-proċess hux ħa jiġi sospiż peress li skont AL65/2013 Reg. 4(d) jgħid 'sakemm id-deċiżjoni tal-qorti tibqa' pendenti, il-proċess tas-sejħa għall-offerti għandu jiġu sospiż?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nikkoregi lill-Onorevoli Interpellant għaliex il-proċess li qegħdin nitkellmu dwaru ma jittrattax xiri ta' Power Station imma huwa kuntratt għall-provvista ta' elettriku u gass. Madanakollu l-proċess se jkollu redress għal dawk li jħossuhom aggarvati minn xi deċiżjoni li tkun ittieħdet.
Jista' l-Ministru jgħid meta ħierġa s-sejħa pubblika għall-water saving kits li għandhom jitqassmu fid-djar?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi f'Mejju se nibdew proċess ta' tfassil tal-national water policy. Permezz ta' dan il-proċess it-timeframes se jiġu determinati.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 84, jista' l-Ministru jispjega kif hu qed jgħid, skont l-artiklu li deher fuq it-Times of Malta u li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li sal-aħħar ta' Settembru ta' din is-sena se jkollu kuntrattur magħżul ħalli jibni l-power station il-ġdida? Jista' jgħid kif wasal għal din id-data u dan billi jipprovdi l-informazzjoni neċessarja kuq kif ħa jiżvolġi l-proċess?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nikkoreġi l-impressjoni li qed jagħti l-Onorevolli interpellant li se jintgħażel xi kuntrattur biex jibni power station ġdida. Nippreċiza li l-Enemalta se tidħol f’Power Purchase Agreement u Gas Supply Agreement.
L-iskeda li ppreparajna hija mqassma kif ġej:
Is-sottomissjonijiet għall-Expression of Interest and Capability jagħlqu fl-10 ta’ Mejju. Fl-10 ta’ Ġunju għandha toħroġ l-RFP għall-kandidati li jkunu ipproċedew għall-fazi segwenti. Il-proposti għandhom jaslu għand l-Enemalta sal-31 ta’ Lulju fejn wara jsiru l-evalwazzjoniet u adjudication neċessarji. Fl-ewwel t’Ottubru ikun aġġudikat il-kuntratt.
Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — Transfers mill-MRA
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-persuni li minn Marzu 2013 'il hawn ġew trasferiti mill-Awtorità Maltija għar-Riżorsi (MRA) u issa qed jaħdmu f'unit fi ħdan il-Ministeru tiegħu?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nirreferi lill-Onorevoli interpellant illi l-impjegati imniżżla f’din il-lista ġew “seconded” mill-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Rizorsi għall-Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma:
Energy Policy Unit
· Ing Godwin Sant (Chief Officer, Policy)
· Ing Charles Buttigieg, (Analyst I)
· Ing Rachelle Riolo (Analyst I)
· Ing Maurizio Busuttil (Analyst I)
· Ing Simon Scicluna (Analyst I)
Water Policy Unit
· Mr Manuel Sapiano (Analyst II)
· Mr Michael Schembri (Project Officer)
· Mr Clive Brincat (Clerk)
.
Jista' l-Prim Ministru jgħid mid-9 ta’ Marzu 'l hawn kemm saru applikazzjonijiet lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għall-billboards? F’kull każ jista' jgħid permezz ta’ site plan is-sit propost u n-numru tal-applikazzjoni?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont is-sistema tal-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, mid-9 ta' Marzu 2013 'l hawn, l-istess Awtorità aċċettat ħames (5) applikazzjonijiet għal screening (Annex A) u ġew validati żewġ (2) applikazzjonijiet għal billboards (Annex B).
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettaliji tal-applikazzjonijiet kif ukoll is-Site plan ta' kull sit hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant.
Din l-informazzjoni ġiet miġbura mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fuq applikazzjonijiet li ġew validati jew applikazzjonijiet għal screening li ġew aċċettati mill-istess Awtorità li fil-proposta tal-iżvilupp hemm il-kelma " billboard".
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ħaditx passi kontra l-Partit Laburista peress li billboards li poġġa fit-toroq ta’ pajjiżna waqt il-kampanja elettorali, ntużaw għall-riklamar kummerċjali wara d-data tal-elezzjoni?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi azzjonijiet ta' infurzar fuq billboards bdew jittieħdu ftit wara xahar mill-Elezzjoni Ġenerali hekk li l-azzjonijiet setgħu jittieħdu fuq il-billboards illegali kollha, bil-lant. Fil-fatt it-taħrikiet bdew jinħarġu fuq il-billboards kollha li mhux koperti bil-permess jew bl-eżenzjonijiet legali, huma ta' min huma, bla distinzjoni.
Jista' d-Deputat Prim Ministru jgħid liema kienu dawk il-proġetti f'pajjiżna li sal-lum kienu benefiċċarji ta' fondi tal-ERDF tal-Unjoni Ewropea? Liema entità applikat għalihom u f'kull każ, kemm hu l-ammont ivvutat għall-proġett?
Response (GRECH, LOUIS)
Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għall-Programming Period 2007-2013.
Fondi tal-Unjoni Ewropea — Cohesion Fund - proġetti
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru jgħid liema kienu dawk il-proġetti f'pajjiżna li sal-lum kienu benefiċċarji ta' fondi tal-Cohesion Fund tal-Unjoni Ewropea? Liema entità applikat għalihom u f'kull każ kemm hu l-ammont ivvutat għall-proġett?
Response (GRECH, LOUIS)
Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għall-Programming Period 2007-2013.
Jista' d-Deputat Prim Ministru jgħid liema kienu dawk il-proġetti f'pajjiżna li sal-lum kienu benefiċċarji ta' fondi tal-ESF tal-Unjoni Ewropea? Liema entità applikat għalihom u f'kull każ kemm hu l-ammont ivvutat għall-proġett?
Response (GRECH, LOUIS)
Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għall-Programming Period 2007-2013.
Fondi tal-Unjoni Ewropea — Europrean Territorial Cooperation Programmes - proġetti
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru jgħid liema kienu dawk il-proġetti f'pajjiżna li sal-lum kienu benefiċċarji ta' fondi tal-European Territorial Cooperation Programmes tal-Unjoni Ewropea? Liema entità applikat għalihom u f'kull każ kemm hu l-ammont ivvutat għall-proġett?
Response (GRECH, LOUIS)
Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għall-Programming Period 2007-2013.
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-każijiet li se jieħdu ‘l fuq minn €2,000 bħala tnaqqis fil-ħlasijiet lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) bħala riżultat tal-inizjattiva mħabbra mill-Gvern għall-applikazzjonijiet li ddaħlu għand l-Awtorità minn Jannar 2010? Jista' jagħti n-numru tal-applikazzjoni, it-titlu tal-applikazzjoni u l-ammont li se jieħdu bħala rifużjoni?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lil-Onorevoli Interpellant li l-proviżjonijiet tad-dħul fis-seħħ tal-Avviż Legali 126 tal-2013 jipprovdu li ma hija dovuta l-ebda refużjoni, relatata ma dawn ir-regoli, fir-rigward ta' applikazzjonijiet li kienu ġew validati meta dan l-Avviż Legali daħal fis-seħħ. Fir-rigward ta' dawk l-applikazzjonijiet illi kienu għadhom ma ġewx validati fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Avviż Legali, u li dwarhom kien hemm jew ser ikun hemm tnaqqis fil-ħlas dovut, l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar m'hiehix f'pożizzjoni li tipprovdi l-informazzjoni mitluba għal żewġ raġunijiet. S'issa għadhom ma reġgħux inħadmu l-kontijiet kollha u anke meta dawn jinħadmu, fis-sistema elettronika tal-Awtorita` ma tinżammx informazzjoni dwar jekk it-tibdil fil-kont kienx dovut għat-tibdil fir-regoli li jirregolaw il-ħlas jew kienx dovut għal tibdil fil-pjanti sottomessi, jew rikalkolu minħabba żball fil-komputazzjoni oriġinali.