Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew stallati meters mal-boreholes tal-bdiewa mill-aħħar ta’ Marzu 2014 sal-lum?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-perjodu ta' bejn l-aħħar ta' Marzu 2014 u l-aħħar ta' Settembru 2015 ġew installati 1445 (elf, erba’ mija, ħamsa u erbgħin) meter mal-boreholes tal-bdiewa.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitlesta l-lift li jieħdok mil-livell tad-daħla tal-Belt Valletta sal-livell tal-Bank Ċentrali?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li fadal xi xogħolijiet ta’ ħadid li qed isir bħalissa u meta dan jitlesta jkun jonqos isir xogħol ieħor ta’ dwal, ġebla u ittestjar. Hu maħsub li dan il-lift ikun qed jopera sa l-aħħar ta’ Novembru.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-KNPD ġibditx l-attenzjoni tal-Gvern li minkejja li t-taraġ fuq il-lemin tad-daħla tal-Belt issa ilu xi tmien xhur li nfetaħ għall-pubbliku, min-naħa l-oħra l-lift li jieħdok mil-livell tad-daħla tal-Belt Valletta sal-livell tal-Bank Ċentrali sal-lum għadu mhux lest u allura persuna fuq wheelchair ma tistax taċċedi għal dak il-livell jekk mhux billi ddur id-dawra kollha? Jekk il-KNPD ġibdet l-attenzjoni tal-Gvern, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza relevanti kollha?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, waqt spezzjoni fuq il-post li għamlet il-KNPD, kemm ġewwa l-bini tal-Parlament u l-madwar tad-daħla tal-Belt, fost l-affarijiet li ġew innotati kien hemm l-assenza ta’ lift, kif qed jiġi msemmi fil-Mistoqsija Parlamentari. Il-KNPD ġibdet mill-ewwel l-attenzjoni għal dan u ngħatat l-assigurazzjoni mill-Grand Harbour Regeneration Corporation plc (GHRC) li, l-lift se jkun installat kif jitlesta x-xogħol li għad fadal xi jsir. Il-KNPD qiegħda f’kuntatt mal-GHRC biex issegwi dan il-każ.
Dipartiment tal-Gvern — ħaddiema fi gradi ta' senior management
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma d-Dipartimenti tal-Gvern fi ħdan il-Ministeri li l-ħaddiema tagħhom fi grad ta' senior management għadhom ma tħallsux il-performance bonus għas-sena 2014 u x'inhi r-raġuni għal dan?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li il-performance bonuses għas-sena 2014 tas-senior management fid-Dipartimenti fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru tħallsu.
Jista’ l-Ministru jgħid x’bidliet hemm ippjanati fit-Taqsima tal-iStudent Services? Veru li servizz essenzjali bħal dak tal-Early Intervention mhuwiex se jibqa’ jingħata?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa d-Dipartiment Servizzi għall-Istudent qiegħed ikompli jsaħħaħ ir-riżorsi umani biex is-servizzi li jingħataw ikunu aħjar u b’hekk ikunu jistgħu jintlaħqu dawk l-istudenti kollha li jeħtieġu s-support meħtieġ.
Is-servizz tal-Early Intervention se jibqa’ jingħata.
Jista’ l-Ministru jgħid matul is-sena skolastika 2014/2015 kemm kien hemm għalliema fl-iskejjel sekondarji li kienu jgħallmu f’aktar minn skola waħda (shared teachers) u kemm hemm issa fil-bidu ta’ din is-sena skolastika?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ għalliema fl-iskejjel sekondarji li kienu jgħallmu f’aktar minn skola waħda (shared teachers) matul is-sena 2014/2015 kien ta’ 124.
In-numru ta’ għalliema fl-iskejjel sekondarji li qed jgħallmu f’aktar minn skola waħda (shared teachers) matul is-sena 2015/2016 hu ta’ 89.
Skejjel tal-Istat – inizjattivi għal studenti li ma jitkellmux il-Malti u l-Ingliż
Question
Jista’ l-Ministru jgħid s’issa x’inizjattivi ttieħdu sabiex ikunu megħjuna dawk it-tfal li jattendu l-iskejjel tal-Istat li la jitkellmu l-Malti u lanqas l-Ingliż? Il-programm li ġie mħaddem matul is-sena l-oħra ġie eżaminat u x’inizjattivi jew servizzi oħra se jiżdiedu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li matul is-snin li għaddew, id-Direttorat tal-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni (DQSE) nieda diversi proġetti biex jassisti lid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi (DES) u l-Iskejjel tal-Istat f’dan il-qasam. Fosthom wieħed jista’ jsemmi:
Proġett IF 07-11 fejn permezz tiegħu ingħata taħriġ lil numru ta’ għalliema tad-DES fuq kif tgħallem l-Ingliż bħala lingwa barranija. Permezz ta’ dan il-proġett li kien parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea, nxtraw għadd ta’ riżorsi għat-tagħlim tal-lingwa Ingliża, liema riżorsi tqassmu fil-Kulleġġi kollha tal-Istat.
Dan l-aħħar tliet snin id-DQSE mexxa ukoll ħames proġetti oħra parzjalment iffinanzjati mill-Unjoni Ewropea. LLAPSI (Language Learning and Parental Support for Integration 1,2 u 3) huma sensiela ta’ tliet proġetti li permezz tagħhom ġew impjegati numru ta’ Language Support Assistants mid-DES sabiex jgħinu lit-tfal li ma jafux jikkomunikaw bil-Malti u bl-Ingliż fl-Iskejjel tal-Istat. Permezz tal-proġetti LLAPSI ġew ingaġġati ukoll numru ta’ Parent Leaders li ħadmu mal-ġenituri tal-istudenti sabiex ikun hemm għarfien aktar wiesgħa tas-servizzi edukattivi u s-sehem li ġenitur jista’ jagħti fl-Edukazzjoni tal-ulied. Il-proġetti nkludew ukoll sapport tekniku minn organizzazzjoni li taħdem f’dan il-qasam. L-organizzazzjoni non-governattiva ntgħażlet wara sejħa għall-offerti. Din l-organizazzjoni nediet kwestjonarju għall-edukaturi, l-ġenituri u l-istudenti u saret evalwazzjoni ta’ dan il-kwestjonarju.
Proġett ieħor mniedi mid-Direttorat tal-Kwalita u Standards fl-Edukazzjoni kien CCOAST (Core Competences Online Assessment Tool). F’dan il-proġett kienet żviluppata għodda ta’ assessjar onlajn fil-ħiliet bażiċi tal-litteriżmu u lingwa fil-Malti u l-Ingliż. Dan il-proġett kien parzjalment iffinanzjata mill-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta’ Ċittadini ta’ pajjiżi Terzi. Din l-għodda ngħatat lill-Iskejjel tal-Istat biex tgħin fl-assessjar ta’ dawn l-istudenti partikolari.
RESS (Reading and Spelling Software) hu l-ħames proġett, parzjalment iffinanzjat li tħaddem dan l-aħħar snin fejn inxtara software interattiv li jgħin l-istudenti fil-qari. Ingħata taħriġ lill-grupp ta’ għalliema tad-DES fuq kif jistgħu jħaddmu din l-għodda. Dan is-software hu aċċessibli fil-klassijiet kollha tal-Iskejjel Primarji tal-Istat.
Matul is-sena skolastika 2014-2015, id-DQSE offra s-sapport lid-DES u l-Iskejjel tal-Istat billi madwar sitt mitt student li ma jafux jitkellmu la bil-Malti u l-anqas bl-Ingliż ingħataw kors ta’ sitt ġimgħat fil-ħiliet komunikattivi. Dan is-sapport ġie estiż skont il-bżonn tal-istudenti. Dan is-sapport tħaddem minn erbatax-il edukatur.
Matul is-sena skolastika 2014-2015 saret konsultazzjoni ma’ għaqdiet non-governattivi u organizzazzjonijiet li jaħdmu f’dan il-qasam sabiex jitfassal pjan ta’ ħidma. Saru numru ta’ laqgħat u seminar li fih ġew diskussi diversi temi f’dan il-qasam tal-edukazzjoni.
B’rispons għat-talbiet u r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-konsultazzjoni wiesgħa, matul din is-sena (2015-2016) ġie deċiż flimkien mad-DES u l-ogħla awtoritajiet fi ħdan il-MEDE, li s-sapport għall-istudenti li ma jafux jitkellmu bil-Malti u bl-Ingliż ser itul sena skolastika sħiħa. Il-klassijiet li fihom ser jattendu dawn l-istudenti qegħdin mifruxin f’diversi skejjel statali. L-għalliema ngaġġati, li llum huma tnejn u tletin, ġew mogħtija taħriġ inizjali. F’dawn il-klassijiet tqassmu ammont ta’ riżorsi għat-tagħlim li kienu nxtraw permezz tal-proġetti LLAPSI, CCOAST u RESS.
L-ingaġg ta’ Parent Leaders ser jitkompla sabiex jintlaħqu l-ġenituri ta’ dawn l-istudenti u jitqarrbu dejjem aktar lejn l-iskola u l-ħajja edukattiva ta’ wliedhom.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw boroż ta’ studju lil studenti li riedu jsegwu l-kors ta’ veterinary services f’pajjiż barrani f’dawn l-aħħar sentejn?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li matul dawn l-aħħar sentejn hemm erbatax-il student/a li qed jibbenefikaw mill-iskema tal-Malta Government Undergraduate Scheme sabiex ikunu jistgħu jsegwu korsijiet barra minn Malta fis-servizzi veterinarji.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ippjanat li jingħataw boroż ta’ studju lill-istudenti li din is-sena jridu jsegwu l-kors ta’ veterinary services f’pajjiż barrani? ? Jekk iva, kemm-il borża ta’ studju se tingħata? Kemm se jkun l-ammont ta’ flus mogħti lil kull student?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li b’effett minn din is-sena, programmi ta’ studju fil-livell ta’ postgraduate fis-suġġetti veterinary sciences u veterinary services ġew inklużi taħt waħda mill-priority areas taħt l-iskema ENDEAVOUR Scholarships Scheme Group B, liema skema hija sosnuta minn fondi lokali.
Infurmat li kien hemm ammont kbir ta’ applikanti taħt l-iskema msemmija u l-applikanti li applikaw taħt din il-
priority area
ma ġabux punti biżżejjed biex setgħu jiggwadanjaw minn borża ta’ studju.
Barra minn hekk studenti li jixtiequ jkomplu bl-istudji tagħhom fis-suġġetti msemmija fil-livell
undergraduate
f’pajjiżi barra minn Malta jistgħu japplikaw taħt l-iskema
Malta Government Undergraduate Scheme.
Din l-iskema tipprovdi kategorija speċifika għal dawn l-istudenti.
Vererinary Services
hija meqjusa taħt din l-iskema bħala
high priority
. Dawn l-istudenti jibbenefikaw minn stipendju. L-applikazzjonijiet taħt din l-iskema jagħlqu fit-30 ta’ Novembru 2015.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kuntrattur li għamel il-bus lane fix-Xatt tal-Imsida quddiem Triq il-Baċir (fuq in-naħa tal-baħar) ġiex mitlub biex jirranġa’ x-xogħol li kien sar minnu ftit ġimgħat ilu biss, peress li huwa evidenti li l-materjal applikat diġà inqala?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fis-sit imsemmi hemm xi nuqqasijiet fil-kwalita’ ta’ xogħol li sar u li Transport Malta qiegħda ssegwi flimkien mal-kuntrattur u d-Dipartiment tal-Kuntratti.
Enemalta – testijiet ta’ kalibrazzjoni fuq pompi tal-petrol
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il test ta’ kalibrazzjoni għamlet l-Enemalta fuq il-pompi tal-petrol li jipprovdu servizz lill-konsumatur bi fuel mixtri mill-Enemalta mill-1 ta’ Jannar 2015 sal-lum?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ studenti li qed jattendu l-iSkola Ġużè Ellul Mercer fil-Gżira li ġiet imwaqqfa dan l-aħħar għal dawk it-tfal li sabuha diffiċli biex jgħaddu mill-eżamijiet f’Livell Ordinarju? Jista’ jgħid kemm studenti kienu jattendu skola tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti, qabel?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li GEM16+ għandu, sas-7 ta' Ottubru 2015, 74 student li ġejjin minn:
Skejjel tal-Istat - 68
Skejjel Indipendenti - 2
Skejjel tal-Knisja - 4
L-applikazzjonijiet jibqghu jintlaqgħu sat-30 ta' Ottubru 2015
Skola Ġużè Ellul Mercer – amministraturi u edukaturi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ amministraturi u edukaturi li qed jaħdmu fl-iSkola Ġużè Ellul Mercer li twaqqfet dan l-aħħar fil-Gżira?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fl-iSkola Ġuzè Ellul Mercer hemm dawn l-amministraturi u edukaturi:
Kap ta’ Skola – 1
Assistenti Kapijiet – 2
Għalliema – 22
LSAs – 5
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma s-suġġetti li qed jiġu mgħallma fl-iSkola Ġużè Ellul Mercer fil-Gżira? Jista’ jgħid kemm huwa n-numru u t-tul tal-lezzjonijiet li qed jiġu offruti f’din l-iskola?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-suġġetti mgħallma li jwasslu għall-eżami tas-SEC 2016 huma l-Malti, l-Ingliż, il-Matematika u l-Fiżika jew ECDL. Jiġu mgħallma wkoll l-Edukazzjoni Fiżika u l-PSCD (l-iżvilupp soċjali, personali, u fl-aspett tal-karrieri).
Kull lezzjoni ddum 55 minuta u jkun hemm ħames lezzjonijiet kuljum jiġifieri 25 lezzjoni fil-ġimgħa. Dawn qiegħdin mqassmin hekk:-
Suġġett
Lezzjoni
Malti
5
Ingliż
5
Matematika
5
Fiżika jew ECDL
4
Edukazzjoni Fiżika
3
PSCD
3
Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret fl-Istitut għall-Edukazzjoni minn meta tħabbar u issa li d-designated chairperson ġie sostitwit? Jista’ jgħid x’xogħol sar sal-lum u meta se jibda jiffunzjona dan l-Istitut?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-preżent qed jiġi kostitwit il-governanza tal-Istitut għall-Edukazzjoni u jiġi maħtur is-sapport amministrattiv. Kif dan ikun approvat, jiġi diskuss pjan ta’ ħidma li trid titwettaq taħt l-awspiċi ta’ dan l-Istitut.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk waslulux rapporti fejn membri tas-Senior Management Teams fl-iskejjel ġew mhedda minn ġenituri biex ibiddlu l-attendenza ta’ uliedhom biex ikunu jistgħu jirċievu l-benefiċċju ta’ €400? Jekk iva, sal-lum x’miżuri ttieħdu sabiex ikunu mħarrsa s-Senior Management Teams fl-iskejjel?
Response (BARTOLO, EVARIST)
B'referenza għal din il-mistoqsija, ninsab infurmat li kien hemm żewġ Kulleġġi li rrapportaw xi każijiet. Infurmat li l-każijiet ta' Kulleġġ minnhom waqfu mingħajr ma kien hemm bżonn li jittieħdu passi oħra mentri f'każ ta' Kulleġġ ieħor il-problema ġiet solvuta wara li l-Kap tal-Iskola spjegat lill-ġenitur il-proċess kollu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' għalliema u LSAs ġodda li ġew impjegati fl-iskejjel statali Għawdxin qabel il-bidu tas-sena skolastika 2015-2016? Jista’ jgħid ukoll f'liema settur (primarju, sekondarju u post sekondarju) ġew impjegati dawn l-edukaturi?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li kien hemm għalliema waħda ġdida, shared bejn skola sekondarja u skola post-sekondarja f’Għawdex. Għalliema oħra ġdida li tgħix Għawdex kienet deployed Għawdex minħabba kumplikazzjonijiet fit-tqala. Hi mistennija li terġa’ tkun deployed lura Malta wara l-leave tal-maternità.
Vakanzi f’Għawdex normalment jingħataw lil għalliema u LSAs residenti Għawdex, imma jaħdmu Malta. Dan isir skont lista ta’ anzjanità.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' għalliema u LSAs li ġew trasferiti minn Malta għal Għawdex matul is-Sajf 2015? Jista’ jgħid ukoll f'liema settur primarju, sekondarju jew post sekondarju ġew trasferiti dawn l-edukaturi ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li b’kollox ġew trasferiti 37 persuna. Dawn kienu mqassmin hekk:
Għalliema Primarja: 11 (3 minħabba kumplikazzjonijiet fit-tqala, 8 fuq bażi temporanja inklużi 3 li huma back-to-back ma’ 3 li jinsabu fuq xi forma ta’ Leave)
Għalliema Sekondarja: 5 (3 minħabba kumplikazzjonijiet fit-tqala, 1 minħabba li qed tkompli tredda lit-tarbija sa ma tagħlaq 6 xhur, 1 fuq bażi shared bejn Malta u Għawdex)
Għalliema Servizzi Peripatetici: 1 (minħabba kumplikazzjonijiet fit-tqala)
LSAs: 20 (14 minħabba kumplikazzjonijiet mediċi li ma jippermettilhomx li jaħdmu Malta, 6 minħabba kumplikazzjonijiet fit-tqala)
Dawn l-20 LSA/Supply LSA jgħinu fl-iskejjel Primarji u Sekondarji skont il-ħtieġa.
Skejjel tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti – kapijiet, assistenti kapijiet, għalliema, LSAs u edukaturi oħra
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, statistika bin-numru totali ta' kapijiet u assistenti kapijiet, għalliema, LSAs u edukaturi oħra li ġew impjegati fl-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti għal matul is-sena skolastika 2015/2016?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif se nsemmi:
Skejjel tal-Istat
Kapijiet ta’ Skejjel
15
Assistenti Kapijiet
20
Jinkludi 10 li għadhom qed jistennew il-ħatra uffiċjali
Għalliema
169
Għalliema Supply
41
Hemm ukoll 129 għalliema Supply li kellhom il-ħatra mġedda
LSA Supply
45
Hemm ukoll 820 LSA Supply li kellhom il-ħatra mġedda
KGA Supply
0
Hemm 10 KGA Supply li kellhom il-ħatra mġedda
Skejjel tal-Knisja u Indipendenti
Knisja
Indipendenti
Total
Kap ta' Skola
2
0
2
Assistenti Kapijiet
6
2
8
Għalliema
139
4
143
LSAs
171
18
189
HoDs
0
0
0
KGAs
8
7
15
Social Worker
1
0
1
Total
327
31
358