FTS — Skola tal-bniet f’Tal-Ħandaq f’Ħal Qormi – ħatra ta’ Quantity Surveyor b’referenza għall-Provvista u Tqegħid ta’ Madum u Irħam
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk tqabbadx Quantity Surveyor indipendenti biex jeżamina d-diskrepanzi bejn l-ammonti claimed mill-kuntrattur u dawk deskritti mill-FTS b’konnessjoni ma’ tender li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament (Provvista u Tqegħid ta’ Madum u Irħam fl-iskola ġdida tal-bniet f’Tal-Ħandaq f’Ħal-Qormi, liema skola tifforma parti mill-Kulleġġ Sant’Injazju)? Jekk iva, min kien dan il-Quantity Surveyor? Jista’ jgħid ippreżentax rapport? Jekk iva, jista’ jpoġġi kopja ta’ dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat mill-FTS li kien tqabbad perit bħala Quantity Surveyor indipendenti iżda ma sarx rapport peress li ma saritx il-perizja mitluba. Isem dan il-perit qiegħed jingħata lill-Onorevoli interpellant separatament.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — uffiċjali, persons of trusts u konsulenti li siefru fuq impenji ta’ xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30357 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ uffiċjali, persons of trusts u konsulenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol li siefru fuq impenji ta' xogħol, maqsuma bl-ammont ta’ ġranet li damu barra minn Malta, bil-kariga li huma jokkupaw, il-pajjiż fejn sar dan l-ivvjaġġar u jindika l-laqgħat li attendew għalihom, minn Marzu 2013 sa Diċembru 2016?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li lista bl-informazzjoni mitluba f'mistoqsija parlamentari 30357 tqiegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra f'seduta 480.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30356, jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu għalliema neqsin f’kull suġġett?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li dak iż-żmien kien hemm għalliem wieħed nieqes għal kull suġġett imsemmi. Madankollu, minn dak iż-żmien ġew mimlija l-vakanzi fl-Ethics, Art, German u French. Id-Direttorat għadu qed jaħdem biex jimla l-vakanza li għandu fil-European Studies.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, jonqoshiex titħallas flus mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) konnessjoni mat-tender li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-kumpanija msemmija ma jonqosha titħallas xejn mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada (FTS) dwar it-tender imsemmi.
FTS – dewmien fil-performance ta’ supply u tqegħid ta’ madum minn kuntrattur
Question
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 30026, jista’ l-Ministru jispjega għaliex il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) ma ġietx mitluba tikkwantifika d-danni minħabba dewmien fil-performance ta’ supply u tqegħid ta’ madum mill-kuntrattur marbut mat-tender li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Erġajt ġejt infurmat li t-tmexxija tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS), fi żmien tax-xogħol relatat mat-tender indikat, kienet responsabbli biex tikkwantifika d-danni minħabba dewmien fil-performance ta’ supply u tqegħid ta’ madum mill-kuntrattur marbut mat-tender imsemmi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna ġiet impjegata minn barra, mislufa mid-Dipartiment, entità jew minn Awtorità tal-Gvern fil-Malta Libraries minn Lulju 2016 sal-lum? Jekk iva kemm ġew impjegati nies, min qed joħroġ il-pagi tagħhom, x’inhu l-grad tagħhom, xi kwalifiċi u x’esperjenza kellhom il-persuni magħżula,u jekk l-ewwel sejħa ħarġitx interna għall-ħaddiema li diġà jaħdmu mal-Malta Libraries?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat minn Malta Libraries li l-informazzjoni mitluba hi kif tidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-preżent hemmx jew kienx hemm calls/vakanzi fi ħdan il-Malta Libraries, u jekk iva x’inhuma dawn il-calls/vakanzi, u jekk l-ewwel ħarġux internament għall-ħaddiema tal-Malta Libraries? X'esperjenza u kwalifiki kienu jirrikjedu dawn il-calls?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fil-preżent għaddej il-proċess marbut ma’ tliet calls u fit-tliet każijiet ġie applikat mill-ewwel il-proċess estern permezz ta’ JobsPlus. It-tliet calls huma relatati ma’ dawn il-pożizzjonijiet: Manager Projects, Library Assistant u Library Attendant.
L-esperjenza u l-kwalifiċi mitluba huma kif se nsemmi:
Manager Projects : Kwalifika ta’ first degree jew iktar u tliet snin esperjenza
Library Assistant : Kwalifiċi f’ħames suġġetti SEC jew iktar u esperjenza relatata ma’ tali xogħol
Library Attendant: Ħiliet bażiċi fil-kitba, qari, matematika u kompjuter
Ħ’Attard – Kulleġġ San Nikola – assenza tal-għalliema
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux infurmat bl-assenza tal-għalliema fi klassi Year 2.2 fl-Iskola Primarja ta' Ħ'Attard fi ħdan il-Kulleġġ San Nikola? Jekk iva, kemm kienu dawn l-assenzi minn Novembru 2016 sa Jannar 2017, u fuq liema bażi qed jiġu ġġustifikati dawn l-assenzi? X'rimedji qed jingħataw lit-tfal f'fażi tant bikrija u sensittiva tal-edukazzjoni tagħhom u meta mistennija li tittranġa din il-problema?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li minn Novembru 2016 sa l-aħħar ta' Jannar 2017, l-għalliema fil-klassi indikata rrappurtat li kienet ma tiflaħx diversi drabi f'dan il-perjodu. Infurmat ukoll illi kull darba li kienet ma tiflaħx intbagħat ċertifikat mediku u li saru talbiet biex issir vista mit-tabib diversi drabi. Infurmat li matul dawn il-ġranet li l-għalliema kienet assenti, it-tfal tal-klassi ħadu ħsiebhom membri tal-SMT għal xi ħin u tqassmu fuq klassijiet oħra biex it-tagħlim kemm jista' jkun ikompli għaddej.
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru (kemm dawk ta’ restawr kif ukoll ta’ trasformazzjoni biex jilqgħu l-laqgħat ta’ matul il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea) fuq u fil-Palazz Presidenzjali fil-Belt Valletta?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li żewġ entitajiet li jaqgħu fir-responsabilità tiegħi ħadmu b’mod dirett fuq dan il-proġett, ċjoè Heritage Malta u d-Direttorat tar-Restawr.
Heritage Malta kienu responsabbli għal xogħol fuq l-irħam tal-kurituri prinċipali tal-ewwel sular u interventi fuq il-ħitan dekorati tal-istess kuritur.
Id-Direttorat tar-Restawr ħa ħsieb l-aspett ta' manutenzjoni.
Kburi ħafna bix-xogħol li għamlu dawn iż-żewġ entitajiet.
Irrid ngħid li x-xogħol kollu li sar speċifikament bi tħejjija għall-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ministri kien immexxi mill-GHRC bhala
lead entity
, li taqa’ fir-responsabilità tal-kollega tiegħi l-Onor. Ministru Joe Mizzi. Għaldaqstant, nistieden lill-Onor. Interpellant jirreferi d-domanda lill-Onor. Ministru Joe Mizzi biex jingħata l-informazzjoni kollha li jixtieq.
FTS — uffiċjali, persons of trusts u konsulenti li siefru fuq impenji ta’ xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ uffiċjali, persons of trusts u konsulenti fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) li siefru fuq impenji ta' xogħol, bl-ammont ta’ ġranet li damu barra minn Malta, bil-kariga li huma jokkupaw, il-pajjiż fejn sar dan l-ivvjaġġar u jindika l-laqgħat li attendew għalihom minn Marzu 2013 sa Diċembru 2016?
Response (BARTOLO, EVARIST)
L-informazzjoni dwar l-uffiċjali, persons of trusts u konsulenti fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) li siefru fuq impenji ta' xogħol minn Marzu 2013 sa Diċembru 2016 qed tingħata lill-Onorevoli Interpellant separatament.
Peress li l-files relattivi jinsabu għand l-Internal Audit and Investigations Department (IAID), l-FTS ma għandhiex informazzjoni dwar l-ammont ta' ġranet li damu barra u n-natura tal-laqgħat li attendew għalihom.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ ħaddiema li huma ngaġġati fuq il-Community Work Scheme minn Marzu 2013 sa Diċembru 2016? Jista’ l-Ministru jelenka l-entità li tħaddimhom u t-terminu taż-żmien fil-kuntratt rispettivament?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nixtieq ngħarraf lill-Onor. interpellant li skont il-protezzjoni tad-data u skont dak li huwa ta’ interess pubbliku, l-ismijiet tal-parteċipanti ma jistgħux jingħataw. Barra minn hekk nirreferi lill-Onorevoli interpellant għal-mistoqsija parlamentari 25228 fejn il-lista ta’ entitajiet li qegħdin assenjati magħhom il-parteċipanti tal-Comunity Work Scheme tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra. L-individwi qegħdin assenjati mal-kumpanija fuq bażi indefinita.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħallset flus f’konsulenzi l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) minn Jannar 2008 sal-lum, xahar b’xahar, u lil min ħallsithom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif muri fit-tabella li qiegħda tiġi mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra.
(Korrezzjoni: Ara Dokument PL 8366 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 475 nhar it-Tnejn 30 ta' Jannar 2017)
Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada – pagi, allowances u perks
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħallset flus f’pagi, allowances u ħlasijiet bħala perks lill-impjegati tagħha l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) minn Jannar 2008 sal-lum, xahar b’xahar, u lil min ħallsithom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
L-informazzjoni mitluba qiegħda tingħata lill-Onor. Interpellant separatament u b’mod kunfidenzjali.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – membri tal-bordijiet għar-reklutaġġ
Question
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-persuni li ġew appuntati bħala membri tal-bordijiet għall-reklutaġġ fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol minn Marzu 2013 sa Diċembru 2016?
Response (BARTOLO, EVARIST)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
MCAST – membri appuntati tal-bordijiet għar-reklutaġġ
Question
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-persuni li ġew appuntati bħala membri tal-bordijiet għar-reklutaġġ fil-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) minn Marzu 2013 sa Diċembru 2016?
Response (BARTOLO, EVARIST)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 30355 - MCAST - membri appuntati tal-bordijiet għar-reklutaġġ.pdf
Jista’ l-Ministru jindika f'liema suġġetti u għal liema livell ta' edukazzjoni huwa għandu għalliema neqsin, u kemm ilhom neqsin dawn l-għalliema?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għalliema li hemm neqsin huma:
Primarja: Ethics
Sekondarja: Art, European Studies, German
Post Sekondarja: French
Infurmat li dawn ilhom neqsin mid-9 ta’ Jannar 2017. Id-Direttorat qed jaħdem biex dawn l-għalliema jiġu koperti fil-ġranet li ġejjin.
Ministeru għal-Edukazzjoni u x-Xogħol — uffiċjali, persons of trusts u konsulenti li siefru fuq impenji ta’ xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ uffiċjali, persons of trusts u konsulenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol li siefru fuq impenji ta' xogħol maqsuma bl-ammont ta’ ġranet li damu barra minn Malta, bil-kariga li huma jokkupaw, il-pajjiż fejn sar dan l-ivvjaġġar u jindika l-laqgħat li attendew għalihom, minn Marzu 2013 sa Diċembru 2016?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li jinħtieġ iktar żmien sabiex tinġabar l-informazzjoni mitluba. Għaldaqstant, it-tagħrif mitlub ikun jista' jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif tingħatali din l-informazzjoni.
(
Informazzjoni Addizzjoni: Ara Dokument PL 8417 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'seduta 480, nhar l-Erbgħa 8 ta' Frar 2017)
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-bilanċ li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) kellha tagħti lill-banek fit-28 ta’ Frar 2013 (jew l-eqreb data disponibbli) u l-aħħar data li għaliha jista’ jagħti din l-informazzjoni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-bilanċ li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada (FTS) kellha tagħti lill-banek fil-31 ta' Marzu, 2013, kien ta' €59,982,650, filwaqt li l-bilanċ li l-FTS kellha tagħti lill-banek fil-31 ta' Diċembru, 2016, kien ta' €90,616,625.