Proġett tal-bini ta' terminal u ħażna tal-LNG f’Delimara — studju dwar siti alternattivi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-gvern għamilx studju dwar siti alternativi ta’ fejn seta’ jitpoġġa l-bastiment bil-ħażna tal-gass LNG? Jekk iva, jista’ jpoġġi kopja ta’ dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi saret analiżi dettaljata ta’ alternattivi differenti. Dawn l-alternattivi gew ikkunsidrati fl-EIS li huwa dokument pubbliku.
Proġett tal-bini ta' terminal u ħażna tal-LNG f’Delimara — ċertifikat mill-COMAH
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex veru li l-awtorità kompetenti nazzjonali dwar il-kontroll ta’ periklu minn inċidenti kbar (COMAH) għadha ma ċċertifikatx ir-risk assessment li sar fuq il-proġett tal-bini ta’ terminal tal-LNG u l-ħażna tal-LNG f’Delimara għax dan mhux komplut? Sa meta hu mistenni li jingħata tali ċertifikat? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti kollha li għamlet l-awtorità kompetenti nazzjonali dwar il-kontroll ta’ periklu (COMAH) fuq dan il-proġett?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — persons of trust
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni li huma ngaġġati bħala persons of trust (POT) fi ħdan il-Ministeru tiegħu jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu li ngħataw permess biex jagħmlu xogħol bit-telework? Jekk iva min huma u kemm bħala persentaġġ jistgħu jagħmlu telework mill-ħin kollu?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninsab infurmat li ma hemmx persons of trust li ngħataw permess biex jagħmlu xogħol bit-telework fil-Ministeru jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħi.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-OHSA għamlitx l-evalwazzjoni tagħha fuq il-Quantitative Risk Analysis (QRA) tal-LNG Powerstation, LNG Storage Facility u faċilitajiet anċillari? Jekk iva, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti kollha li ħejjiet l-OHSA? Jekk le, meta se tagħti l-kummenti tagħha l-OHSA?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li r-rapporti għadhom fil-proċess ta’ finalizzazzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-OHSA qabditx esperti ħalli jevalwaw il-Quantitative Risk Analysis tal-LNG Powerstation, LNG Storage Facility u faċilitajiet anċillari? Jekk iva, min huma? Jekk le, min hu l-espert fi ħdan l-OHSA li kapaċi janalizza l-Quantitative Risk Analysis? Kemm-il espert kien hemm?Jista’ jpoġġi kopja tas-CV tal-esperti kollha (esterni u interni fl-OHSA) li ħadmu fuq il-Quantitative Risk Analysis?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-OHSA qabdet espert barrani biex janalizza dan ir-rapport. Aktar dettalji jingħataw meta x-xogħol ikun tlesta.
Jista' l-Ministru jpoġġi r-rapporti kollha tal-esperti mqabbda mill-OHSA fuq il-Mejda tal-Kamra fir-rigward tal-LNG Power Station, LNG Storage Facility u faċilitajiet anċillari? Kemm tħallas kull espert?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lil Onor. Membru li r-rapporti għad irid jiġu ffinalizzati.
Jekk ir-rapporttal-esperti fuq LNG Power Station, LNG Storage Facility u faċilitajiet anċillari għadhom mhux iffinalizzati, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kummenti li għamlu l-esperti kollha, u jgħid x'informazzjoni talbu aktar u fejn wasal il-proċess? Meta se jkunu lesti l-opinjonijiet fuq il-Quantitative Risk Analysis mill-esperti imqabda mill-OHSA?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onor. Membru li l-opinjonijiet ikunu lesti la darba r-rapporti jkunu finalizzati.
Jista’ l-Ministru jgħid x’consultation zones ġew ikkunsidrati fl-analiżi tal-esperti mqabbda ħalli janalizzaw l-Quantitative Risk Analysis tal-LNG Power Station, LNG Storage Facility u faċilitajiet anċillari? Min ħadem dawn il-consultation zones? Kif inħadmu u x'data ntużat?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li ġiet sottomessa l-informazzjoni kollha neċessarja biex il-konsulenti indipendenti tal-COMAH jagħmlu l-analiżi tagħhom. Issa qed nistennew ir-riżultati.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq l-istudju dwar il-viabilità tal-gas pipeline bejn Malta u Sqallija? Liema kumpanija/i qed twettaq/iwettqu x-xogħol fuq dan l-istudju? Meta hu previst li jkun lest? Kemm hu l-valur tal-kuntratt? Kemm mill-istudju se jkun iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol fuq l-istudju dwar il-viabilita’ tal-gas pipeline bejn Malta u Sqallija miexi kif previst. Il-kumpanija DSG Consulting Ltd qed twettaq ix-xogħol fuq dan l-istudju u previst li jkun lest fl-2014. Nofs l-ispejjeż tal-istudju huwa ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea.
Ġaladarba d-direttur tal-kumpanija Maltija, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li għandha sehem ta’ 30% fil-consortium li rebħet it-tender għall-istallazzjoni ta’ LNG Terminal, il-power purchase agreement u l-ħażna ta’ gass, li skont il-ġurnal The Times of Malta fl-14 t’Ottubru 2013 kien diġà qal li “the specialised storage ship has already been contracted”, u issa l-Gvern iffinalizza ma’ dan il-consortium, jista’ l-Ministru jagħti l-isem tal-vapur li ġie kkuntratjat, fejn hu rreġistrat u meta inbena dan il-vapur? Jista’ jipprovdi visual ta’ dan il-vapur u l-qisien tiegħu? Jista’ jgħid jekk il-bastiment hux self-propelled?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tiġi miġbura.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li għaddejja inkjesta dwar tbagħbis ta' smart meters? Jekk iva meta nbdiet din l-inkjesta u min qed imexxi din l-inkjesta?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn żmien għal żmien, tasal għand l-Enemalta informazzjoni dwar allegat serq ta’ elettriku jew xi forma ta’ abbuż ieħor. Dawn il-każi jkunu investigati mis-Sezzjoni tal-Internal Audit flimkien ma’ sezzjonijiet oħrajn tal-Korporazzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se tkun lesta r-renewables policy,peress li l-ewwel kien iddikjara li din se tkun lesta sa Settembru 2013 u mbagħad qal sa Diċembru 2013?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ir-renewables policy qiegħdha fi stadju avvanzat u bħalissa l-Ministeru qiegħed fil-fażi li jikkonsulta ma’ dawk kollha nvoluti qabel tkun approvata u tkun konformi ma’ l-istreteġiji u l-politika stabbilita’ mill-Gvern.
Jista’ l-Ministru jgħid x’interess kien hemm fuq l-expression of interest maħruġa mill-Gvern għal spazji privati għall-panelli fotovoltaiċi?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kien hemm interess mis-settur privat għar-Request for Information (MECW & MEPA). L-akbar interess kien fuq barrieri eżawriti u soqfa kbar.
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni jibda x-xogħol fuq il-pedestrian crossing fil-bypass tal-Imrieħel?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onor. Interpellant li bħalissa qiegħdha tiġi ipproċessata l-applikazzjoni mill-MEPA. Wara li joħroġ il-permess, jibda il-proċess ta’ Expression of Interest.
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni jitlesta x-xogħol ta’ restawr tas-salini fis-Salina? Kemm se jkun sewa dan il-proġett u kemm mill-ispiża se tkun tħallset minn fondi tal-Unjoni Ewropea?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li x-xogħol ta’ restawr tas-salini fis-Salini, sakemm ma jinqalawx problemi li mhumiex prevvisti, huwa mistenni li jitlesta sal-aħħar kwart ta’ din is-sena. Il-proġett mistenni jiswa € 6,290,707 (VAT nett) li € 4,247,528 (VAT nett) mill-ispiża hi stmata li tkun tħallset minn fondi tal-Unjoni Ewropea. Lill-Onorevoli Interpellant ninfurmah ukoll li meta dħalt responsabbli jiena, sibt sitwazzjoni fejn kien hemm periklu li jintilfu fondi biex jiġi iffinanzjat dan il-proġett. Madankollu saru u għadhom qed isiru sforzi sabiex ma jkunx hemm telf ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea għall-proġett tar-restawr tas-salini fis-Salina.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux jikkunsidra li s-salini restawrati fis-Salina jitħaddmu minn koperattiva jew formazzjoni simili tal-produtturi tal-melħ f’pajjiżna?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qed jikkonsidra x’inhuma l-aħjar alternattivi sabiex jitħaddmu s-salini restawrati fis-Salina.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk iċ-chairman, is-CEO jew persuni mit-top management ta’ Transport Malta rċivewx rigali mingħand il-ħaddiema tal-awtorità fl-aħħar sitt ġimgħat u jekk iva x’kienu r-rigali aċċettati?
Response (MIZZI, JOE)
Nikkonferma li persuni mit-top management (Chairman / CEO u Chief Officers) ta’ Transport Malta rċivew rigali mingħand il-ħaddiema tal-awtorità kemm fl-aħħar sitt ġimgħat kif ukoll fil-leġislatura l-oħra għal dan l-istess perijodu.
Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — rigali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk iċ-chairman, is-CEO jew persuni mit-top management tal-Korporazzjoni Enemalta u tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma rċevewx rigali mingħand il-ħaddiema tal-korporazzjonijiet fl-aħħar sitt ġimgħat u jekk iva x’kienu r-rigali aċċettati?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perijodu imsemmi kien hemm xi uħud mill-membri tal-‘management’ li rċevew xi rigali li normalment jingħataw fi żmien il-Milied fuq inizjattiva tal-impjegati, u li jitqiesu bħala ‘seasonal tokens’.
Fl-istess żmien inzerta li kemm fl-Enemalta kif ukoll fil-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kien hemm Chief Executive Officers li spiċċaw mill-kariga tagħhom. Dawn l-uffiċjali rċevew rigal mill-ħaddiema bħala ‘token of appreciation’ fi tmiem il-kariga tagħhom.
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — Human Resources Manager
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ħarġitx sejħa għal Human Resources Manager fil-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma? Jekk iva, meta ħarġet u fejn ġiet ippubblikata s-sejħa? Kemm applikaw, u min intgħażel?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma ħarġet l-ebda applikazzjoni għal Human Resources Manager.