Berġa ta’ Kastilja – Restoration Unit – sistema tad-dawl — konsultazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-Restoration Unit tal-Gvern kienx ikkonsultat fuq is-sistema tad-dawl li ġiet stallata f’dawn l-aħħar ġranet fuq il-faċċata tal-Berġa ta’ Kastilja? Liema esperti oħra tar-restawr ġew ikkonsultati?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Grand Harbour Regeneration Corporation flimkien ma’ stakeholders oħra involuti fil-proġett ikkomunikaw ma’ Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali (SCH) li approva l-installazjoni suġġett għal numru ta’ kundizzjonijiet li qedin jiġu osservati. Ukoll, rappreżentanti tal-MEPA ġew ikkonsultati dwar l-installazzjoni ta’ dwal professjonali mal-faċċata tal-Berga ta’ Kastilja.
Dipartiment tal-Artijiet – stallazzjonijiet fuq art pubblika
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm ħarġu permessi mingħand id-Dipartiment tal-Artijiet minn Jannar 2013 ‘l hawn għall-istallazzjonijiet fuq art pubblika ta’ fixed pavement publicity sign fil-lokalitajiet kollha? Jista’ jqassam din l-informazzjoni xahar b’xahar u lokalità b’lokalità? Kemm ġie impost ħlas fuq kull fixed pavement publicity sign? Jista’ jgħid lil liema kumpaniji ħarġu?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Jannar 2013 sal-lum id-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern ma ħariġx permessi ġodda għall-installazzjonijiet fuq art pubblika ta’ fixed pavement publicity sign fil-lokalitajiet kollha.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx permess tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex jittella’ ħajt tal-ġebel madwar il-Kulleġġ tal-Libjani f’Ta’ Ġiorni (ritratti qed jingħataw separatament) li ssostitwixxa l-għeluq oriġinali li kien hemm qabel (kif indikat fir-ritratt li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament)?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan l-ħajt huwa kopert b'permess tal-iżvilup PA 1461/15 maħruġ fil 25 ta'Settembru 2015.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15700, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-ElectroGas ħalsitx skont l-iskeda stabbilità? F’liema data sar kull pagament u ta’ kemm kien kull pagament? Kemm għad fadal pagamenti x’jingħataw?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta hijiex kuntenta bix-xogħol li sar mill-kuntrattur/i li għamlu xogħol fuq il-bus lanes matul l-aħħar sena? Jekk le, fuq liema bus lanes ħadet passi Transport Malta sabiex ix-xogħol jiġi rrimedjat mill-kuntrattur?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta għamlet diversi priority lanes f’dawn l-aħħar snin. Jirriżulta li kien hemm każijiet fejn Transport Malta kompliet fuq deċiżjonijiet li kienu diġa’ ttieħdu taħt l-amministrazzjoni preċedenti, bħalma hi l-priority lane tal-Imsida fejn f’każ ta’ nuqqasijiet qed jittieħdu passi skont kif ġie mwieġeb f’Mistoqsija Parlamentari 19457. Dan filwaqt li diġa’ sar xogħol ta’ rranġar / tibdil tal-priority lanes ta’ Triq Aldo Moro Marsa li qed jerġgħu jiġu ttestjati.
Kien hemm każijiet oħra fejn Transport Malta hija ferm iżjed sodisfatta bix-xogħol li sar. Dan wara li ttieħdet deċiżjoni li l-materjali li oriġinarjament kienu qed jintużaw jinbidlu għal anti skid material aħdar. Eżempji ta’ dan wieħed jista’ jarahom fil-priority lanes tal-Gżira u tal-Blata l-Bajda (xogħol li għad irid jiġi komplut).
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex is-senior management fil-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima għadhom ma ħadux il-performance bonus tas-sena 2014?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti f’dan il-Ministeru diġà saru ħlasijiet ta’ performance bonus lill-Uffiċjali f’pożizzjonijiet ta’ Senior Management filwaqt li l-ħlasijiet li għadhom pendenti ser isiru fil-futur qrib.
Restoration Unit – konsultazzjoni dwar id-dawl fuq il-faċċata tal-Berġa ta’ Kastilja
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk ir-Restoration Unit tal-Gvern kienx ikkonsultat fuq is-sistema tad-dawl li ġiet stallata f’dawn l-aħħar ġranet fuq il-faċċata tal-Berġa ta’ Kastilja? Liema esperti oħra tar-restawr ġew ikkonsultati?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill Ministru konċernat.
Berġa ta’ Kastilja – kuntratt tad-disinn tas-sistema tad-dawl
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid min ħa l-kuntratt tad-disinn tas-sistema tad-dawl li ġiet stallata f’dawn l-aħħar ġranet fuq il-faċċata tal-Berġa ta’ Kastilja? Min ħa l-kuntratt tal-installazzjoni tas-sistema tad-dawl? Jista’ jagħti break down tal-ispiża sħiħa għall-installazzjoni ta’ din is-sistema?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill Ministru konċernat.
Dipartiment tal-Gvern — ħaddiema fi gradi ta' senior management
Question
B’referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 19585 peress li l-mistoqsija oriġinali kienet ċara u l-informazzjoni mitluba kienet tirreferi għad-Dipartimenti kollha fi ħdan il-Ministeri kollha u mhux biss dawk taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, jista’ l-Prim Ministru jagħti l-informazzjoni sħiħa mitluba fil-mistoqsija oriġinali?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill Ministeri konċernati.
B’referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 19455, jista’ l-Ministru jgħid meta dawn l-14-il student ġew mogħtija dawn il-boroż ta’ studju?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li ħames studenti bbenefikaw fis-sena 2013 filwaqt li d-disgħa l-oħra fl-2014 għal total ta’ erbatax-il student fil-perjodu msemmi.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-floor area (gross and net) tal-wing il-ġdida tal-Isptar Mater Dei? Kemm kienet l-ispiża totali ta’ dan il-wing maqsuma fi struttura, finishes u servizzi? X’sistema ta’ procurement se tintuża sabiex iż-żewġ sulari l-oħra jinbnew fuq dan il-wing? Min hu l-perit jew min huma l-periti mqabbda fuq dan il-proġett taż-żieda taż-żewġ sulari fuq l-estensjoni l-ġdida?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni ghadha qed tingabar.
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li Triq l-Abate Rigord, int u nieżel minn Ta’ Xbiex għax-Xatt tal-Imsida, tingħata t-tarmak?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li it-triq imsemmija ma taqax taħt ir-responsabilità ta’ Transport Malta. Madankollu wieħed jara kif nistgħu nagħtu l-għajnuna tagħna.
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma d-Dipartimenti tal-Gvern fi ħdan il-Ministeri li għadhom ma ħallsux il-performance bonus lill-ħaddiema tagħhom tal-ewwel sitt xhur ta' din is-sena (Jannar sa Ġunju)? Għaliex għadhom ma tħallsux?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-performance bonuses għall-ewwel sitt xhur tal-2015 tas-senior management fid-Dipartimenti fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru huma kollha approvati u tħallsu, ħlief tnejn li qed jiġu konklużi u ser jitħallsu mas-salarju li jmiss.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ applikazzjonijiet li tressqu quddiem l-Istatementing Moderating Panel fis-sena 2012, 2013, 2014 u bejn Jannar u Settembru 2015? Jista’ jgħid kemm minn dawn il-każijiet ġew mismugħa mill-istess panel sal-aħħar ta’ Settembru 2015?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ applikazzjonijiet li tressqu quddiem l-Istatementing Moderating Panel mill-2012 sal-aħħar ta’ Settembru 2015 kien ta’ 3,011 maqsuma kif ġej:
2012: 735
2013: 735
2014: 867
2015: 674 (sal-aħħar ta’ Settembru 2015)
Ġew mismugħa 2,233 applikazzjoni filwaqt li 778 huma pendenti.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ każijiet ta’ tfal li ġew reviewed mill-Istatementing Moderating Panel matul is-snin 2012, 2013, 2014 u bejn Jannar u Settembru 2015? Jista’ jgħid kemm minn dawn żdidilhom is-sapport u kemm minn dawn tnaqqsilhom jew tneħħilhom is-sapport għal kollox?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ każijiet ta’ tfal li ġew reviewed mill-Istatementing Moderating Panel, sena b’sena mill-2012 sa Settembru 2015 kienu kif ġej:
2012:- 44 (mill-Istatementing Moderating Panel)
Minn dawn 39 żdied is-sapport filwaqt li 5 baqgħu bl-istess sapport
2013:- 122 (mill-Istatementing Moderating Panel)
Minn dawn:
33 żdied is-sapport
58 tnaqqsilhom
5 tneħħilhom
26 bl-istess sapport
2014:- 149 (56 mill-Istatementing Moderating Panel u 93 mill-Istatementing Moderating Review Panel li beda fis-16 ta’ Settembru 2014)
Minn dawn:
30 żdidilhom is-sapport
86 tnaqqsilhom
3 tneħħilhom
30 bl-istess sapport
2015:- 203 (mill-Istatementing Moderating Review Panel)
Minn dawn:
35 żdidilhom is-sapport
113 tnaqqsilhom
3 tneħħilhom
52 bl-istess sapport
Statementing Moderating Panel Appeals Board – każijiet li nstemgħu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ każijiet li nstemgħu quddiem l-Istatementing Moderating Panel Appeals Board fis-sena 2012, 2013, 2014 u bejn Jannar u Settembru 2015? Jista’ jgħid kemm kien in-numru tal-każijiet li għalihom l-Istatementing Moderating Panel Appeals Board biddel deċiżjoni meħuda aktar qabel mill-Istatementing Moderating Panel?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ kazijiet li nstemgħu quddiem l-Istatementing Moderating Appeals Board mill-2012 sal-aħħar ta’ Settembru 2015 kienu 197 maqsuma kif ġej:
2012: 32
2013: 49
2014: 81
2015: 35 (sal-aħħar ta’ Settembru 2015)
Minn dawn l-Istatementing Moderating Appeals Board biddel deċiżjoni meħuda mill-Istatementing Moderating Panel f’110 każijiet.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17634, jista’ l-Ministru jgħid kull kulleġġ kemm talab LSAs tul dawn l-aħħar sentejn, sena b’sena u kemm fil-fatt ġew provduti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Bħal dejjem, dawn l-aħħar sentejn, skont ir-rakkommandazzjoni tal-Statementing Board, id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi (DSE) dejjem ħa ħsieb, li fi żmien qasir jalloka Learning Support Assistants skont il-ħtieġa. Dan kien u għadu possibbli għax id-DSE għandu listi pjuttost twal ta’ nies li jistgħu jiġu ingaġġati bħala Supply Learning Support Assistants.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ LSAs f’kull skola Indipendenti u kull skola tal-Knisja, skola bi skola? Kull skola minn dawn kemm talbet LSAs tul dawn l-aħħar sentejn, sena b’sena u kemm ġew provduti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-għadd ta' LSAs fl-Iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti fis-sena skolastika 2014-2015. Infurmat li kull talba għal LSA li hija ġustifikata skont ir-regoli u l-kundizzjonijiet maħruġa mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi tiġi milqgħuha skont il-każ.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jkun ippublikat il-pjan għall-immaniġġar tat-traffiku fil-Belt li qiegħed jiġi mfassal minn Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjan għall-immaniġġar tat-traffiku għall-Belt Valletta jifforma parti mill-pjan ħolistiku għall-immaniġġar tat-traffiku fil-polza l-ġdida tal-parkeġġ fit-toroq, li għad trid tiġi ppublikata.