Residenza San Vinċenz de Paul – Blokka Rużar Briffa – sistema tad-dawl
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’sar mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-lum biex is-sistema tad-dawl fil-blokka Rużar Briffa fir-Residenza San Vinċenz de Paul, tinbidel ma’ oħra aktar effiċjenti? Jista’ jgħid miżura b’miżura x’sar u kemm intefqu flus fuq kull miżura sal-lum?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f’seduta oħra.
Kumpanija – impjegati li kienu mal-Korporazzjoni Enemalta
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li fil-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament hemm biss impjegati li huma ex-Korporazzjoni Enemalta? Jekk dan mhux il-każ, jista’ jgħid kemm hemm impjegati li mhumiex ex-korporazzjoni Enemalta u kif u meta dawn ġew impjegati?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-impjegati fil-kumpanija msemmija huma kollha ex-Korporazzjoni Enemalta.
Jista’ l-Ministru jispjega għaliex fl-iskola tal-Għargħur, speċjalment f’Kinder 1, m’hemmx LSA, meta fil-klassi hemm 24 tifel u tifla?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fl-iskola ta’ Ħal Għargħur hemm żewġ gruppi tal-Kinder 1, it-tnejn b’erbatax-il student kull grupp. Fi grupp minnhom hemm student li huwa statemented full-time 1-1 u ma’ dan l-istudent hemm Learning Support Assistant.
Dawn iż-żewġ gruppi qiegħdin fi klassi waħda ma’ żewġ KGAs u LSA.
Jista’ l-Ministru jgħid xi twettaq sal-lum mill-wegħda ta’ proġett pilota ta’ intelligent street lighting f’Għawdex u 12-il kilometru f’Malta? Jista’ jgħid f’liema toroq ġiet installata sistema bħal din mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-lum? Kemm-il kilometru tlesta f’kull triq b’sistema bħal din?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-rapport “It-Twettiq tal-Baġit 2014” li diġa’ tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna gawdiet minn skema ta’ insulazzjoni tas-soqfa ta’ darhom mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-lum? Jista’ jgħid mil-liema skema gawdew u meta kienet ġiet ippubblikata l-ħarġa ta’ dik is-sejħa?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi 319 (tlett mija u dsatax) –il applikant gawdew mill-fondi tal-iskema tal-insulazzjoni tas-soqfa u double glazing, liema skema ġiet innotifikata permezz ta’ Notifika tal-Gvern 1141 (elf, mija, wieħed u erbgħin) fil-15 ta’ Novembru 2013.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il binja pubblika gawdiet minn programm ta’ retro fitting biex isiru aktar energy efficient mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-lum? Liema huma dawn il-binjiet u x’xogħol sar fuqhom, miżura b’miżura? Kemm kienet l-ispiża li saret fuq kull binja?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-rapport “It-Twettiq tal-Baġit 2014” li diġa’ tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kampanja dwar il-konservazzjoni tal-ilma — implimentazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienut l-miżuri li saru mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-lum biex tkun implimentata kampanja dwar il-konservazzjoni tal-ilma? Jista’ jsemmi miżura b’miżura x’sar u kemm intefqu flus fuq kull miżura?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-rapport “It-Twettiq tal-Baġit 2014” li diġa’ tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il familja gawdew minn programm ta’ identifikazzjoni ta’ miżuri u bidliet li jistgħu jagħmel sabiex jiffrankaw l-użu tad-dawl u l-ilma mill 1 ta’ Jannar 2014 sal-lum?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-rapport “It-Twettiq tal-Baġit 2014” li diġa’ tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-inkjesta interna li għamlet il-Korporazzjoni Enemalta wara l-blackout totali tat-12 ta’ Awwissu 2014?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-inkjesta interna msemmija kkonkludiet li l-inċident tat-12 t’Awwissu kien ikkawzat minn raġunijiet “purament tekniċi”. Hija l-prassi li rapporti tekniċi bħal dawn ma jiġux ippublikati minħabba kalkoli u tagħrif ieħor tekniku li jkun fihom.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7153 u ċjoè: Ġaladarba d-direttur tal-kumpanija Maltija, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li għandha sehem ta’ 30% fil-consortium li rebħet it-tender għall-istallazzjoni ta’ LNG Terminal, il-power purchase agreement u l-ħażna ta’ gass, li skont il-ġurnal The Times of Malta fl-14 t’Ottubru 2013 kien diġà qal li “the specialised storage ship has already been contracted”, u issa l-Gvern iffinalizza ma’ dan il-consortium, jista’ l-Ministru jagħti l-isem tal-vapur li ġie kkuntrattat, fejn hu rreġistrat u meta nbena dan il-vapur? Jista’ jipprovdi visual ta’ dan il-vapur u l-qisien tiegħu? Jista’ jgħid jekk il-bastiment hux self-propelled?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni relatata tkun ippubblikata fil-mument opportun.
Fid-dawl tal-pubblikazzjoni tal-aħħar financial statements tal-kumpanija Gasol plc, li tifforma parti mill-konsorzju Electrogas, li juru stampa xejn feliċi tal-istat finanzjarju tagħha u fejn l-awdituri juru tħassib serju dwar il-futur tal-kumpanija, jista’ l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern fuq din l-aħbar? Jista jgħid jekk l-istat finanzjarju b’saħħtu u pożittiv tal-bidders u l-komponenti individwali ta' joint ventures jew konsorzja, kienx u għadux rekwiżit biex l-istess bidder jibqa jitqies eliġibbli?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-konsorzju kien ivvettjat għas-saħħa finanzjarja tiegħu u l-kuntratt ingħata abbażi tal-kriterji stipulati fil-proċess ta’ xiri.
National Renewable Energy Action Plan – ġenerazzjoni tal-elettriku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid skont in-National Renewable Energy Action Plan (NREAP) x’inhi l-kontribuzzjoni ta’ elettriku li dan il-pajjiż ħa jkun qed jiġġenera mix-xemx, mir-riħ u mill-iskart ħalli jilħaq il-mira tas-sena 2020, u ċjoè, li 10% mill-enerġija kollha li tiġi kkunsmata f’pajjiżna tiġi minn sorsi li jiġġeddu?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dan il-pjan qed jiġi mibdul biex jieħdu in konsiderazzjoni ir-realtajiet tal-lum.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk in-National Energy Policy għadhiex fis-seħħ jew le? Jekk iva, meta se tiġi emendata ħalli l-LNG power station tiġi rikonoxxuta? Jekk le, meta beħsiebu l-Ministru jabbozza l-Energy Policy l-ġdida?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-policy ssir kull numru ta’ snin.
Jista’ l-Ministru jelenka, xahar b’xahar għas-sitt xhur li ġejjin, ix-xogħol li l-Enemalta ħa tkun qed timpenja ruħha li twettaq ħalli l-power station il-ġdida tiġi varata kif imwiegħed?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. interpellant li x-xogħlijiet qed isiru mill-Privat.
Li kieku l-LNG tanker kien sorġut kif ippjanat ħdejn il-power station u seħħ inċident similii għal dak li ġara wara l-maltemp tal-Ħadd, 5 ta’ Ottubru, kif ġie rrappurtat li vapur fil-Port Ħieles qata’ ċ-ċimi tiegħu, jista’ l-Ministru jgħid x’kien ikun il-pjan ta’ azzjoni f’din l-eventwalità għall-power station skont ir-risk assessment li sar fuq il-power station il-ġdida?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-sigurtá hija l-ogħla prijoritá għal dan il-proġett u l-operatur ser isegwi l-ogħla standards Ewropej u Internazzjonali.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk is-CEO tal-Korporazzjoni Enemalta huwiex jissorvelja siti ta’ kostruzzjoni bħala parti mix-xogħol privat tiegħu?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-permess li ngħatat din il-persuna huwa simili għal dak li kien ingħata taħt l-amministrazzjoni preċedenti meta l-persuna msemmija kienet taħdem fid-Dipartiment tax-Xogħlijiet tal-Gvern fi ħdan il-Ministeru taħt ir-responsabilità tal-istess Onor. Interpellant.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istudju dwar il-vijabilità ta’ gas pipeline bejn Malta u Sqallija, li l-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament kienet qed taħdem fuqu ?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tali studju għadu għaddej.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9913 u jgħid kemm ġabret flus l-ARMS Ltd fl-2012 u fl-2013? Jista’ jgħid ukoll kemm ġabret flus l-ARMS Ltd fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena u kemm ġabret flus fl-ewwel tliet xhur tas-sena l-oħra?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.