Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Belt Valletta – mina fis-sur faċċata ta’ St Michael’s Counterguard

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-Gvern għadux kommess li jagħmel il-proġett li bih juża l-mina li tinsab fis-sur faċċata ta' St Michael's Counterguard fil-Belt Valletta biex din isservi ta’ passaġġ għan-nies? Għadu bil-ħsieb li dan il-passaġġ jiġi restawrat u jiġi stallat people mover fil-forma ta' escalator ħalli jiffaċilita l-passaġġ tan-nies mill-foss għal ġewwa l-Belt Valletta? Jekk iva, meta hu maħsub li jibda x-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

L-intenzjoni ta’ Gvern ġdid hi li jkompli bil-proġett li permezz tiegħu juża l-mina li tinsab fis-sur faċċata ta' St Michael's Counterguard fil-Belt Valletta biex din isservi ta’ passaġġ għan-nies. Għad hemm il-ħsieb ukoll li jiġi stallat people mover fil-forma ta' escalator ħalli jiffaċilita l-passaġġ tan-nies mill-foss għal ġewwa l-Belt Valletta. Il-proġett ikun jista' jinbeda meta l-permessi mehtiega jinħarġu, u l-fondi necessarji (stmati madwar Eur1.4 miljun Ewro) jiġu allokati. Minħabba li sa issa ma jidhirx li kien hemm allokazzjoni specifika ta' fondi għal dan il-progett, qed tiġi mistħarrġa l-possibilta' li jiġu allokati fondi strutturali mill-UE taħt il-programm ta' finanzjarjament 2014-2020.
Leg 12 PQ #2983 Sitting 33 2013-06-19 Oral · Final From: GEORGE PULLICINO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Każ dwar azzjoni ta’ infurzar dwar struttura

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk l-istruttura li ttellgħet quddiem il-lukanda li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u qed tokkupa spazju pubbliku hijiex bil-permess tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u l-Estate Management Department? Jekk le, meta se tittieħed azzjoni ta’ infurzar kontra din l-istruttura?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’xi seduta oħra.

Każ dwar Struttura

Question

Jista’ l-Ministru jghid jekk Transport Malta tatx il-kunsens tagħha biex tittella’ l-istruttura li ttellgħet quddiem il-lukanda li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li qed tokkupa spazju li qabel kien jintuża għall-parkeġġ pubbliku?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-permess għall-istruttura li għaliha qed jirreferi, kif ukoll għat-tqegħid ta’ mwejjed u siġġijiet, inħareġ minn Transport Malta fis-27 ta’ Frar 2013, għaxart ijiem biss qabel l-elezzjoni ġenerali. Nixtieq inżid li fil-file ma nstab xejn iktar jekk kienx hemm xi oġġezzjoni mill-Ministeru tal-MRRA jew mill-Ministeru responsabbli għall-okkupazzjoni tal-parkeġġ pubbliku. Bħalissa fejn jidħol parkeġġ qed isir xogħol fuq pjan komprensiv dwar il-parkeġġi fiż-żoni differenti tal-pajjiż.
Leg 12 PQ #2990 Sitting 33 2013-06-19 Oral · Final From: GEORGE PULLICINO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Applikazzjonijiet u permessi ta’ żvilupp

Question

Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista kompleta tal-madwar 265 permess tal-iżvilupp li kien skadielhom il-perijodu ta’ ħames snin u issa se jkollhom il-perijodu effettiv tagħhom estiż, inkluż in-numru tal-permess u min għamel l-applikazzjoni? Jista’ jpoġġi wkoll il-ħlas li kull waħda mill-applikazzjonijiet tal-iżvilupp kienet ħallset bħala DPF?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' madwar 265 applikazzjoni msemmija, kienet biss stima tal-applikazzjonijiet pendenti għal renewal quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar. Wara analiżi tal-files dawn jammotaw għal mitejn u erbatax (214). Dan għaliex is-sistema taqra kull fejn hemm il-kelma renewal u wieħed irid imbgħad jara jekk humiex biss dan li qed jintalab. Minn dawn hemm diversi li xorta ma jistgħux jibbenifikaw mill-estensjoni mogħtija għaliex ġew approvati qabel it-03/08/2006.
Leg 12 PQ #2991 Sitting 33 2013-06-19 Oral · Final From: GEORGE PULLICINO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Studju fuq il-fattibilità ta’ pont bejn Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk kienx sar due diligence fuq il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li l-Gvern iffirma ftehim magħha biex tagħmel studju fuq il-fattibilità jew le ta’ pont bejn Malta u Għawdex? Jekk iva, min għamlu dan l-eżerċizzju u meta sar?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Il-kumpanija li qed jagħmel riferenza għaliha l-Onor Interpellant, hija l-kumpanija numru wieħed fiċ-Ċina fis-settur tagħha u hija proprjetà tal-Gvern Ċiniż. Għalhekk id-diskussjonijiet dwar il-proġett imsemmi mill-Onor Interpellant kienu diskussjonijiet bejn gvern u ieħor dwar dan l-istess proġett u investimenti oħra. Infakkar lill-Onor Interpellant li permezz tal-ftehim li laħaq, il-gvern Malti nnegozja biex din il-kumpanija numru wieħed tal-Gvern Ciniż tagħmel u tħallas minn butha għal studju ta’ fattibilta’ fuq il-proġett imsemmi minnu.

management plans tas-sajd

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-management plans tas-sajd li qed jiġu diskussi mal-Unjoni Ewropea? Jista’ jgħid meta hu previst li dawn jiġu konklużi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-management plans tas-sajd ġew sottomessi lill-Unjoni Ewropea f'Marzu 2013. Dawn għandhom jiġu riveduti mis-Scientific, Technical and Economic Committee for Fisheries (STECF) tal-Kummissjoni Ewropea. Ir-reviżjoni li jmiss tal-management plans mill-STECF huwa ppjanat għal nofs Lulju 2013. Ninsab infurmat ukoll illi wara din ir-reviżjoni Malta għanda jkollha tweġiba jekk dawn il-management plans tas-sajd ġewx aċċettati.

Inċineratur — manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-inċineratur tal-Marsa huwa previst li jieqaf għall-manutenzjoni normali tiegħu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-waqfa li jmiss għall-manutenzjoni fuq l-inċineratur tal-Marsa hi skedata għal bejn l-aħħar ġimgħa ta’ Ġunju u l-ewwel ġimgħa ta’ Lulju.

skema għall-vaċċin tal-majjal

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-iskema għall-vaċċin tal-majjal daħlitx fis-seħħ? Jekk le, għaliex ? Jekk iva, kemm ġew ivvutati flus għaliha din is-sena?

Response (BRINCAT, LEO)

Naħseb li l-Onor. Interpellant jaf, għax kien il-persuna responsabbli mis-settur, li l-ftehim dwar skema volontarja ta' tilqim tal-majjal kien iffirmat fid-29 ta' Jannar 2013 mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, is-Sur Chris Ciantar, u l-President tal-Koperattiva ta' Min Irabbi l-Majjal (K.I.M.). Din l-iskema volontarja ta' tilqim suppost li kellha titħaddem fuq perjodu ta' bejn 14 u 16 il-xhar, bi spiża ta' 300,000 Ewro, li kellhom jitħallsu lill-KIM kif jidher hawn taħt: (a) pagament immedjat (mal-iffirmar) ta' 175,000 Ewro; u (b) il-kumplament f'pagamenti maqsuma ta' 75,000 Ewro wara' 5 xhur u 50,000 Ewro fl-aħħar tal-program ta’ tilqim. Min dawn il-pagamenti ta’ min jinnota li 3 ijiem qabel l-Elezzjoni Ġenerali, fil-5 ta' Marzu 2013, tħallsu biss 40,000 Ewro. L-Onor. Interpellant imissu jaf ukoll li ma ġewx ivvutati l-ebda flus mill-amministrazzjoni preċedenti fl-Estimi Finanzjarji għas-sena 2013 għal din l-iskema. Ma kienx hemm l-ebda line item ta' 300,000 Ewro fl-Estimi 2013. Tajjeb li jingħad li l-40,000 Ewro li tħallsu fil-5 ta' Marzu 2013, tħallsu mill-fond tal-SMPPMA (Special Market Policy Programme for Maltese Agriculture) u dan meta mhux suppost, għaliex il-flus fl-SMPPMA kienu għal għajnuniet f-setturi oħra u dak għas-settur tal-majjal kien spiċċa fl-2010. Tajjeb li jingħad ukoll li f'minuta ta' l-1 ta' Marzu 2013 fil-file relevanti, id-Direttur Ġenerali responsabbli mill-Finanzi fl-MRRA kitbet lid-Direttur tal-Biedja u infurmatu li "as you are aware there are no funds within the Agriculture Department to meet this expense”.

inizjattiva 'Midd Idejk fil-Biedja'

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi l-viżjoni tiegħu fuq l-inizjattiva 'Midd Idejk fil-Biedja'? Il-plots li tqassmu fl-Għammieri se jinżammu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-proġett ‘Midd Idejk fil-Biedja’ ser jitkompla u l-promoturi ta’ dan il-proġett ġew mitluba jidentifikaw siti adekwati għal dan il-għan filwaqt li jinvolvu s-settur privat u Kunsilli Lokali f’dan il-proġett. Ninsab infurmat ukoll li l-plots ta’ prova se jinżammu fl-Għammieri sakemm jinstabu siti oħra.

inizjattiva 'Midd Idejk fil-Biedja'

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-inizjattiva 'Midd Idejk fil-Biedja' tiġi estiża għal bnadi oħra? Jekk iva, meta? Se jkun hemm sejħa pubblika kif jitqassmu l-postijiet?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-inizjattiva 'Midd Idejk fil-Biedja' tista’ tiġi estiża ġaladarba jinstabu siti oħrajn. Ninsab infurmat ukoll li dment li jkun hemm persuni li juru x-xewqa li jaħdmu biċċa art, dawn jingħataw fuq bażi ta’ ‘first come first served’.

Sajjieda – arranġament dwar sajd

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-arranġamenti mas-sajjieda ħalli fi żmien il-lampuki dawn ikunu jistgħu jinħattu mingħajr xkiel ta' xejn fil-pixkerija l-ġdida?

Response (BRINCAT, LEO)

Infakkar lill-Onor. Interpellant illi għalkemm fil-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista tal-2008 kienet tħabbret ir-rilokazzjoni tal-Pixkerija, kien biss fl-2010 meta l-applikazzjoni ntbagħtet il-MEPA. Għaddew sentejn oħra u l-applikazzjoni ġiet approvata u b’hekk setgħet toħroġ it-tender. L-Onor. Interpellant għandu jinnota li d-deċiżjoni kontroversjali li din il-pixkerija ma timbenix f’sit direttament ħdejn il-baħar ittieħdet mill-Gvern preċedenti. Il-Ministeru tiegħi qiegħed jagħmel l-almu tiegħu sabiex jidentifika sit fil-port tal-Marsa, fejn is-sajjieda jkunu jistgħu jħottu x-xogħol tagħhom. Ninsab infurmat ukoll li s-sajjieda ser jibqgħu jagħmlu użu mill-pixkerija eżistenti sa Diċembru 2013.

Irziezet tal-baqar — rilokazzjoni mill-abitat

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess għar-rilokazzjoni tal-irziezet tal-baqar mill-abitat?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-kwistjoni tar-rilokazzjoni tar-irziezet miż-żoni ta’ abitazzjoni ilha pendenti għal diversi snin. Hemm fejn raħħala qed jaħdmu f’żoni mhux approprijati, bħal żoni urbani u żoni ta’ importanza kulturali u storici. Dawn ma jistgħux itejbu l-operat tagħhom sabiex jiġu konformi mal-liġijiet sanitarji kemm lokali kif ukoll dawk tal-Unjoni Ewropea, b’konsegwenza li ser ikollhom jagħlqu jekk ma jinstabx post alternattiv għalihom. Ninsab infurmat ukoll li l-proġett f’Malta għar-rilokazzjoni ta’ 12 ir-raħħal f’tal-Qampiena limiti tas-Siġġiewi, kien sottomess lill-MEPA mill-amministrazzjoni preċedenti fit-12 ta’ Dicembru 2006 (PA 07823/06). Kien biss fit-8 ta’ Marzu 2013 li ħareġ l-Outline Development Permit. Għad fadal diversi xogħlijiet xi jsiru fosthom: · Approvazzjoni mill-Mepa għal Full Development Permit · Ftehim mal-Awtorita tal-Artijiet rigward termini u kundizzjonijiet ta’ kiri · Ftehim finanzjarju mar-raħħala biex jiġu koperti l-ispejjeż għal bini u makkinarju · Approvazzjoni finanzjarja mill-Ministeru tal-Finanzi għall-ammont ta’ nfieq

Esportazzjoni tat-tiġieġ tal-bajd

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb illi l-Gvern jesporta bi spejjeż għall-Gvern it-tiġieġ tal-bajd li jinqatlu għax ma jkunux għadhom jipproduċu jew jekk hux se jibqgħu jinqatlu mir-raħħal u jinħarqu fl-inċineratur bl-ispiża ta' €50 it-tunnellata?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-Gvern lest jagħti l-għajnuna kollha lis-setturi biex dawn ikunu sostenibbli. F’Malta għandna erba’ biċċeriji tat-tiġieġ li huma kollha awtorizzati biex joqtlu t-tiġieġ tal-laħam (broilers), kif ukoll dawk tal-bajd (layers) li jkunu waslu fl-aħħar taċ-ċiklu tagħhom. Fid-dinja kollha l-produtturi tal-bajd joqtlu dawn it-tiġieġ f’biċċeriji awtorizzati biex jieħdu l-laħam li jkun fihom għall-prodotti għal konsum uman. F’Malta għad m’għandniex minn dawn il-proċessuri li jutilizzaw dan it-tip ta’ materja prima. Jeżisti suq ukoll f’pajjiżi terzi għal dawn it-tip ta’ tiġieġ tal-bajd. Ninsab infurmat ukoll li l-Gvern lest li jisma’ u fejn hu possibli jgħin biex din l-industrija tat-tjur, li f’dawn l-aħħar snin iffaċjat diversi problemi kbar ta’ nuqqas ta’ kompetittivita, terġa tqum fuq saqajha. Qegħdin f’diskussjonijiet ma’ l-istakeholders biex naraw kif - f’kuntest ta’ ħarsien ta’ l-ambjent, ħarsien ta’ annimali u ta’ finanzi - l-aħjar li nistgħu ngħinu dan is-settur.

demel tal-baqar u tal-majjal — pjanijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu għad-demel tal-baqar u tal-majjal? Il-pjanijiet għadhom l-istess bħalma kienu qabel? Jekk iva, fejn wasal ix-xogħol fuq kull frazzjoni?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-ħażna u l-firxa ta’ demel tal-baqar u tal-majjal huma rregolati mill-liġi taħt l-Avviz Legali dwar in-Nitrati, kif ukoll taħt id-Direttiva tan-Nitrati tal-UE u dawn ir-regolamenti ser jibqgħu jiġu infurzati fuq l-operaturi u stakeholders kollha. Fin-nuqqas ta’ pjanijiet oħra formalizzati fuq bażi nazzjonali mill-amministrazzjoni preċedenti, nitlob lill-Onor. Interpellant biex ikun aktar speċifiku għal liema pjanijiet qed jirreferi.

designated ports għas-sajjieda

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma d-designated ports għas-sajjieda li huma maqbula mal-Unjoni Ewropea? Hemm ħsieb li dawn jinbidlu fis-sena li ġejja? Jekk iva, kif se jinbidlu u fejn?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li hemm sebgħa designated ports għas-sajjieda li huma maqbula mal-Unjoni Ewropea. Ninsab infurmat ukoll li sal-lum m'hemm l-ebda tibdiliet ippjanati.

Buġibba – Waterpark – ħinijiet tal-ftuħ

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1763, jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-waterpark mhux se jinfetaħ qabel ġaladarba t-tfal ikunu spiċċaw l-iskejjel qabel l-aħħar ta’ Ġunju? Jikkonferma li l-użu tal-waterpark se jibqa’ b’xejn? Kemm hu mistenni li jkun hemm assistenti jew supervisors?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-Water Park ġewwa Buġibba s-sena li għaddiet kien infetaħ fl-24 ta’ Ġunju għaliex kien ġie inawgurat lejlet. Din is-sena ser jinfetaħ fl-1 ta’ Lulju sabiex supervisor flimkien ma’ tlett studenti tal-Università jkunu disponibbli sabiex jaqdu d-dmirijiet ta’ superviżjoni waqt il-ħinijiet kollha tal-ftuħ. Ninsab infurmat ukoll li l-użu tal-waterpark ser jibqa b’xejn.

Wasteserv – ingaġġ ta’ xufier

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk iċ-chairman il-ġdid tal-Wasteserv issa għandux driver permanenti miegħu? Jekk iva, din il-persuna x’tip ta’ kuntratt għandha? X’inhu l-ħlas li se jibda jirċievi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li iċ-chairman il-ġdid tal-Wasteserv m’għandux driver uffiċjali permanenti miegħu, għaldaqstant iż-żewġ mistoqsijiet l-oħra huma rrelevanti.
Leg 12 PQ #2454 Sitting 30 2013-06-12 Oral · Final From: GEORGE PULLICINO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru – sahra u safar

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti rendikont ta' kull uffiċjal pubbliku kemm għamel sahra u kemm ingħata allowances għal safriet kif applikabbli? Jista' jagħti din l-informazzjoni xahar b'xahar għal dawn l-aħħar tliet snin (minn Marzu 2010 sa Marzu 2013)? Jista’ jagħti l-informazzjoni separata għas-sahra u għas-safar għal kull impjegat taċ-ċivil? Jista’ jagħti total wara kull 12-il xahar sew għas-sahra u sew għas-safar?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

L-informazzjoni li qed tintalab mill-Onorevoli Membru trid ħafna żmien u xogħol biex tinġabar. Nemmen li jkun aktar għaqli li dan l-impenn jintuża fuq xogħol aktar produttiv. Madanakollu, jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq x’informazzjoni partikolari jista’ jagħmel dan bil-libertà kollha u tingħatalu l-informazzjoni li hemm bżonn