Jista’ l-Ministru jispjega d-differenza bejn il-kuntratti li kellu l-gvern preċedenti mas-suppliers tal-laptops lill-għalliema f’dak li għandu x’jaqsam il-manutenzjoni tagħhom, u l-kuntratti li għamel il-gvern preżenti? Veru li l-għalliema issa qed ikunu mitluba jħallsu huma għall-manutenzjoni, ħsarat u wear and tear tal-laptops? Jekk iva, għaliex il-Gvern ħa din il-pożizzjoni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li għalliema eliġibbli għal-laptop mhumiex qegħdin jintalbu jħallsu manutenzjoni, ħsarat u wear and tear. Id-differenza bejn il-kuntratt ta’ qabel u t’issa hi li, l-kuntratt li sar qabel kien bejn il-MITA u l-fornituri tal-laptops, mentri l-kuntratt il-ġdid sar bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Kuntrattur.
Tiswijiet fuq il-laptops huma koperti b’SLA (Service Level Agreement u Warranty) fuq medda ta’ ħames snin (inkluż il-batterija). Ħsarat b’riżultat ta’ negliġenza mhumiex koperti.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm sewa u qed jiswa għall-gvern l-użu ta’ laptop minn kull għalliem, separatament għall-ispiża kapitali u l-ispiża rikorrenti għall-manutenzjoni eċċ għal kull sena mill-2010 sal-2016?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-laptop għal kull għalliem sewa lill-Gvern is-somma ta’ €834.60 filwaqt li l-ispiża għall-manutenzjoni hi dik ta’ €29.17 għal kull laptop.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-livell ta’ użu mistenni mill-għalliema tal-iskejjel tal-istat tal-Virtual Learning Environment (VLE) Fronter, separatament għall-primarja u għas-sekondarja, u x’inhu fil-fatt il-persentaġġ u t-tip ta’ użu tal-VLE mill-għalliema tal-iskejjel tal-istat separatament għall-primarja u għas-sekondarja?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kif jidher mit-tabelli t’hawn taħt, in-numru ta’ għalliema (unique logins) li qed jidħlu jużaw il-kmamar virtwali qiegħed dejjem jiżdied
Primarja
2012
2013
2014
2015
2016
Total ta’ logins uniċi
2770
3697
4125
4629
4510
Żieda perċentwali
33%
12%
12%
-3%
Sekondarja
2013
2014
2015
2016
Total ta’ logins uniċi
2730
2917
3160
2823
Żieda perċentwali
7%
8%
-11%
Din iż-żieda qed tintlaħaq fid-dawl tal-arranġamenti eżistenti mal-imsieħba, li għadhom ukoll suġġett ta’ diskussjonijiet kurrenti. Sa issa l-għalliema kemm fil-Primarja kif ukoll fis-Sekondarja huma inkuraġġiti li:
· Jattivaw il-kamra virtwali tagħhom fil-bidu tas-sena u jagħlquha fl-aħħar tas-sena;
· Jtellgħu l-materjal edukattiv fil-kamra virtwali tagħhom;
· Jużaw il-materjal interattiv li hemm f’numru ta’ suġġetti (7 Sekondarja għal forms 1-2, u 5 fil-Primarja mit-3 sas-6 Sena) depożitat fuq il-VLE;
· Jaċċessaw l-emails u kull korrispondenza uffiċjali oħra;
· Idaħħlu l-marki tal-eżamijiet;
· Jirreġistraw l-attendenza;
· Jirreġistraw kwalità ta’ imġieba.
L-użu li l-għalliema qed jagħmlu mill-VLE ivarja. L-ikbar użu hu mill-primarja fejn l-għalliema jużaw ħafna videos biex jintroduċu jew jispjegaw il-lezzjonijiet tagħhom. Bl-introduzzjoni tal-kontenut diġitali interattiv, l-għalliema fil-Primarja u fis-Sekondarja qed isibu għajnuna addattata skont il-kurrikulu. L-użu tal-għodod għall-amministrazzjoni tal-klassi qiegħed jikber fosthom rappurtaġġ dwar imġieba tajba jew ħażina fil-klassi.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-riżultati tal-istudji pilota u studji oħra teoretiċi li saru fil-fażi pilota tal-użu tat-tablets fil-primarja, kemm dawk li saru mill-Gvern preċedenti u kemm dawk li saru minn dan il-gvern? X’kienu l-konklużjonijiet tal-Ministeru dwar dawn ir-riżultati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Fis-sena skolastika 2011-2012 il-Ministeru tal-Edukazzjoni kellu proġett fuq skala iżgħar fi klassi waħda f’Birkirkara tat-Tielet Sena Kulleġġ Santa Tereża u klassi oħra tar-Raba’ sena fl-iskola tal-Knisja Kulleġġ San Albertu l-Kbir. Ma’ dawn kien hemm ukoll control group li kellu biss aċċess għall-erba’ kompjuters li hemm f’kull klassi. L-enfasi f’dan l-istudju kien iktar mixħut fuq l-użu ta’ software partikulari u l-ħiliet tal-ICT għat-tfal. Dan kien proġett fuq inizjattiva ta’ kumpanija lokali f’kollaborazzjoni mad-Direttorati tal-Edukazzjoni li minnu ħarġu dawn ir-rakkomadazzjonijiet u konklużjonijiet li llum iridu jittieħdu fil-kuntest ta’ dak iż-żmien:
· Il-parteċipanti tan-netbooks kellhom iktar għodda għad-dispożizzjoni tagħhom u l-fatt li kienu jieħdu l-apparat id-dar fl-ewwel sena tal-proġett setgħu ikomplu jsaħħu l-ħiliet li kienu qed jiskopru fil-klassi.
· Idealment il-proġett jitwessa għal snin oħra u jinfirex mal-iskola kollha.
· Il-parteċipanti tan-netbooks ibbenefikaw iktar mit-tfal tal-control group u bbenefikaw iktar meta fl-ewwel sena kien ikun il-ħin kollu f’idhom. Fit-tieni sena tal-proġett, in-netbook ma kienx jittieħed id-dar u kien jitqassam f’żewġ klassijiet oħra bil-ħin.
· Ma kinitx idea tajba li t-tfal joħorġu mill-klassi tagħhom għal-lezzjoni bin-netbook għal satgħejn fil-ġimgħa.
· Il-ħiliet fl-ICT kienu iktar żviluppati f’dawk it-tfal li kienu jużaw in-netbook il-ħin kollu.
Il-Ministeru għall-Edukazzjonu u x-Xogħol ħass il-bżonn ta’ proġett pilota dwar l-użu tat-tablets biex iwieġeb diversi mistoqsijiet fosthom x’kienu se jkunu d-diffikultajiet li setgħu jiffaċċjaw l-għalliema sabiex inkunu f’pożizzjoni li nwieġbu għalihom u nwittu t-triq għall-addozzjoni Nazzjonali. Dan il-proġett pilota seħħ fis-sena skolastika 2014-2015.
Il-Ministeru għall-Edukazzjonu u x-Xogħol addotta dawn ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin li ħarġu mir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Proġett Pilota tal-One Tablet Per Child li sar bejn Marzu 2014 u Marzu 2015:
1. L-għan primarju tal-Proġett għandu jibqa’ edukattiv u mhux teknoloġiku.
2. Dan huwa proġett nazzjonali b’għanijiet u miri nazzjonali u allura l-Ministeru għall-Edukazzjonu u x-Xogħol jrid jagħti l-appoġġ meħtieġ lill-iskejjel kollha, kemm tal-iStat u kemm dawk tal-Knisja u Indipendenti.
3. Il-proġett għandu jinbena u jiżviluppa fuq medda ta’ snin u mhux isir kollox f’daqqa fil-bidu.
4. L-użu tat-
tablets
ikun iktar effettiv jekk is-sillabi tas-suġġetti kurrenti u kif isir l-assessjar jinbidlu biex jirrifletti t-tagħlim fis-Seklu 21, il-Litteriżmu Diġitali u l-pedagoġiji 1:1.
5. Għandu jsir investiment fit-taħriġ u servizzi ta’ appoġġ li diġà jeżistu biex dawn ilaħħqu mal-bżonnijiet tal-proġett li mistennija jiżdiedu b’mod sostanzjali b’
tablet
f’idejn kull student.
6. L-għalliema tal-klassi għandhom jkollhom f’idejhom it-
tablet
li ħa jużaw fil-klassi xi żmien qabel jibdew jużawha mal-istudenti ħalli jkunu jistgħu jidrawha u jippreparaw ir-riżorsi tagħhom fuqha.
7. L-għalliema tal-klassi għandhom jingħataw mill-inqas 24 siegħa taħriġ fuq il-pedagoġija marbuta mat-
tablets
u kif din tintuża fil-klassi, filwaqt li għandu jingħata wkoll taħriġ lill-uffiċċjali edukattivi, lill-assistenti kapijiet, kapijiet tal-iskejjel kif ukoll uffiċċjali u edukaturi oħra konċernati.
8. Is-servizz ta’ appoġġ edukattiv lill-għalliema fl-użu tat-teknoloġija għandu jkun ibbażat fl-iskola u mhux biss fuq bażi ta’ kulleġġ jew nazzjonali.
9. Għalkemm il-proġett One Tablet Per Child se jibda mir-Raba’ Sena tal-Primarja, studenti fit-Tielet Sena għandhom ikunu esposti għall-użu tat-
tablets
sa fejn hu possibbli (għalkemm ma jingħatawx waħda kull student l-istess bħar-Raba’ Sena) biex ikunu preparati għal meta jirċievu t-
tablet
fis-sena ta’ wara.
10. L-infrasttrutta tal-ICT fl-iskejjel tal-iStat trid tiġi mkabbra filwaqt li l-iSkejjel li mhumiex tal-iStat għandhom jingħataw kull appoġġ possibbli biex jaġġornaw tagħhom.
11. Fl-ewwel tliet snin tal-One Tablet Per Child għandha tingħata
tablet
li fuqha jkun hemm
software
li jamministra lit-
tablet
(
Mobile Device Management
),
software
li jużaw l-għalliema fil-klassi biex jikkontrollaw it-
tablets
tal-istudenti u jagħtu l-lezzjonijiet fuqhom (
Classroom Management System
),
software
ieħor (
apps
), u sistema li timblokka l-aċċess għal kontenut mhux addattat għall-istudenti (
URL Filter).
12. L-għalliema fil-klassi għandu jkollhom ċertu kontroll fuq il-kontenut li jkollhom aċċess għalih l-istudenti u mhux il-kontroll jibqa’ ċentrali kif inhu llum bħal pereżempju fl-iSkejjel tal-iStat.
13. Studenti li għandhom bżonnijiet speċjali se jingħataw ukoll it-
tablet
imma din trid tingħata skont il-bżonnijiet speċifikati tagħhom flimkien mal-aċċessorji neċessarji.
14. L-istudenti se jitħallew jieħdu t-
tablet
id-dar u jġibuha ċċarġjata minn hemm, għalkemm se jkun hemm xi faċilijiet ta’ ċċarġjar fl-iskejjel.
15. It-
tablet
għandha tikkontribwixxi biex gradwalment jeħfief il-piż tal-basket tal-iskola għaliex xi riżorsi stampati jistgħu jitpoġġew f’forma diġitali fuq it-
tablet
.
16. Għandu jsir sforz biex ikun hemm kemm jista’ jkun kontenut bil-Malti fuq it-
tablets.
17. Il-Google Apps for Education għandu jkun offrut lill-għalliema b’mod uffiċjali peress li uħud minn dawn is-servizzi huma diġà popolari ħafna mal-għalliema fuq bażi personali.
18. Għandu jsir studju pilota dwar il-potenzjal tat-
tablet
u mezzi oħra diġitali simili fis-Sekondarja u dan għandu jsir fuq medda ta’ sena skolastika sħiħa.
19. Għandu jsir sforz biex il-ġenituri/gwardjani jikkontribwixxu għas-suċċess tal-użu tat-
tablets
ladarba din se titħalla tittieħed id-dar.
20. Għandha ssir kampanja pubblika ta’ informazzjoni li turi l-benefiċċji tal-użu tat-
tablets
fl-edukazzjoni u tneħħi l-impressjoni li dawn huma ġugarell, sabiex dal-proġett jikseb appoġġ nazzjonali.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-parametri tal-użu tat-tablets fl-iskejjel primarji issa li se jitqassmu b’mod wiesa’? X’inhi l-frekwenza maħsuba tal-użu fil-klassi? Kif se jintużaw waqt it-tagħlim? Se jkunu jistgħu jintużaw id-dar? X’proviżjoni se jkun hemm għall-manutenzjoni u ħsarat?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-parametri għall-użu tat-tablets jinkludu li t-tablet hija għodda ġdida li fiha ħafna potenzjal imma hija biss għodda waħda fost bosta oħrajn, kemm diġitali bħall-interactive whiteboard u l-virtual learning environment, u kemm tradizzjonali bħall-istrumenti tal-kitba, il-ktieb stampat u l-pitazz. Fil-bidu l-għalliema ser jingħataw linji gwida iżda ser jitħallew fil-libertà li jiddeterminaw huma kemm għandha tintuża t-tablet bħala ammont ta’ ħin fil-klassi basta jsir użu għaqli minnha u joħorġu l-benefiċċji fuq l-istudenti speċjalment fil-litteriżmu, il-matermatika, u l-ħiliet diġitali. Se jkun hemm linji gwida kif għandu jintuża s-software li se jinxtara fosthom skema għal qari supplimentari li kapaċi tanalizza l-livell tal-qari tat-tfal qabel u wara l-użu tas-software filwaqt li jżomm rekord tal-progress ta’ kull tifel u tifla u jindika fejn hemm bżonn l-għajnuna. Software ieħor maħsub li jinxtara jista’ jintuża f’kull ħin biex it-tfal juru x’qed joħolqu kemm bħala kitba kif ukoll bħala ritratti, tpinġijiet, mużika u proġetti oħra. Żewġ biċċiet software oħra se jagħtu lill-għalliem iktar riżorsi biex iħawwar il-lezzjoni u jagħmilha iktar interessanti għat-tfal.
Dan l-użu se jkun kopert minn ftehim mill-Malta Union of Teachers. It-tablets mistennija jittieħdu d-dar sabiex l-istudenti jkomplu jitgħallmu minn fuqhom barra mill-iskola, però dawn it-tablets se jkollhom fuqhom software apposta biex l-istudenti ma jkunux esposti għal kontenut mhux addattat għalihom. Fl-istess ħin inżidu li l-użu tat-tablet se jkun miexi flimkien ma’ kurrikulu li jgħin lit-tfal fil-litteriżmu diġitali. It-tender biex jinxtara l-hardware u s-software għat-tablets ser jipprovdi wkoll għal tiswijiet, manutenzjoni u tibdil ta’ units skont il-bżonn permezz ta’ Service Level Agreement ma’ min se jissupplixxi.
Learning Outcome Framework – għalliema, executive officers u head of department
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il għalliem, head of department u executive officer irċevew taħriġ fuq il-Learning Outcome Framework, u jagħti d-dettalji dwar fiex kien jikkonsisti t-taħriġ tagħhom? Jista’ jgħid meta dawk li diġà ngħataw it-taħriġ huma mistennija jibdew jagħtu taħriġ lill-edukaturi oħra?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lil-Onor. Interpellant li b’kollox fuq il-Learning Outcome Framework (LOF) irċevew it-taħriġ 74 persuna. Dawn in-nies intgħażlu wara sejħa fost l-edukaturi kollha. Minn dawn, 48 edukatur jaħdmu fl-Iskejjel tal-Istat, 16 fl-Iskejjel tal-Knisja, 5 fl-Iskejjel Indipendenti u 3 mill-Università, flimkien mal-Head of Project u l-Project Leader.
Dawn l-74 persuna kienu mqassma hekk:
18-il għalliema tas-Sekondarja
15-il Uffiċjal Edukattiv
12-il għalliem tal-Primarja
10 Kapijiet tad-Dipartiment fis-Sekondarja
5 Kapijiet tad-Dipartiment fil-Primarja
4 Assistenti Kapijiet fil-Primarja
3 Lecturers fl-Università
2 Assistenti Diretturi
1 Kap ta’ Skola Sekondarja
1 Kap ta’ Skola Primarja
1 Support Teacher
1 Head of Project
1 Project Leader/Direttur
It-taħriġ ta’ dawn l-Edukaturi kien jikkonsisti fi 30 ECTS fil-Livell 7. Kien taħriġ li jħejji l-Edukaturi fil-Learning Outcomes, fl-Andragoġija (tagħlim tal-adulti), fi Training Needs Analysis u fl-Assessjar. Kien hemm ħames (5) modules, li wieħed minnhom sar fl-Irlanda. Kellhom ukoll Study Visit fl-Irlanda fejn żaru numru ta’ għalliema fi Skejjel Primarji u Sekondarji. Barra minn dan, it-taħriġ qiegħed jitkompla permezz tal-Institute for Education fi ħdan il-MEDE.
Xi wħud minn dawn l-74 Edukatur kienu qiegħdin jikkoordinaw Discussion Groups waqt Professional Development sessions fl-Iskejjel. Il-ħidma ta’ dawn l-Edukaturi se titkompla, ladarba jiġi ffirmat il-ftehim settorjali mal-MUT u jkun hemm qbil dwar il-mod kif se tiġi introdotta l-LOF fl-Iskejjel.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’preparazzjoni u taħriġ, anke dak kontinwu, ingħataw jew qed jingħataw l-edukaturi biex jiġi ffaċilitat il-coeducation b’referenza partikolari lejn dawk l-iskejjel li mis-sena skolastika li jmiss, għall-ewwel darba se jkollhom klassijiet ta’ Form 3 imħallta u l-Form 4 u 5 subien jew bniet biss?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li taħriġ lill-edukaturi jingħata kontinwament fuq suġġetti varji. Il-Kap tal-Iskola u l-SMT dejjem jippjanaw dan it-taħriġ skont il-bżonn li jħossu li jkun hemm fl-iskola partikolari li jkunu qed imexxu. Taħriġ dwar il-Ko-Ed speċifikament beda jinghata minn April 2013 lil kulmin staqsa għalih u sal-lum għadu jingħata skont id-domanda. Dan isir fis-sessjonijiet tal-PD jew f’laqgħat organizzati mill-Kap tal-Iskola/SMTs fuq livelli differenti. Esperjenzi dwar tagħlim fis-sistema tal-Ko-Ed ilhom jiġu diskussi, bejn skejjel statali, skejjel indipendenti, kelliema mill-Università, u kelliema oħra, mill-2013. Taħriġ dwar il-Ko-Ed jingħata kull meta jintalab kemm bħala skola, kemm bħala suġġett u kemm bħala grupp jew individwali. Din is-sena qed isiru laqgħat fil-Kulleġġi partikolari bejn l-SMTs tal-iskejjel Medji (Yr 7 u Yr 8) u dawk tal-Iskejjel Għolja (Yr 9, Yr 10 u Yr 11) fejn ser jimxu l-istudenti f’Settembru 2016, biex it-tranżizzjoni tkun bl-inqas skoss u b’mod aktar sikur għall-istudenti. L-għalliema bħala l-adulti qed jagħmlu l-biċċa tagħhom ukoll. Xi Kulleġġi u skejjel organizzaw/qed jorganizzaw laqgħat u taħriġ flimkien bħala skejjel ukoll. B’hekk l-għalliema jħossuhom aktar konfidenti. U dan barra li tkompli ssir it-tranżizzjoni minn skola għall-oħra minn Yr 6 għal Yr 7.
Ta’ min wieħed isemmi u jirreferi wkoll għal rapport li hemm onlajn dwar Co-Education in the State Secondary School Sector: A survey of the views of Students, Teachers and Parents/Guardians li ġie ppreżentat f’Lulju 2015. Rapport ieħor bħala follow-up ta’ dan qed isir bħalissa, biex wieħed jara l-progress u x’suġġerimenti jistgħu jsiru biex is-sistema tkompli timxi ’l quddiem.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm libreriji fl-iskejjel, jindika jekk hemmx u jekk hemm libreriji fil-klassijiet, u kemm hemm librara f’kull skola tal-Istat? Jista’ jgħid ukoll x’inhuma l-kwalifiki ta’ dawn il-librara? Jista’ jindika kemm minn dawn il-librara huma wkoll għalliema, u għal dawk li huma wkoll għalliema jindika x’inhuma s-suġġeti li huma jgħallmu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
National Commission for Further and Higher Education — approvazzjoni għall-American University of Malta
Question
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 21588, jista’ allura l-Ministru jgħid jekk issa li jaf li sar reklamar fil-Commonwealth Forum huwiex ser jieħu passi kontra l-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament u li għamlet l-imsemmi reklamar?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 22936. Fl-istess ħin nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi infurzar ta’ reklamar minn istituzzjoni għal edukazzjoni avvanzata u ogħla jaqa’ taħt il-Kummissjoni għal dan il-għan. Fil-fatt fil-11 ta’ Frar ta’ din is-sena, din il-Kummissjoni (NCFHE) ħarġet kjarifika dwar it-termini ta’ università, ta’ istituzzjoni avvanzata u/jew ogħla, u ta’ ċentri ta’ istituzzjoni avvanzata.
Fiż-żmien li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant, il-kumpanija indikata minnu separatament ma kellha ebda obbligi skont SL 327.433.
Fis-26 ta’ Jannar ta’ din is-sena, din il-kumpanija ingħatat liċenzja ta’ istituzzjoni edukattiva Ogħla u minn dik id-data din il-kumpanija marbuta li ma tirreklamax jew tuża l-kelma Università, sakemm tingħatalhom il-liċenzja.
Skejjel u istituti edukattivi – persuni b’diżabilità — impjieg
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22534, u ladarba d-Direttorat ma jżommx statistika dwar persuni b’diżabilità li jaħdmu fl-iskejjel u istituti edukattivi tal-istat, jista’ l-Ministru jgħid x’qed jagħmel biex jassigura li persuni b’diżabilità qed jingħataw aċċess għall-opportunitajiet ta’ xogħol fl-iskejjel u istituti edukattivi u kif dawn l-istituzzjonijiet qegħdin jonoraw l-obbligi tagħhom fil-konfront tal-impjegati b’diżabilità?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat ma jimpjegax ħaddiema fuq bażi ta’ skola skola.
Il-gvern qiegħed iħares li josserva l-liġi tal-kwota fuq bażi tas-settur pubbliku u dan ikun jirrifletti l-ħsieb maqbul mal-imsieħba soċjali.
Direttorati tal-Edukazzjoni – xogħlijiet fl-ewwel sular
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol ta’ manutenzjoni qiegħed isir fl-ewwel sular fil-bini tad-Direttorati tal-Edukazzjoni? Jista’ jgħid meta dan ix-xogħol mistenni jkun lest u jista’ jagħti informazzjoni wkoll dwar x’użu se jsir minn dan l-ispazju meta x-xogħol ikun mitmum?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fl-ewwel sular tal-bini tad-Direttorati tal-Edukazzjoni qed isir xogħol fl-ispazji komuni ta’ tisbiħ, tibdil tal-art, tas-suffett, tad-dawl, tal-arja kundizzjonata ġdida, fire alarm detection ġdida, sistema tal-internet u tat-telefonija. Dan l-ispazju komuni ser jinkludi wkoll punti ta’ sigurtà, reception point ġdida, u soft furniture ukoll. Dan ix-xogħol mistenni jkun lest bejn Mejju/Ġunju ta' din is-sena.
Skejjel – parteċipazzjoni fi proġetti ffinanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il skola pparteċipat fi proġetti ffinanzjati jew kofinanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea f’din l-aħħar sena? Jista’ jindika, l-iskejjel u t-tip u t-titolu tal-proġetti u kemm ħadu sehem studenti u l-età tagħhom? Jista’ jindika kemm ħadu sehem għalliema u membri mis-senior management team? Jista’ jindika kemm kien l-ammont ta’ fondi li ħadet kull skola biex twettaq dan il-proġett?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qiegħed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 23433 - Skejjel - parteċipazzjoni fi proġetti ffinanzjati minn fondi tal-UE.xlsx
Studenti li pparteċipaw fi vjaġġi barra mill-pajjiż organizzat mill-iskola
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il gruppi ta’ studenti pparteċipaw fi vjaġġi barra mill-pajjiż organizzat mill-iskola jew bħala parti mill-istudju tagħhom fl-iskola matul is-sena akkademika li għaddiet u dik kurrenti? Kemm minn dawn ma kenux parti minn proġett ffinanzjati jew kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea? Jista’ jindika l-iskejjel, l-età tal-istudenti u l-pajjiżi li żaru?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista bit-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Attachments:PQ 23434 - Studenti li pparteċipaw fi vjaġġi barra l-pajjiż.doc
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ħarġa kulturali ġiet organizzata s’issa fl-Iskejjel Primarji għas-sena akkademika kurrenti? Jista’ jindika liema skola organizzat dawn il-ħarġiet, l-età tal-istudenti li pparteċipaw, it-tip ta’ attività, u jekk it-tfal intalbu jħallsu, x’kien l-ammont?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Skejjel pubbliċi – studenti reġistrati bħala non native speakers
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti reġistrati fl-iskejjel pubbliċi li jista’ jiġu definiti bħala non native speakers? Jista’ jindika n-nazzjonalità ta’ dawn it-tfal, kemm hemm subien u bniet, u l-età tagħhom meta ġew reġistrati? Jista’ jindika xi programmi qed isiru sabiex jgħinuhom jitgħallmu l-Malti u l-Ingliż u kif huma u l-familji tagħhom qed jiġu megħjuna sabiex jintegraw fl-ambjent tal-iskola?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jikkjarifika jekk bil-frażi non native speakers hux qiegħed jirreferi għal tfal li la jafu bil-Malti u lanqas bl-Ingliż, u dan peress li sussegwentement fl-aħħar parti tal-mistoqsija isemmi speċifikament dawn iż-żewġ lingwi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm irreġistraw studenti għall-GEM 16+ fil-ftuħ tas-sena, jindika kemm irreġistraw studenti skont is-suġġetti offruti fl-iskola u kemm minn dawk li rreġistraw għall-ewwel term attwalment għadhom jattendu l-iskola issa li ninsabu fit-tieni term?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ studenti li rreġistraw għal GEM16+ fil-bidu tas-sena kien ta’ 80.
L-informazzjoni dwar kemm irreġistraw studenti skont is-suġġetti hi kif ġej:
Malti - 71
Ingliż - 65
Matematika - 78
Fiżika - 47 / ECDL - 33
L-istudenti attwali fit-tieni term huma 65.
Studenti tal-Higher Secondary – proċess ta’ akkreditazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal il-proċess ta’ akkreditazzjoni li ġie mwiegħed lill-istudenti tal-Higher Secondary jekk jiffinalizzaw l-istudji post sekondarji tagħhom? Jista’ jindika kif, b’liema kriterji u x’valur hu mistenni jkollha din l-akkreditazzjoni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li għaddejjin preparazzjonijiet biex tigi sottomessa l-applikazzjoni għall-proċess formali ta’ akkreditazzjoni tal-Giovanni Curmi Higher Secondary School. Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (NCFHE) ma tistax tagħti l-informazzjoni fuq il-kontenut tad-diskussjonijiet iżda tista’ tikkonferma li l-istess kriterji li huma indikati fil-liġi SL 327.433 ser jiġu applikati kif jiġu applikati għal kull applikant ieħor.
Bord tal-Institute for Education – remunerazzjoni lill-membri
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-membri fuq il-Bord tal-Institute for Education imwaqqaf dan l-aħħar, hux qed jingħataw remunerazzjoni għax-xogħol tagħhom? Jekk iva, x’tip ta’ remunerazzjoni qed jingħata?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-membri tal-Bord tal-Istitut għall-Edukazzjoni ser jitħallsu onorarja kull sena ta’ €2,000, u ċ-Chairperson €8,000 skont il-linji gwida dwar il-ħatriet tal-Bordijiet.
Uffiċjali pubbliċi li jservu fuq dan il-bord u li l-funzjonijiet u/jew ir-responsabbiltajiet tal-pożizzjoni sustantiva tagħhom huma relatati direttament mal-ħidma tal-bord, ma jitħallsux onorarja.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-ammont ta’ sigħat fi prattika li qed jagħmlu l-istudenti tal-MCAST f’Villa Portelli fil-Kalkara skont il-kors partikolari li qed (jew kienu) isegwu bejn l-2013 sal-lum?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li bejn l-2013 u llum, studenti li qed isegwu korsijiet fiċ-Ċentru għall-Istudji Marittimi fl-MCAST kellhom dawn is-sigħat ta’ prattika bħala parti mill-korsijiet li segwew:-
(A) Studenti tal-Probationary Officer Cadet Livell 3 – Taħriġ Fiżiku, tliet sigħat fil-ġimgħa matul is-sena kollha; hemm ukoll dawn is-suġġetti li fihom sezzjonijiet ta’ prattika li n-numru ta’ sigħat tagħhom jiddependi minn kemm l-istudenti jkunu kisbu l-għarfien meħtieġ qabel u waqt il-prattika: familjarizzazjoni bażika mas-simulators waqt it-tagħlim teoretiku dwar kif iħaddmuhom; u sezzjonijiet prattiċi ta’ tul konsiderevoli waqt is-suġġett tas-Seamanship, fejn jidħlu f’dettal dwar kif jiffurmaw l-għoqod b’tipi differenti ta’ ħbula, kif ukoll iġonġu, iġantu jew jiffurmaw ħbula ta’ għamliet u ħxuna differenti;
(B) Studenti li segwew il-programm Officer in Charge of the Navigational Watch kellhom dan it-taħriġ prattiku: l-ewwel fażi – Taħriġ Fiżiku, tliet sigħat fil-ġimgħa matul is-sena; madwar ħames sigħat ta’ taħriġ prattiku fil-kors ta’ madwar tlettax-il siegħa msejjaħ Personal Survival Techniques; disa’ sigħat prattika fil-kors Fire Prevention and Fire Fighting; fit-tieni fażi l-istudenti kollha huma mitluba sabiex iqattgħu tnax-il xahar fuq il-baħar fuq ‘ocean going ships’, li matulhom ipoġġu fil-prattika dak li jkunu tgħallmu fl-ewwel fażi; u fit-tielet fażi, ikollhom sigħat ta’ prattika fuq is-simulators tan-NARAS (livell operazzjonali), fil-GMDSS, kif ukoll ħmistax-il siegħa prattika fil-kors tal-Proficiency in Survival Craft and Rescue Boat u fil-kors tal-Efficient Deck Handling, flimkien ma’ tnax-il siegħa prattika fil-kors Advanced Fire Fighting u għaxar sigħat fil-kors Medical First Aid. L-istudenti li jsegwu l-kors tac-Chief Mate ikollhom madwar ħames sigħat ta’ prattika fil-kors tal-Medical Care on Board u tnax-il siegħa prattika fil-kors Advanced Fire Fighting.
Jista’ l-Ministru jispjega l-istat ta’ faċilitajiet li għandhom l-istudenti tal-MCAST f’Villa Portelli fil-Kalkara? Infurmat il-Ministru jekk bħalissa hux qed isir taħriġ prattiku bħala parti mill-kors akkademiku tagħhom u jekk hemmx il-ħsieb li jinsab post alternattiv minħabba d-diffikultajiet li għandhom? Jekk iva, jista’ jgħid liema siti qed jiġu kkunsidrati, jekk hemmx timeline għat-translokazzjoni tal-apparat, jekk hemmx data meta se jibda t-tagħlim fil-post il-ġdid u jekk hemmx pjan sabiex fil-frattemp l-istudenti ma jaqgħux lura fl-istudju u t-taħriġ tagħhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-istudenti taċ-Ċentru għall-Istudji Marittimi tal-MCAST f’Villa Portelli fil-Kalkara għandhom dawn il-faċilitajiet: lecture rooms, l-apparat meħtieġ skont is-suġġetti tal-kors li qed isegwu, kamra mgħammra għall-Electronic Chart Display and Information System (ECDIS), simulators għas-suġġetti tan-NARAS u l-apparat ta’ komunikazzjoni meħtieġ għall-GMDSS, librerija, Seamanship Room bl-istorage room tagħha, scaffolding fil-Court Yard bħala parti mit-taħriġ fis-suġġett tas-Seamanship, u apparat meħtieġ ieħor bħal kompjuters, screens fejn tkun proġettata d-data, sistema ta’ internet u wifi, u parti fil-ġonna ta’ isfel fejn issir parti mit-taħriġ fiżiku.
It-taħriġ prattiku kollu, li huwa parti integrali mis-suġġetti ta’ kull kors, qed isir b’mod regolari, u meta meħtieġ – bħal fil-kas tal-Fire Fighting u l-PSCRB - qed jintużaw faċilitajiet barra miċ-Ċentru, liema faċilitajiet huma approvati minn Transport Malta.
Il-korsijiet ta’ filgħodu qed jingħataw kollha fiċ-Ċentru għall-Istudji Marittimi.