Legislature:
Category:
Reset
Active:

Higher Secondary – studenti u amministrazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu n-numru ta’ studenti fil-Higher Secondary sena b’sena għal dawn l-aħħar ħames snin? Jista’ jagħti rendikont sħiħ tal-amministrazzjoni kollha fil-Higher Secondary skont il-pożizzjoni li jokkupaw u l-iskala ta’ salarju rispettivament?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li f’Jannar ta’ kull sena f’dawn l-aħħar ħames snin, il-popolazzjoni tal-istudenti kienet kif tidher fit-tabelli t’hawn taħt, u ċjoè: Giovanni Curmi HSS - Naxxar 2012 1887 2013 1996 2014 1922 2015 1874 2016 1879 Sir M.A.Refalo 6 th Form, Victoria, Gozo 2012 574 2013 541 2014 543 2015 515 2016 499 Infurmat ukoll li l-amministrazzjoni tal-iskola bħalissa hi kif se nsemmi: Giovanni Curmi HSS: Kap + 8 Assistenti Kapijiet Sir M.A.Refalo 6th Form: Kap + 4 Assistenti Kapijiet (waħda bħalissa tinsab bil-Maternity Leave filwaqt li żewġ Għalliema fi skala 8 qed jistennew il-ħatra ta’ Assistent Kap ta’ Skola). Is-salarju tal-grad ta’ Kap ta’ Skola hu skala 6 filwaqt li tal-Assistent Kap hu ta’ skala 7.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol – Dipartiment tal-European Union Affairs – ingaġġ ta’ research analysts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jiġu impjegati research analysts mad-Dipartiment tal-European Union Affairs fi ħdan il-Ministeru tiegħu sa tmiem din is-sena 2016?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat illi saret rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku biex jiġu ingaġġati żewġ Research Analysts, liema rakkomandazzjoni għadha fi stadju li trid tiġi approvata.

Istitut għall-Edukazzjoni – Kap Eżekuttiv

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22832, jista’ l-Ministru jgħid x’pakkett finanzjarju, kundizzjonijiet tax-xogħol u perkaċċi ngħata l-Kap Eżekuttiv ġdid għall-Istitut għall-Edukazzjoni? Jista’ jpoġġi kopja tas-CV tal-persuna li ntgħażlet fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li s-salarju tal-Kap Eżekuttiv ġdid għall-Istitut għall-Edukazzjoni hu marbut ma' Skala 4 tas-salarju għat-tul tal-kuntratt għal servizz fuq bażi full-time ta' 40 siegħa fil-ġimgħa. Dan flimkien mal-bonuses ta' nofs-is-sena u l-Milied. Il-Kap Eżekuttiv hija intitolata wkoll għal: (i) allowance tal-karozza ta' €4,659 fis-sena; (ii) rifużjoni tal-mowbajl u l-konnessjoni ta' ADSL, it-tnejn flimkien sa massimu ta' €815 fis-sena; (iii) performance bonus annwali sa massimu ta' 15% tas-salarju; (iv) expense allowance ta' €1,630.56 fis-sena. Is-CV tal-persuna li tokkupa din il-pożizzjoni qiegħed jingħata lill-Onor. Interpellant separatament u b'mod kunfidenzjali.

Il-Ktieb The Restoration and Rehabilitation of the historic Fortifications of Malta and Gozo, a visual record

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ktieb bl-isem “The Restoration and Rehabilitation of the historic Fortifications of Malta and Gozo, a visual record”, liema xogħol sar primarjament bejn l-2008 u l-2013?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-imsemmi ktieb. Ninforma ukoll lill-Onor. Interpellant li 53.7% tal-ko-finanzjament minn fondi ewropej allokat lill-imsemmi proġett intefqet fil-perjodu mit-8 ta’ Marzu 2013 sal-aħħar tal-2015 u li f’dan l-istess perjodu ¿diedu diversi komponenti oħra fuq dak li kien il-proġett sa’ Marzu 2013, fosthom it-tkomplija tas-swar kollha tal-Imdina u r-restawr tas-swar tal-ponta tal-Isla li lanqas kienet tifforma parti mill-proġett oriġinali.

Għalliema – sabbatical – applikazzjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17209, jista’ l-Ministru jgħid kemm intgħażlu għalliema mill-21 li applikaw għall-paid study leave u jgħid min huma?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li mill-wieħed u għoxrin (21) għalliem li applikaw għall-paid study leave intagħżlu erbatax (14). Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li erbgħa (4) minnhom irrinunzjaw. B’hekk għaxar (10) għalliema finalment ibbenefikaw mill-iskema. Dispost li ngħaddi l-ismijiet lill-Onor. Interpellant privatament u b’mod kunfidenzjali.
Leg 12 PQ #22841 Sitting 352 2016-02-02 Oral · Final From: GEORGE PULLICINO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Reklamazzjoni tal-art – espressjoni ta’ interess

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħidilna min huma l-kumpaniji u l-joint ventures jew consortia li tefgħu l-Espressjoni ta’ Interess fir-rigward tal-proġett tar-reklamazzjoni tal-art? Jista’ jgħidilna fiex wasal il-proċess? Jista’ jgħid jew jagħti indikazzjoni sa meta huwa mistenni li jiġi ffinalizzat l-ewwel round ta’ għażla?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsiija parlamentari 22317.

Kunsill Lokali – fixed pavement publicity sign

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20860, u jgħid kemm ħarġu permessi mingħand kull kunsill lokali minn Jannar 2013 ‘l hawn għall-istallazzjonijiet fuq art pubblika ta’ fixed pavement publicity signs fil-lokalitajiet kollha? Jista’ jaqsam din l-informazzjoni xahar b’xahar u lokalità b’lokalità? Kemm ġie impost ħlas fuq kull fixed pavement publicity sign minn kull kunsill lokali? Jista’ jgħid lil liema kumpaniji ħarġu dawn il-permessi?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Transport Malta — Car Parking Policy

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se tkun imħabbra l-Car Parking Policy ġdida li fis-26 ta’ Novembru 2014, Transport Malta kienet qalet. “li kellha titħabbar in the coming weeks”?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 17838.

Skejjel statali — xogħol ta' manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19010 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' skejjel statali li fihom sar xogħol ta' manutenzjoni bejn Lulju 2015 u Settembru 2015? Jista' jgħid kemm ġie jiswa x-xogħol f'kull skola li fiha saret il-manutenzjoni u x'tip ta' manutenzjoni saret f'kull skola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif muri fiż-żewġ tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kif se nsemmi: Tabella 'A' - xogħlijiet ta' manutenzjoni li saru fl-iskejjel tal-Istat mill-Fondazzjoni għall-iSkejjel ta' Għada Tabella 'B' - xogħlijiet ta' manutenzjoni li saru fl-iskejjel tal-Istat ikkordinati mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi
Leg 12 PQ #22845 Sitting 352 2016-02-02 Oral · Final From: GEORGE PULLICINO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Billboards bil-permess tal-MEPA

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17873 u jagħti lista tal-billboards kollha f’pajjiżna llum li għandhom il-permess mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u jindika l-post fuq is-siteplan, id-data ta’ meta saret kull applikazzjoni u meta ngħata l-permess, flimkien mar-referenza ta’ kull applikazzjoni?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-iktar lista aġġornata mgħoddija lili mill-MEPA tal-applikazzjonijiet li ġew approvati u li jirrigwardaw billboards minn meta twaqqfet l- istess Awtorità. Rigward siteplans, dawn huma aċċesibbli mill-Mapserver tal-istess Awtorità mis-sit elettroniku http://www.mepa.org.mt/mepa-mapserver . Ġejt nfurmat mill-istess Awtorita li billboards temporanji li jaqaw taħt il-kriterji tal-Artiklu 4 tal-Avviż Legali Numru 171 ta' 1993, Ordni ta' l-1993 dwar Reklami, b'inklużjoni tal-emendi li daħħlu fis-seħħ fl-Avviż Legali Numru 191 ta' 1999, Ordni ta' l-1999 dwar Reklami u Avviż Legali Numru 9 ta' 2003, Ordni ta' l-2003 dwar Reklami, huma eżentati milli jissottomettu applikazzjoni għall-permess ta' l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, u għalhekk l-istess Awtorità m'għandiex informazzjoni fuqhom.

Liċenzja ta’ Università – passi kontra kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk ittieħdux passi kontra r-rappreżentanti tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament talli għal diversi xhur u f’diversi okkażżjonijiet huma rreklamaw b’kull mezz li huma ‘Università’ f’Malta meta ma kellhomx liċenzja għal Università? Fin-nuqqas ta’ dawn il-passi, jista’ jindika jekk huwiex se jieħu passi kontra dan l-aġir abbużiv u llegali, liema aġir imur kontra l-Liġi tal-Edukazzjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Peress illi d-domanda tal-Onorevoli Membru hija skarsa mill-fatti u mir-referenzi għal-liġi, nistieden lill-Onorevoli Membru sabiex jipprovdi aktar dettal dwar ir-reklami li qed isiru riferenzi għalihom kif ukoll għall-provvediment legali li fuqu qed jibbaża l-allegazzjoni tiegħu. Nixtieq però nfakkar lill-Onorevoli Membru li din mhijiex l-ewwel darba li istituzzjoni edukattiva saret referenza għaliha bħala Università. Fil-fatt l-eks Prim Ministru ta’ Gvern li fih l-Onor. Interpellant kien iservi bħala Ministru, diversi drabi rrefera għal Istituzzjoni Edukattiva (li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament) bħala Università - tlett snin qabel din l-istituzzjoni ngħatat liċenzja ta’ Università.

Istitut għall-Edukazzjoni — twaqqif

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 22538, jista' l-Ministru jgħid jekk saritx sejħa pubblika sabiex ikun appuntat Kap Eżekuttiv għall-Istitut għall-Edukazzjoni? Jekk iva, meta nħarġet tali sejħa u kemm-il persuna applikat? Hemm uffiċjali oħra li sal-lum jaħdmu ma' dan l-Istitut?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Kap Eżekuttiv għall-Istitut għall-Edukazzjoni ġie appuntat fuq bażi ta’ Position of Trust għal perjodu ta’ tlett snin. Bħalissa qegħdin fil-proċess ta’ detailing ta’ sitt (6) uffiċjali li sal-lum kienu jiffurmaw parti mid-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni. Dawn ser ikunu kumplimentati b’numru ta’ impjegati oħra li għalihom ser toħroġ sejħa pubblika.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — ħaddiema bit-teleworking

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu mal-Ministeru bit-teleworking? F'liema grad huma?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mid-Dipartiment tal-Operat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif muri fit-tabella t'hawn taħt: Grad Numru ta’ Ħaddiema Assistant Principal 10 Administrator 1 Clerk 11 Education Officer 18 Executive Officer 9 Kindergarten Assistant on clerical duties 2 Learning Support Centre Manager 1 Officer in Scale 6 1 Principal 3 Procurement Manager 1 Resource Worker 1 School Secretary 2 Scholarship Administrator 1 Senior Clerk 13 Senior Speech Therapist 1 Teacher on Administrative Duties 1 Teacher on Clerical Duties 1 Trainee Counsellor 1 TOTAL 78

Sptar Ġenerali t'Għawdex — direct orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders, lil min ingħata kull direct order u kemm swiet kull direct order matul l-2015, u dan biex ġie provdut xogħol, materjal u / jew servizzi fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Għawdex — skejjel governattivi u uffiċini - direct orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders, lil min ingħata kull direct order u kemm swiet kull direct order matul l-2015, u dan biex ġie provdut xogħol, materjal u / jew servizzi lil kull skola governattiva f'Għawdex u xi uffiċċji oħra f'Għawdex li l-Ministeru tiegħu hu responsabbli minnhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif muri fiż-żewġ tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kif se nsemmi: Tabella 'A' - Fondazzjoni għall-iSkejjel ta' Għada Tabella 'B' - Dipartiment tal-Operat
Leg 12 PQ #22836 Sitting 351 2016-02-01 Oral · Final From: GEORGE PULLICINO To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — direct orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders, lil min ingħata kull direct order u kemm swiet kull direct order matul l-2015, u dan biex ġie provdut xogħol, materjal u / jew servizzi lid-Dipartimenti kollha jew uffiċċji / entitajiet li l-Ministeru għall-Għawdex huwa responsabbli minnhom?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Massage parlours — liċenzji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu liċenzji għal massage parlours f'pajjiżna fl-aħħar tliet snin (minn Jannar 2013 sal-aħħar ta' Diċembru 2015) u f'liema lokalitajiet inħarġu dawn il-liċenzji?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-Leġislazzjoni Sussidjarja 441.07 - Regolamenti dwar il-liċenzi tal-Kummerċ ma tipprovdix għal dan it-tip speċifiku ta’ liċenza. Liċenzi fejn l-attivita’ primarja hi ta’ massage parlour normalment tkun klassifikata taħt it-tip “Attivitajiet ta’ trattament tas-sbuħija” jew taħt it-tip “Attivitajiet ta’ benesseri fiżiku”. Hemm liċenzi fejn l-attivita’ tat-tip “Attivitajiet ta’ trattament tas-sbuħija” jew tat-tip “Attivitajiet ta’ benesseri fiżiku” tkun waħda sekondarja.
Leg 12 PQ #22726 Sitting 348 2016-01-25 Oral · Final From: GEORGE PULLICINO To: Ministeru għal Għawdex

Ir-Rabat (Għawdex) – Pjazza San Franġisk – servizz ta’ librerija pubblika

Question

B’referenza għall-ittra lill-editur li dehret fil-gazzetta “In-Nazzjon” tat-13 ta’ Jannar 2016 (paġna 11) fejn ġie allegat li impjegat fil-librerija pubblika f’ Pjazza San Franġisk, ir-Rabat Għawdex iżżufjetta b’persuna bi bżonnijiet speċjali waqt li dan kien qed jieħu servizz, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu biex jiġi iddentifikat l-impjegat in kwistjoni u jekk ittieħdux passi kontrih kif ukoll x’passi ttieħdu biex dan l-allegat aġir ma jerġax jiġri?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara li saru l-verifiki opportuni, nstab li din l-ittra anonima kienet waħda bla bażi.

Libreriji pubbliċi — teleworking

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li jaħdmu fil-libreriji pubbliċi li qed jaħdmu bit-teleworking? Jista’ jgħid x’inhu l-grad ta’ dawn il-ħaddiema?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fil-libreriji pubbliċi hemm disa’ (9) ħaddiema li jaħdmu bit-teleworking. Sitta minnhom qegħdin fil-gradi li se nsemmi: 2 – Library Assistant 2 – Senior Clerk 2 – Senior Operative Librarian, filwaqt li hemm tliet impjegati oħra li qegħdin fuq telework agreement u li qed jagħmlu xogħol relatat mal-libreriji. Dawn huma: 1 – Senior Tradesman 1 – Operative 1 – Kindergarten Assistant

Istitut għall-Edukazzjoni — twaqqif

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul il-ġimgħat li għaddew twaqqafx u bediex jiffunzjona l-Istitut għall-Edukazzjoni? Jekk dan ġie mwaqqaf, jista’ jgħid min huma l-uffiċjali li diġà qed jaħdmu fi ħdan dan l-Istitut u jekk saritx sejħa pubblika biex ġew magħżula dawn l-uffiċjali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hu ppjanat li fl-ewwel laqgħat tal-Bord tkun approvata l-organigramma kif proposta u jibdew joħorġu s-sejħiet meħtieġa biex l-Istitut ikun jista’ jibda bil-ħidma tiegħu. Il-Kap Eżekuttiv ġie appuntat u diġà ressaq id-dokumentazzjoni neċessarja lill-NCFHE biex tinkiseb il-liċenzja meħtieġa u jkun jista’ jopera bħala ‘Entità’ għall-Edukazzjoni Ogħla. Diġà ġie mfassal programm ta’ ħidma biex meta jiltaqa’ l-Bord ikun jista’ jiġi approvat u b’hekk l-Istitut ikun jista’ jibda bil-ħidma tiegħu minnufih.