Legislature:
Category:
Reset
Active:

Widien – manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema widien se jsir xogħol ta' manutenzjoni matul il-perijodu tas-sajf li deħlin fih? X’tul ta’ kilometri mistennija jkunu mnaddfa?

Response (MIZZI, JOE)

Matul il-perjodu tas-sajf li ġej, fost oħrajn, mistenni jsir xogħol ta’ tindif u manutenzjoni f’Wied is-Sewda, u f’partijiet mill-Wied tal-Qlejgħa u l-Wied tal-Fiddien. It-tulijiet tal-widien li mistennija jkunu mnaddfa jiddependi mill-andament tax-xogħol.

Xiri ta’ elettriku u gass

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 752, peress li l-Gvern se jkun qed jixtri elettriku u gass, AL65/2013 japplika jew le?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-avviż legali msemmi ma japplikax għaliex il-gvern se jkun qed jixtri elettriku u gass.
Leg 12 PQ #1791 Sitting 23 2013-05-28 Oral · Final From: GEORGE PULLICINO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tas-Sliema — promenade - Kiosks

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-kiosks li hemm tul il-promenade ta’ Tas-Sliema humiex josservaw l-ispazju mogħti lilhom mill-Gvern u humiex konformi mal-permessi maħruġa mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għal daqstant it-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Power station il-ġdida — Special Purpose Vehicle

Question

B’referenza għall-artiklu tat-Times of Malta – How Enemalta plans to keep its power station timeline u peress li skont il-Ministru nnifsu l-EOI ħalliet l-options kollha miftuħa u ebda teknoloġija mhu se tkun magħrufa qabel jintgħażel il-kuntrattur u peress li l-applikazzjoni lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar trid tkun speċifika fuq it-teknoloġija u l-footprint tal-proġett, jista’ l-Ministru jispjega fuq liema teknoloġija l-ispecial purpose vehicle se tapplika għall-permessi ambjentali u permessi oħra jekk il-kuntrattur li se jibni l-power station ikun għadu ma ntagħżilx?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-onorevoli Interpellant illi l-alternattivi kollha tħallew miftuħa fl-EOIC biex ikollna idea cara mill-bidders infushom dwar l-aqwa soluzzjoni possibbli fis-suq. Il-bidders se jkollhom l-opportunità biex jagħżlu l-aktar teknoloġija avvanzata li teżisiti fil-parametri rikjesti mill-Enemalta. Parametri li jkunu magħrufa aktar tard.
Leg 12 PQ #1769 Sitting 22 2013-05-27 Oral · Final From: GEORGE PULLICINO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA – preżentazzjoni dwar tnaqqis fil-ħlasijiet

Question

B’referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 610 u 875, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk iċ-Chairman u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) kinux involuti fit-tfassil tal-proposti li fuqhom saret il-preżentazzjoni?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Iva.
Leg 12 PQ #1770 Sitting 22 2013-05-27 Oral · Final From: GEORGE PULLICINO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA – preżentazzjoni dwar tnaqqis fil-ħlasijiet – working groups

Question

B’referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 610 u 875, jista’ l-Prim Ministru jgħid min għażel il-membri fuq il-working group? Kemm kien hemm persuni fuq dan il-working group u min kienu? Fejn jaħdmu u x’inhu l-grad tagħhom?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m’hemm xejn iktar x’inżid mar-risposta li diġà ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 875.

Power Purchase Agreement u Gas Supply Agreement

Question

Ġaladarba l-proġett ta’ power station ġdida, li bilfors trid tinbena biex isir Power Purchase Agreement u Gas Supply Agreement, ma jissemma mkien fil-Pjan Nazzjonali tal-Enerġija, jista’ l-Ministru jgħid meta se jinbeda l-proċess biex dan il-Pjan jiġi rivedut ġaladarba hemm ħtieġa li dan ikun rivedut ?

Response (MIZZI, KONRAD)

Il-policy tal-Gvern fuq l-enerġija hija ċara ħafna. Bħalissa bdejna nirrevedu l-policy areas f'diveresi setturi. La darba dawn ir-reviews ikunu konklużi l-energy policy tiġi updated.

Smart Meters — Stallazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu n-numru ta’ smart meters li ġew stallati sal-lum? Kemm fadal x’ikunu stallati? Kif inhu maħsub li jkunu stallati dawk li fadal? Kemm hi r-rata medja li hu mistenni li jkunu stallati kull xahar minn issa ‘l quddiem?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sal-20 ta' Mejju, 2013 ġew stallati (209,303) elfejn u disgħa, tlett mija u tliet smart meters. Għad iridu jiġu stallati (66.653) sitta u sittin elf, sitt mija u tlieta u ħamsin smart meter ieħor. Huwa kkalkulat li minn Ġunju 2009 sa issa ġew stallati madwar (3864) tlett elef tmien mija u erbgħa u sittin meter kull xahar.

Uffiċċju dwar ir-Regolament tal-Bini – ingaġġ ta’ kap

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex konkluż l-ingaġġ ta’ kap għall-Uffiċċju dwar ir-Regolament tal-Bini? Jekk iva min se jkun il-kap? X’se tkun ir-remunerazzjoni li se tingħata lil dan il-kap? X’forma ta’ kuntratt se jkun hemm, definit jew indefinit?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-post vakant għall-ingaġġ ta’ Kap għall-Uffiċju dwar ir-Regolamenti tal-Bini issa ġie mimli skont ir-direzzjoni tal-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku.

MRA – Organigramma

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 756, jista’ l-Ministru jpoġġi l-organigramma tal-Awtorità għar-Riżorsi ta’ Malta (MRA) fuq il-Mejda tal-Kamra u jindika liema huma dawk il-pożizzjonijiet vakanti li issa hemm b'kollox fl-MRA? Jista’ jindika jekk il-pakkett ta' dawn l-uffiċjali baqax l-istess bħalma kellhom meta kienu fl-MRA jew jekk żdiedx? Jekk żdied, b'kemm żdied?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qed inpoġġi kopja riċenti tal-Organigramma tal-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab infurmat li għalkemm l-Organigramma qed turi li hemm xi pożizzjonijiet vakanti tnejn biss huma relatati ma' secondment tal-impjegati mal-Ministeru. Dawn huma Analyst 1 (Fuel Quality) fit-taqsima tal-Competence, Licensing & Enforcement; u clerk fit-taqsima tal-Finance and Corporate Services. Il-pakkett finanzjarju tal-uffiċjali li ġew issekondati mal-Miniseru baqa' l-istess bħalma kien meta kienu fl-Awtorità.

Buġibba – Waterpark – ħinijiet tal-ftuħ

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 1362, jista’ l-Ministru jgħid meta se jerġa’ jiftaħ għall-pubbliku l-Waterpark ta’ Buġibba u x’se jkunu l-ġranet u l-ħinijiet li fihom tinfetaħ din il-faċilità?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li qed jsiru preparamenti li huma ntiżi biex il-waterpark jinfetaħ kuljum, mit-Tnejn sal-Ħadd (inkluż il-festi pubbliċi), bejn l-1 ta’ Lulju u 29 ta’ Settembru bejn 10:00am u 7:00pm.

Impjant tat-Trattament għall-Iskart — Bord

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk twaqqafx il-Bord biex jevalwa t-tender għall-Impjant tat-Trattament għall-Iskart fil-limiti tal-Għallis, liema impjant ġie approvat mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) dan l-aħħar? Jekk iva sa meta hu mistenni li dan il-Bord ilesti l-evalwazzjoni tiegħu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi l-Bord biex jevalwa t-tender għall-Impjant tat-Trattament għall-Iskart fil-limiti tal-Għallis ġie mwaqqaf. Dan il-Bord għandu jibda jiltaqa' minn din il-gimgħa. L-Onor. Interpellant ġentilment mitlub japprezza li dan il-proċess huwa delikat u għaldaqstant għad m’hemmx data fissa ta’ meta dan il-bord hu mistenni jlesti l-evalwazzjoni tiegħu.

Enerġija nadifa — Refused Derived Fuel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif il-Gvern preżenti beħsiebu jikseb enerġija nadifa mir-refuse-derived fuel li pajjiżna jiġġenera?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ġentilment mitlub japprezza li bħalissa jinsab għaddej eżerċizzju intensiv dwar l-operat kollu tal-WasteServ inkluż l-istess impjanti tagħha. Huwa l-ħsieb tagħna li nindirizzaw l-mistoqsija fi stadju ulterjuri la jkollna stampa aktar ċara attwali tal-operat tal-WasteServ. Ser nkunu qed nħarsu b’attenzjoni kbira lejn r-rakkomandazzjonijiet li jkunu qed jagħmlu dawk responsabbli għal dawn ir-rapporti. L-aspett tar-RDF bla dubju ta’ xejn ma jistax jitwarrab jew jiġi njorat.

Pjan Nazzjonali għall-Ilma

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1355, jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-ħtiġijiet ta’ pajjiżna li mhumiex indirizzati mill-Pjan Nazzjonali għall-Ilma varat fl-2012?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant illi l-Politika ghall-ilma li se titnieda mill-Gvern se tagħti importanza strategika lill-Integrazzjoni ta' sorsi alternattivi tal-ilma, id-domanda nazzjonali u l-protezzjoni tar-rizorsi naturali tal-Ilma. Din il-politika se jkollha impatt aktar dirett fuq policies settorali, kif ukoll se tieħu in konsiderazzjoni d-direzzjoni gdida tal-Kummissjoni Ewropeja.

L-Imsida – Pedestrian Crossing ħdejn l-Università

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux jikkonsidra li jagħmel pedestrian crossing fil-forma ta’ overpass jew underpass ħdejn l-Università fejn ħafna studenti kif ukoll residenti li joqogħdu lejn l-inħawi tas-Swatar ikollhom jaqsmu l-bypass Triq Dun Karm għal Triq Mons. Carmelo Zammit fl-Imsida?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-inħawi tal-Università diġà teżisti underpass li tinsab taħt l-iskate park. Madanakollu Transport Malta lesta tikkunsidra mizuri varji mahsuba biex ikun hemm iktar sigurtà kemm ghall-istudenti tal-Università u kif ukoll ghar-residenti tas-Swatar.

Water Policy – konsultazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-input li l-Gvern kien irċieva mingħand l-entitajiet kollha fil-perijodu ta’ konsultazzjoni pubblika fuq in-National Water Policy li kienet iffinalizzata f’Ġunju tal-2012?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Irziezet — spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet fuq irziezet li jrabbu l-majjali, tiġieġ, nagħaġ u mogħoż separatament fl-aħħar erba’ xhur?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewlna, qiegħed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub, miġbur f’Tabella ‘A’.

Esportazzjoni ta’ tonn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie esportat tonn lejn pajjiżi esteri xahar b'xahar minn Jannar 2012 sal-aħħar ta’ April 2013? Lejn liema pajjiżi? Min kienu l-produtturi lokali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewlna, qiegħed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub, miġbur f’Tabella ‘A’.

L-Imrieħel — pedestrian crossing fil-bypass – applikazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1360 fejn saret referenza għall-PA 05852/96, tajjeb li l-Ministru jinnota li dak in-numru jikkorrispondi biss għall-żvilupp ta’ bini fi Triq Dun Xand Aquilina, Sannat. Għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid għal liema numru preċiż kien qed jirreferi, u nitolbu jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti relattivi għall-permess tal-ippjanar korrett li suppost irrefera għalih?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 1360, fejn in-numru tal-permess jgħid PA05852/06 u mhux PA05852/96.