Legislature:
Category:
Reset
Active:

MCAST – eNGOs – base placements għal studenti tal-Environmental Engineering

Question

Jista’ l-Ministru jispjega l-prattika adottata fuq base placement għal studenti tal-Environmental Engineering fl-MCAST fil-Livell 5 fejn l-istudenti ġew assenjati aktar placements mal-eNGOs milli ma’ kumpaniji wara li kellhom ifittxu kumpaniji huma stess, mingħajr ebda għajnuna, sabiex jagħtuhom it-taħriġ relatat mal-kors tagħhom? Jista’ jikkonferma dan?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li din il-mistoqsija hi dwar il-kors tad-degree li parti mill-programm hu “block internship” fejn l-istudenti huma mistennija jqattgħu erba’ ġimgħat kull sena akkademika jaħdmu ma’ xi organizzazzjoni fil-qasam ambjentali. L-organizzazzjonijiet magħżula huma taħlita ta’ kumpaniji kummerċjali, entitajiet pubbliċi kif ukoll organizzazzjonijiet mhux governattivi. L-għażla tiddependi minn dawk l-organizzazzjonijiet li juru interess li jieħdu student f’dik is-sena partikolari. Dan hu fil-fatt proċess li hu xprunat mill-industrija. L-istudenti tal-MCAST huma ggwidati u megħjuna mill-amministrazzjoni tal-Istitut. Però, fil-livell ta’ degree, l-istudenti huma mistennija li jieħdu r-responsabbiltà li jidentifikaw u jikkomunikaw mal-organizzazzjonijiet. Dan il-proċess hu fil-fatt parti mill-programm innifsu.

MCAST – Kors tal-Applied Sciences – metodu ta’ assessjar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-metodu ta’ assessjar għall-kors tal-Applied Sciences ġewwa l-MCAST, partikolarment tal-Environmental Engineering, ikunx deċiż mill-għalliema matul is-sena jew inkella jkunx deċiż bil-quddiem mill-bidu tas-sena akkademika? Jekk ikun deċiż fil-bidu tas-sena akkademika, jista’ jipproduċi kopja li tiċċertifika l-metodu ta’ assessjar li tingħata lill-istudenti sabiex jagħmlu deċiżjoni infurmata fuq il-kors li jkunu għażlu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li r-regoli li jirrigwardjaw din il-mistoqsija (MCAST Regulation 018 (ASSIGNMENTS, ASSESSMENTS AND APPEALS POLICIES AND PROCEDURES FOR LEVELS 1,2,3,4 AND 5)) jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-MCAST għal aċċess faċli, kif ukoll fil-manwal tal-istudenti tal-MCAST. Dawn ir-regoli jistabbilixxu kull kriterju ta’ assessjar li l-istudent għandu jkun jaf bihom, bħal pereżempu regola 1.3 li tistabbilixxi li ‘l-mod ta’ l-assessjar li bih jinġabar u jiġi interpretat l-evidenza ta’ kompetenza għandu jkun varjat u bbażat fuq kriterju li jkun kkomunikati mal-istudent malli jingħata/tingħata mal-assignment’. Il-kriterji u l-iskema ta’ mmarkar huma inklużi fis-sillabu ta’ kull unit u kull lecturer jimxi ma’ dawn b’mod rigoruż. L-istudenti għandhom aċċess għal dawn is-sillabi u għalhekk l-istudenti jkunu jafu minn qabel xi jkun mistenni minnhom f’kull unit.

Skejjel u istituti edukattivi – persuni b’diżabilità — impjieg

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ persuni b’diżabilità li qegħdin jaħdmu fl-iskejjel u istituti edukattivi tal-istat matul is-sena skolastika 2015-2016? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra statistika dwar kemm hu n-numru f’kull skola u istitut fejn fihom qegħdin jaħdmu dawn il-persuni b’diżabilità u x’inhu x-xogħol li tagħmel kull persuna?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi u d-Dipartiment tal-Operat ma jżommux statistika dwar persuni b’diżabilità li jaħdmu fl-iskejjel u istituti edukattivi tal-istat. Madankollu, infurmat mill-MCAST li din timpjega sitt (6) persuni b’diżabilità li qegħdin jaħdmu fl-amministrazzjoni u l-istituti tagħha. Wieħed huwa Lecturer, erbgħa jagħmlu xogħol klerikali u impjegat ieħor jagħmel xogħol ta’ messaġġier. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li kien għad jonqos tingħata informazzjoni mill-Università ta' Malta. Dan it-tagħrif ikun jista' jingħata bħala informazzjoni addizzjonali hekk kif tingħatali din l-informazzjoni.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – impjegati li siefru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ uffiċjali u impjegati fi ħdan il-Ministeru, Segretarjat Parlamentari għar-Riċerka u Sport u direttorati li siefru matul is-sena 2015 minħabba impenji ta’ xogħol? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ min kienu dawn l-uffiċjali, f’liema pajjiżi siefru, għal liema raġuni u kemm ġiet tiswa kull mawra tagħhom barra minn pajjiżna?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Learning Outcomes Framework – pjan ta’implimentazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal il-pjan ta’ implimentazzjoni tal-Learning Outcomes Framework? Jista’ jgħid meta u f’liema snin jew livelli se jiġu implimentati dawn il-frameworks fix-xhur li ġejjin? Jista’ jgħid jekk kienx hemm xi kumpaniji jew individwi li taw servizz ta’ konsulenza fil-formular u preparazzjoni tal-Learning Outcomes Framework? Jekk iva, min kienu dawn il-kumpaniji u kemm kien il-ħlas li sar lill-kumpanija sal-lum?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-tħejjijiet għall-implimentazzjoni tal-Learning Outcomes Framework qegħdin isiru fuq diversi livelli. (i) Saru laqgħat ta’ informazzjoni mal-kapijiet tal-iskejjel kollha, primarja u sekondarja, tal-istat, tal-knisja u independenti (ii) Saru laqgħat ta’ tħejjija mal-Uffiċjali Edukattivi u kapijiet tad-Dipartimenti. Qed isiru Professional Development Sessions ta’ sagħtejn jew iktar f’kull skola, f’Malta u Għawdex. Qiegħdin isiru laqgħat fil-College of Heads Meeting ta’ kull kulleġġ. (iii) Ġew imħarrġa 70 persuna fi gradi differenti ta’ għalliema sabiex ikunu train-the-trainers f’dan il-proċess. (iv) L-Ufficjali Edukattivi qiegħdin jippreparaw għall-Inset courses tal-għalliema. (v) Sar Training Needs Analysis ma’ numru kbir ta’ għalliema, li r-riżultat tiegħu għandu jgħin sabiex l-għajnuna meħtieġa tiġi ffukata fejn l-aktar hemm bżonn. It-tħejjijiet se jkomplu u jissaħħu fil-ġimgħat u xhur li ġejjin, qabel tibda l-implimentazzjoni f’Settembru 2016. Il-ħsieb huwa li l-implimentazzjoni tibda fil-kinder 1, fit-tielet sena tal-primarja u fl-ewwel sena tas-sekondarja. Il-Learning Outcomes Framework kien proġett li sar b’fondi Ewropej (ESF). Kien hemm żewġ tenders fil-proġett. It-tender sabiex jinkitbu l-Learning Outcomes kien intrebaħ mill-Outlook Coop flimkien ma’ East Coast Education u Institute of Education, waqt li t-tender għat-taħriġ tas-70 persuna bħala train-the-trainers u t-tfassil ta’ Training Needs Analysis kien intrebaħ minn Idea Malta Ltd flimkien ma’ Domain Group u Cork Community University. L-ewwel tender kien ta’ €1,982,903 u t-tieni wieħed kien ta’ €459,021. Kien hemm ukoll tlett sejħiet għall-esperti lokali. Intlaqgħu 253 applikazzjoni. Dawn tħallsu b’kollox €533,832.

Servizz ta’ xiri ta’ stationery għall-iskejjel primarji u sekondarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb min-naħa tad-direttorati li tinħareġ tender waħda għall-servizz ta’ xiri ta’ stationery għall-iskejjel primarji u sekondarji kollha statali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru ħareġ erba' tenders għall-Kulleġġi u l-iskejjel kollha tal-Istat, li bħalissa qegħdin fl-istadju ta' aġġudikazzjoni.

Università ta’ Malta — studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti fl-Università ta’ Malta llum u kemm hemm minn kull lokalità f’pajjiżna li għandha kunsill lokali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li bħalissa hemm total ta’ 11855 student li qed isegwu kors fl-Università ta’ Malta li minnhom 46 m’għandhomx residenza Malta peress li l-kors tagħhom huwa fuq bażi ta’ distance learning. Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi n-numru ta’ studenti fl-Università ta’ Malta skont il-lokalità tar-residenza tagħhom.

Librerija tal-Furjana — lift

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilu wieqaf il-lift fil-Librerija tal-Furjana u għaliex dan jinsab imbarrat bl-injam?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li, wara inċident li seħħ f’Ġunju 2015, saru investigazzjonijiet minn surveyor indipendenti. Peress li xahar qabel kien sar service fuq dan il-lift fejn ġie ċċertifikat li qed jopera tajjeb, is-CEO l-ġdida ta’ Malta Libraries qed tiddiskuti mas-supplier dwar it-tiswijiet neċessarji.

Gradi tal-libreriji – sectoral agreement

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta sar l-aħħar sectoral agreement tal-gradi tal-libreriji? Jista’ jgħid jekk hux veru li qed isir xi forma ta’ ftehim mingħajr konsultazzjoni mal-istess ħaddiema, jekk iva fiex wasal u minn xiex jikkonsisti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-aħħar sectoral agreement fuq l-iskali tal-libreriji kien sar fl-1995 u minn dakinhar s’issa ma sar l-ebda sectoral agreement ieħor u lanqas kien hemm xi taħdidiet mal-ħaddiema.

Sixth Form ta' Għawdex — Kunsill tal-Istudenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex fl-iskola post sekondarja ta' Għawdex dik magħrufa bħala s-Sixth Form ta' Għawdex sal-lum għad m'hemmx Kunsill tal-Istudenti u dan kontra dak stipulat fil-liġi sussidjarja stess? Meta hu maħsub li ssir l-elezzjoni biex l-istudenti jkollhom kunsill tagħhom kif hekk fi skejjel oħra post sekondarji f'Malta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li din l-istituzzjoni edukattiva post-sekondarja għandha Kunsill Skolastiku ferm attiv iffurmat minn President, Segretarju/Teżorier, tlett għalliema u tlett studenti ta’ età minn 16-il sena 'l fuq li qegħdin hemm sabiex jirrappreżentaw lil sħabhom l-għalliema u studenti rispettivament. Rigward il-Kunsill msemmi mill-Onor. Interpellant, tlabt aktar informazzjoni.

National Commission for Further and Higher Education — approvazzjoni għall-American University of Malta

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21254, jista’ l-Ministru jgħid allura kif l-American University of Malta (AUM) tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, qed titħalla tagħmel riklami anke f’attivitajiet bħal dik tal-Commonwealth Youth Forum li saret f’pajjiżna ftit tal-ġranet ilu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-reklamar f’attivitajiet bħal dik indikata fil-mistoqsija ma jaqax taħt dan il-Ministeru.

Konferenza tal-Aħbarijiet — tqassim ta' kotba fl-iskejjel

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 19012, jista’ l-Ministru jgħid allura fejn tpoġġew dawn il-kotba?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li dawn il-kotba qegħdin jinżammu fl-uffiċċini tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.

Għallis – engineered landfill – tqattigħ ta’ blat u tneħħija ta’ materjal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm sar tqattigħ ta’ blat u tneħħija ta’ materjal fl-engineered landfill tal-Għallis xahar b’xahar minn Marzu 2013 sal-lum?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi skont informazzjoni mogħtija lilli mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Malta Libraries — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-impjegati tal-Malta Libraries u tal-libreriji f’Għawdex (li jaqgħu taħt id-dipartiment tal-customer services tal-Ministeru għal Għawdex) li huma kkwalifikati mill-Università ta’ Malta jew minn universitajiet oħra rikonoxxuti fix-Xjenzi tal-Librerija? Nitlob lill-Ministru jagħti l-isem, in-numru tal-I.D. Card, il-grade fil-librerija u l-post fejn jaħdmu u l-kwalifika.

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li hemm 15-il persuna impjegati ta' Malta Libraries li għandhom kwalifiċi fix-Xjenzi tal-Librerija. Rigward id-dettalji personali ta’ dawn l-impjegati, peress li l-informazzjoni mitluba tista’ twassal għal nuqqas ta’ ħarsien tad-dritt għall-privatezza ta’ individwi, it-tagħrif mitlub mhux qiegħed isir pubbliku. Dispost li ngħaddi l-ismijiet, il-pożizzjoni, il-post fejn jagħtu servizz u l-kwalifiċi tagħhom lill-Onor. Interpellant privatament u b'mod kunfidenzjali.
Leg 12 PQ #21651 Sitting 339 2015-12-14 Oral · Final From: GEORGE PULLICINO To: Ministeru għal Għawdex

Malta Libraries — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-impjegati tal-Malta Libraries u tal-libreriji f’Għawdex (li jaqgħu taħt id-dipartiment tal-customer services tal-Ministeru għal Għawdex) li huma kkwalifikati mill-Università ta’ Malta jew minn universitajiet oħra rikonoxxuti fix-Xjenzi tal-Librerija? Nitlob lill-Ministru jagħti l-isem, in-numru tal-I.D. Card, il-grade fil-librerija u l-post fejn jaħdmu u l-kwalifika.

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Malta Libraries — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ impjegati ġodda li daħlu jaħdmu mal-Malta Libraries mill-2013 sal-lum? Jista’ jgħidilna min minnhom hu ggradwat fix-Xjenzi tal-Librerija mill-Università ta’ Malta jew minn universitajiet oħra rikonoxxuti, fejn qed jaħdmu, xi grade u xi scale għandhom, u r-rekwiżiti li riedu biex setgħu joqgħodu għall-eżami jew intervista li permezz tagħhom ġew magħżula?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-għadd ta’ impjegati ġodda li daħlu jaħdmu ma’ Malta Libraries mill-2013 sal-lum hu ta’ 12. Tlieta minn dawn l-impjegati huma ggradwati fix-Xjenzi tal-Librerija. Dispost li ngħaddi l-ismijiet u l-informazzjoni l-oħra mitluba lill-Onor. Interpellant privatament u b’mod kunfidenzjali.

National Commission for Further and Higher Education — approvazzjoni għall-American University of Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk in-National Commission for Further and Higher Education tatx l-approvazzjoni tagħha biex l-American University of Malta (AUM) tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament tibda topera? Fiex wasal il-proċess tal-akkreditazzjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla għadha għaddejja bil-proċess tal-akkreditazzjoni tal-American University of Malta. Minħabba f’hekk, għadha ma ingħatat l-ebda liċenzja lill-entità msemmija sabiex tibda topera.

Direttorat tal-Edukazzjoni – Counselling Supervision

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20857, peress li kif probabbilment jaf il-Ministru, is-superviżjoni tista’ tkun fuq bażi ta’ individual jew small group iżda mhux peer, li jfisser li l-counsellors jiddiskutu bejniethom u allura ma jikkostitwix superviżjoni u għaldaqstant mhix skont il-liġi, x’se jagħmel il-Ministru biex tali superviżjoni tkun skont il-liġi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liġi tal-Counselling Profession tal-2015 tagħmel referenza speċifika li Counsellor għandu jara huwa stess li jkollu superviżjoni professjonali li jrid jippreżenta lill-Council of the Counselling Profession biex jikseb il-warrant. Minkejja dan, id-Direttorat jagħraf l-importanza li l-individwu jkollu wkoll is-sapport meħtieġ u għaldaqstant, reġa’ beda l-proċess biex jingħata mill-ġdid is-servizz ta’ superviżjoni kemm minħabba r-raġunijiet li ngħataw fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20857, kif ukoll minħabba li f’dawn l-aħħar jiem sar l-ingaġġ ta’ numru ta’ Counsellors u Trainee Counsellors fid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi waqt li wkoll beda peer supervision.

MCAST — Institute of Business and Commerce - indafa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk waslulux ilmenti mingħand l-istudenti li jattendu l-IBAC (Insititute of Business and Commerce) fi ħdan l-MCAST li l-livell ta' indafa hija batuta ħafna f'dan il-bini tant li qed isejħulha sitwazzjoni tal-mistħija? Jekk iva, x’beħsiebu jagħmel biex is-sitwazzjoni tkun rimedjata llum qabel għada?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li mhuwiex il-każ li l-livell ta’ ndafa fl-Institute of Business Management and Commerce fi ħdan l-MCAST huwa batut ħafna. It-tindif isir kuljum b’mod sistematiku mill-ħaddiema tal-kuntrattur. Id-dustbins fl-istitut jitbattlu darbtejn kuljum u l-kurituri jitnaddfu darbtejn kuljum ukoll. Dan minbarra t-tindif regolari li jsir fil-klasssijiet kuljum.

Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa – Technical Officers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ Assistant Technical Officers, Technical Officers, Senior Technical Officers u Principal Technical Officers li huma impjegati fi ħdan il-Ministeru li għalih hu responsabbli?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fi ħdan il-Ministeru tal-Enerġija u s-Saħħa, inklużi l-entitajiet li jaqgħu taħt dan il-Ministeru, hemm total ta: 27 Assistant Technical Officers 20 Technical Officers 35 Senior Technical Officers 21 Principal Technical Officers