Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-investiment fil-biċċerija tal-Marsa tul l-aħħar 3 snin?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-investiment li sar fil-biċċerija tal-Marsa tul l-aħħar 3 snin kien hekk kif ġej:
2010 Euro 361,999
2011 Euro 391,554
2012 Euro 1,190,868
Jista' l-Ministru jgħid x'investiment hemm ippjanat għall-biċċerija għas-sena li ġejja? Jista’ jagħti elenku ta' kull inizjattiva li jrid ikun hemm ħalli l-biċċerija tkompli tiġi konformi mar-regolamenti tal-Unjoni Ewropea?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-biċċerija mhijiex strettament konformi mar-regolamenti tal- Unjoni Ewropea u għad baqa’ diversi xogħlijiet x’isiru biex jintlaħaq dan il-għan. Filfatt jien infurmat li l-ippjanar tax-xoghol fil-biċċerija tħalla lura f’dawn l-aħħar snin.
Fost dawn ix-xogħlijiet hemm:
1. Tiswijiet f’soqfa u partijiet tal-bini, speċjalment fil-maqjel fejn jidħlu l-annimali.
2. Jitneħħew pajpijiet qodma u eletriku qadim sabiex tkun tista ssir installazzjoni moderna u aktar organizzata.
3. Installazzjoni ta’ arja kondizzjonata fiż-żewġ swali tal-qatla.
4. Jitgħattew partijiet ta’ ħitan u twieqi b’materjal iġeniku għall-aktar indafa.
5. Żebgħa ta’ soqfa kullimkien, kif ukoll żebgħa addattata għall-maqjel tal-ħnieżer u l-baqar.
6. Tibdil ta’ aċċessorji imsadda u tibdil ta’ ċerti linji tal-qatla għall-sistemi aktar moderni b’materjal ta’ stainless steel.
7. Tindief u żebgħa tal-istruttura ta’ ħadid galvanizzat li hemm fiż-żewġ linji tal-qatla u f’partijiet oħra madwar il-biċċerija.
8. Bini ta’ tlett faċilitajiet ġodda fejn ibiddlu u jieklu l-biċċiera f’żoni differenti skont ir-regolamenti mitluba.
Dan kollu huwa stmat li jqum madwar 2.5 Miljun Ewro. Innizjattiva li hemm ħsieb li tittieħed hu li jsiru korsijiet ta’ tagħlim għall-biċċiera u ħaddiema oħra.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-pixkerija? Jista’ jipprovdi time-plan tal-proġett?
Response (BRINCAT, LEO)
Infakkar lill-Onor. Interpellant illi għalkemm fil-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista tal-2008 kienet tħabbret ir-rilokazzjoni tal-Pixkerija, kien biss fl-2010 meta l-applikazzjoni ntbagħtet il-MEPA. Għaddew sentejn oħra u l-applikazzjoni ġiet approvata u b’hekk setgħet toħroġ it-tender.
Filwaqt li niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li s-sit fejn qed tinbena din il-Pixkerija u li kien magħżul mill-Gvern preċedenti jippreżenta sfidi kbar, ħtija tal-limitazzjonijiet u kumplikazzjonijiet dovuti għall-pożizzjoni tagħha, ninfurmah li x-xogħol fuq il-pixkerija l-ġdida mixi skont kif kien ippjanat u fin-nuqqas ta’ imprevisti, il-mira hi li titlesta sa Marzu 2014.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1353, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu għandux kunflitt ta' interess minħabba li hu responsabbli mit-tfassil tal-politika dwar l-enerġija, mit-twettiq tal-istess pjan u mir-regolamentazzjoni fuq l-enerġija?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant li l-policy staff tal-MRA issa iċċaqalqu u qegħdin jaħdmu mal-Ministeru. Għaldaqstant, bil-kuntrarju għal li kien qed jiġri taħt Gvern preċedenti , r-regulatur huwa indipendenti u ma jfassalx policy dwar l-enerġija iżda jiffoka fuq regolamentazzjoni
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-istudji ambjentali għall-proġetti tat-turbini tar-riħ (wind turbines) f'Wied Rini, Ħal Far u s-Sikka l-Bajda? Jista' jelenka wkoll x'inhuma l-passi li jmiss sabiex dawn l-applikazzjonijiet jitwasslu għal deċiżjoni?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istudji dwar l-enerġija rinnovablli li ġejja mir-riħ flimkien ma' riżorsi rinovabbli oħra qegħdin fil-proċess li jiġu riveduti biex joħorġu l-aħjar taħlita ta' sorsi li tkun aktar sostenibbli li joffru l-aħjar soluzjonijiet ambjentali, tekniċi u finanzjarji.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq l-applikazzjoni għall-fondi Ewropej ħalli tiġi studjata l-vijabilità tal-gas pipeline bejn Malta u Sqallija? Jista' jgħid ukoll fejn wasal ix-xogħol fuq l-aġġudikazzjoni għas-sejħa għall-offerti ħalli jsir l-istess studju?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-project of common interest għadu f'fażi bikrija u x-xogħol fuq l-aġġudikazzjoni qiegħed fil-proċess.
B’referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1789, peress li l-Ministeru tiegħu jkopri l-funzjoni regolatorja tal-ambjent f’pajjiżna u allura jista’ jelenka xi studji ambjentali jkollu bżonn impjant għall-ġenerazzjoni tal-elettriku ta' madwar 200MW, jista’ jwieġeb mistoqsija 1789 li sa issa għadha mhix imwieġba?
Response (BRINCAT, LEO)
Wieħed kien jippreżumi li bħala ex Ministru b’eżperjenza ta’ tant snin fil-qasam regolatorju u operattiv tal-ambjent, l-Onor. Interpellant suppost jaf id-distinzjoni netta u ċara li dejjem eżiżtiet bejn il-funzjoni regolatorja u operattiva tal-qasam ambjentali, wara tant snin f’dikasteru fejn serva fih f’leġislaturi preċedenti.
Għaldaqstant nemmen li l-Onor. Membru għandu jifhem li l-funzjoni regolatorja fil-preżent taqa’ taħt Ministeru ieħor u mhux taħt il-Ministeru tal-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima kif donnu qed jibqa’ jinsisti min-naħa tiegħu.
Strateġija Nazzjonali għall-Immaniġġar tal-Iskart Solidu — Refuse Derived Fuel
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1765, jista' l-Ministru jgħid għalfejn l-audits li qed isemmi li qed isiru fuq l-operat tal-Wasteserv għandhom jaffettwaw l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Immaniġġar tal-Iskart Solidu f'pajjiżna? Jista’ l-Ministru jiċċara jekk l-Istrateġija tal-Iskart għadhiex fis-seħħ u jekk iva jista' jgħid jekk il-viżjoni tal-Gvern dwar ir-refuse derived fuels inbidlitx?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-rakkomandazzjonijiet tar-riżultati li se joħorġu mir-reviews indipendenti, tal-operat tal-WasteServ, ser ikollhom kontribut importanti fl-implimentazzjoni ġejjiena dwar l-istrateġija Nazzjonali għall-immaniġġjar tal-iskart solidu fejn jidħol refuse, derived fuels kif ittrattati mill-WasteServ s’issa.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1764, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-bord li se jevalwaw it-tender għall-Impjant tat-Trattament għall-Iskart fil-limiti tal-Għallis?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1675 il-Gvern se jimxi mal-pjanti approvati mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fl-2009 fil-permess tal-ippjanar PA05852/06 jew se jemenda l-pjanti u jissottometti applikazzjoni ġdida bi pjanti ġodda?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qed jaħdem fuq proposta emendata biex tnaqqas l-inkonvenjent lil kull minn se juża’ dan il-footbridge. Bil-kontra tal-gvern preċedenti, l-gvern preżenti se jagħti prijorità assoluta lis-sigurtà tar-residenti li jgħixu fiż-żona in kwistjoni u għalekk se jżomm mal-impenn tiegħu li joffri soluzzjoni għall-problema li sfortunatament kienet injorata għal snin sħaħ, minkejja li seħħew inċidenti fatali.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti rigward il-proposti tal-NGO Ship-breaking Platform (NGO Platform) u l-European Environmental Bureau (EEB) fil-konfront tal-European Regulation on Ship Recycling?
Response (MIZZI, JOE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra dokument illi jinkudi informazzjoni rigward il-proposti tal- NGO Ship-breaking Platform (NGO Platform) u l-pożizzjoni tad-Direttorat tal-Bastimenti Merkantili fi ħdan Transport Malta fir-rigward ta’ dawn il-proposti.
Kemm hu stmat li vapuri li kienu jġorru l-bandiera Maltija fl-aħħar sena intbagħtu biex jiġu smantellati (shipbreaked)? Jista’ jgħid jekk Transport Malta żżommx record ta’ fejn dawn ikunu ntbagħtu biex jiġu smantellati?
Response (MIZZI, JOE)
Id-Direttorat tal-Bastimenti Merkantili fi ħdan Transport Malta ma jżommx rekords uffiċjali dwar bastimenti li jintbagħtu biex jiġu żmantellati. Tajjeb li wieħed jinnota li ħafna drabi bastimenti jiġu mibjugħa qabel ma dawn jintbagħtu biex jiġu żmantellati u għalhekk ma jkunux qed itajru bandiera Maltija minħabba li s-sid ma jkunx eliġibli biex jirreġistra bastimenti taħt l-Att dwar il-Bastimenti Merkantili.
B’referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1772, jista’ l-Ministru jwieġeb kemm hi r-rata medja li hu mistenni li jkunu stallati kull xahar minn issa ’l quddiem peress li din il-parti tal-mistoqsija ma ġietx imwieġba ?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi huwa mistenni li jiġu stallati madwar (4,000) erbat elef meter fix-xahar.
B’referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1771, jista’ l-Ministru jgħid x’timeframes qed jara għal tali reviżjoni tal-Pjan Nazzjonali tal-Enerġija?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi la darba r-reviews għadhom fil-proċess, it-timeframes mitluba jingħataw wara li dawn jitlestew.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux veru li ġew ikkreati dawn l-erba’ posts ġodda ġewwa l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC): personal assistant għaċ-Chairman, personal advisor għaċ-Chairman, advisor to the Chairman u PA assistant? Min huma l-persuni maħtura f’kull kariga u x’pakkett finanzjarju għandu kull wieħed minnhom?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninfroma lill-onorevoli Interpellant li ċ-Chairman ghandu Executive Personal Assistant, Executive u personal Driver. Ma ġew ikkreati l-ebda pożizzjonijiet ta' Advisor to the Chairman, PA assistant u Personal Advisor. Il-pakkett finanzjarju ta' dawn il-persuni maħtura jaqbel mal-kariga u r-responsabilità li qed iġorru.
Uffiċċju dwar ir-Regolament tal-Bini – ingaġġ ta’ kap
Question
B’referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1773, jista’ jgħidli min hi l-persuna li mliet il-post u x’pakkett finanzjarju għandha din il-persuna? X’forma ta’ kuntratt se jkun hemm, definit jew indefinit?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kap għall-uffiċju dwar ir-Regolament tal-Bini huwa l-Perit Michael Ferry. Is-Sur Ferry ġie mpjegat fuq bażi ta’ kuntratt definit għal tlett snin, bi ħlas ta’€36,000 fis-sena u car allowance ta’ €5520.
B’referenza għar-rapport li deher fit-timesofmalta.com datat 23 ta’ April 2013, jista’ l-Ministru jispjega x'tibdiliet saru mill-Gvern preżenti fuq il-Proġett Nazzjonali kontra l-Għargħar? B'kemm u kif se jiżdied il-kapaċità tal-ħażna tal-ilma fil-Proġett Nazzjonali kontra l-Għargħar? Dan se jfisser aktar spejjeż? Jekk iva minn liema fondi se jiġi ffinanzjati?
Response (MIZZI, JOE)
Sa issa t- tibdilitiet li saru ma kienux sostanzjali fil-proposti ta’ dan il proġett, iżda il-gvern preżenti qed jikkunsidra alternattivi biex l-ilma ikun jista’ jinġabar aktar qrib fejn joriġina, kif ukoll biex jitnaqqas l-ilma f’wiċċ it-toroq li jżid it- traffic safety u fl-istess ħin qed isir studju biex naraw nistgħux inżidu l-ħażna tal-ilma.
Dan qed isir ukoll biex jintużaw fondi Ewropej li sa issa setgħu jintilfu .
B’referenza għar-rapport li deher fit-timesofmalta.com datat 23 t’April 2013 fejn il-Ministru ġie rrapportat li qal li l-Gvern preżenti għamel xi tibdiliet fuq il-Proġett Nazzjonali kontra l-Għargħar, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se tinħareġ sejħa oħra ħalli jsiru dawn it-tibdiliet jew jekk hux se ikun hemm variation fuq il-kuntratt eżistenti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta ikun hemm il-ħtieġa ta’ tibdiliet u spejjeż sostanzjali, dawn ix-xogħlijiet isiru billi tinħareġ sejħa oħra għall-offerti (tender).
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-pjanti li juru l-emendi li qal li saru mill-Gvern preżenti fuq il-Proġett Nazzjonali kontra l-Għargħar? Jista’ jgħid jekk intalbux permessi mingħand l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għal dawn it-tibdiliet?
Response (MIZZI, JOE)
Il-pjanti għat-titjib tal-proġett għadhom m’humiex fi stadju finali u għalhekk ma jistgħux jiġu ippreżentati għalissa, u lanqas ma huma fi stadju li ssir l-applikazzjoni mal-MEPA.
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jkun lest ix-xogħol fuq il-Proġett Nazzjonali kontra l-Għargħar fiż-żona ta' Ħal Qormi? Kemm hemm ħaddiema jaħdmu fuq dan il-parti tal-proġett?
Response (MIZZI, JOE)
Ix-xogħol fuq il-Proġett Nazzjonali kontra l-Għargħar fiż-żona ta' Ħal Qormi huwa ppjanat li jitlesta ghan-nofs is-sena d-dieħla. Hemm parti mill-ħaddiema jaħdmu ‘on site’ filwaqt li parti oħra jaħdmu ‘off-site.’ Bħalissa hemm 12 jaħdmu ‘on-site’ u 20 jaħdmu ‘off-site’.