Legislature:
Category:
Reset
Active:

Programm “Aqra Miegħi u Seħer l-Istejjer” – ċentri

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ ċentri madwar il-gżejjer Maltin fejn qiegħed jiġi ppreżentat il-programm “Aqra Miegħi" u "Seħer l-Istejjer? Jista’ jgħid kemm-il sessjoni ta' dawn il-programmi ġew organizzati matul l-2015?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2015 saru 2694 sessjoni tal-programmi ‘Aqra Miegħi/Read with Me’ u ‘Seħer l-Istejjer/The Magic of Stories’, maqsuma f’2107 sessjoni ta’ Aqra Miegħi u 587 sessjoni ta’ Seħer l-Istejjer. Lista ta' ċentri fejn qed jiġu ppreżentati dawn iż-żewġ programmi qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Malta Writing Programme — edukaturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' trainers-edukaturi fi ħdan il-Malta Writing Programme li taw it-taħriġ lill-edukaturi oħra bejn is-snin 2008-2015? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ għalliema/edukaturi li ġew imħarrġa grazzi għal dan il-programm sena b’sena bejn l-2008 u l-2015? Jista’ jgħid ukoll kemm hu n-numru ta' trainers-edukaturi fi ħdan il-Malta Writing Programme li bejn Jannar 2016 u April 2016 qegħdin iħarrġu edukaturi oħra fi skejjel Maltin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li kien hemm sitt edukaturi tul l-2008-2015 li taw taħriġ lil edukaturi oħra. In-numru ta’ għalliema/edukaturi li ġew imħarrġa grazzi għal dan il-programm sena b’sena bejn l-2008 u l-2015, kien kif se nsemmi: Il-Programm Malti tal-Kitba (Malta Writing Programme) Sena 2008 2009 2010 2011 2012 2013 2014 2015 In-Numru totali ta' Edukaturi mħarrġa 61 56 41 557 249 364 608 655 Minn Settembru 2015, it-taħriġ lill-għalliema/edukaturi fil-Proċess tal-Kitba għadda f’idejn it-Tim tal-Litteriżmu ta’ kull Kulleġġ immexxi mill-Kap tad-Dipartiment tal-Litteriżmu. Il-Programm Malti tal-Kitba m’għadux programm għalih waħdu imma jifforma parti mill-programm ta’ taħriġ għall-edukaturi fil-ħiliet kollha, jiġifieri, fit-taħdit, il-fehim, il-qari u l-kitba. Jieħdu ħsieb dan il-programm hemm il-Kapijiet tad-Dipartiment tal-Litteriżmu taħt id-direzzjoni tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu u kien hemm sitt kapijiet jorganizzaw it-taħriġ fil-kulleġġ/i li jieħdu ħsieb fil-perjodu msemmi.

Malta Writing Programme – sessjoni ta’ taħriġ offruta lill-edukaturi Maltin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il sessjoni ta' taħriġ min-naħa tal-Malta Writing Programme ġiet offruta lill-edukaturi Maltin fid-diversi skejjel Maltin bejn Settembru 2015 u Marzu 2016? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn is-sessjonijiet ta' taħriġ saru fi skejjel tal-istat, tal-knisja u indipendenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li bejn Settembru 2015 u Marzu 2016 ingħataw 314 sessjoni ta’ taħriġ lill-edukaturi Maltin fuq il-Proċess tal-Kitba mit-Timijiet tal-Litteriżmu tal-Kulleġġi, immexxija mill-Kapijiet tad-Dipartiment tal-Litteriżmu u sostnuti mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, 303-il sessjoni ngħataw fl-iskejjel tal-istat u 11-il sessjoni ngħataw fl-iskejjel tal-Knisja. Ma kien hemm l-ebda talba mill-iskejjel indipendenti biex jingħataw taħriġ f’dan il-qasam.

Kotba mislufa mil-libreriji pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra statistika dwar kemm ġew mislufa kotba minn tfal tal-età bejn il-ħames u t-tnax-il sena mil-libreriji pubbliċi madwar il-gżejjer Maltin fl-2013, 2014 u l-2015?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fis-sena 2015, fil-Libreriji Pubbliċi ġew mislufa 345,626 ktieb minn tfal li l-età tagħhom ma taqbiżx it-13-il sena. Infurmat ukoll li Malta libraries m’għandhiex din l-istatistika għas-snin ta’ qabel minħabba l-fatt li l-Library Information System l-antika ma kellhiex din il-faċilità.

Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli — direttur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu d-Direttur maħtur fid-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli? Meta saret is-sejħa? Kemm applikaw għal dan il-postu min kienu dawk li applikaw?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li d-Direttur għall-Iżvilupp Sostenibbli huwa s-Sur George Said. Il-ħatra tiegħu saret skont is-sejħa maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru nhar l-20 t’Awwissu 2015 (Ċirkulari UPM 12/2015). Ta’ min jinnota li dan huwa l-ewwel Direttorat tax-xorta tiegħu li qatt kien hawn f’pajjiżna, u għalhekk din hija l-ewwel darba li nħatar Direttur li se jkun responsabbli minn dan id-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

San Pawl il-Baħar – strutturi fil-bitħa tal-iskola primarja

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 23277, jista’ l-Ministru jgħid f’liema parti tal-iskola qed isir dan il-bini, jekk hux lest u jekk le, meta se jkun lest? Jista’ jgħid kif qiegħda tiġi protetta s-saħħa u s-sigurtà tal-edukatturi u tal-istudenti, x’inhu l-iskop tal-użu ta’ din il-binja, min ingħata l-kuntratt għal dan ix-xogħol u jekk ingħatax b’direct order jew b’tender?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-istrutturi qed jinbnew f’parti mill-bitħa tal-iskola u dan ix-xogħol wasal fil-fazi finali tiegħu. Huwa maħsub li x-xogħol jitlesta sal-aħħar ta’ Marzu 2016. Infurmat li qed jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex is-saħħa u s-sigurtà tal-edukaturi u tal-istudenti tiġi mħarsa fosthom hemm barriers sabiex il-parti ta’ fejn qed isiru x-xogħlijiet hija diviża mill-parti tal-bitħa fejn ikun hemm l-istudenti kif ukoll l-edukaturi. L-iskop ta’ din il-binja hija biex iservu bħala klassijiet. Il-kuntratturi li ingħataw ix-xogħol biex isiru dawn l-istutturi huma Bava Holdings Ltd, Carl Camilleri u Big Exhibits. Dawn ingħataw b’direct orders.

Childcare Centres — kuntratti

Question

Jista’ l-Ministru jippreżenta l-kuntratt li huwa għandu maċ-Childcare Centres, jgħid jekk l-assentejiżmu ta’ dawn it-tfal kienx kopert b’ċertifikat mediku u jekk il-Ministru iqisx li l-attendenza għaċ-Childcare tkunx waħda obbligatorja ladarba ġenitur japplika f’din l-iskema? Jista’ jindika jekk l-ammonti li qed jinġabru mill-ġenituri f’dawn iċ-ċirkostanzi jinżammux miċ-Childcare Centres jew jiġux rifużi lill-Gvern jew imnaqqsa mit-total li l-Gvern ikun ikkuntratta maċ-Childcare Centres?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra abbozz tal-kuntratt li l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol għandu maċ-Childcare Centres kollha li qegħdin reġistrati fl-iskema ta’ childcare b’xejn. Qed inpoġġi wkoll fuljett ta' informazzjoni li jispjega kif taħdem l-iskema. L-għan tal-iskema huwa li jħallas liċ-ċentri tas-servizzi ta’ childcare mogħtija lit-tfal. Għaldaqstant, l-operat taċ-ċentri hija l-prerogattiva tal-istess ċentri u ċertifikati mediċi jistgħu jintalbu skont id-diskrezzjoni tal-istess ċentri. Għall-fini tal-iskema, kull tifel/tifla għandu/għandha allokazzjoni individwali ta’ absence allowance. Il-ġenituri għandhom ir-responsabbiltà li jonoraw il-bookings li jkunu għamlu, peress li dan jimpatta direttament fuq l-operat tal-istess ċentri. Is-sigħat li jkunu bbukkjati u ma ġewx użati jitnaqqsu mis-sigħat tal-absence allowance. Meta jispiċċaw is-sigħat tal-absence allowance, l-assentijiżmu jaqa’ taħt il-limitu minimu konsentit. Il-Gvern ma jħallasx liċ-Ċentri meta jiġri dan, u hija r-responsabbiltà taċ-ċentri li jiġbru l-ħlas dovut lilhom.

Skejjel – talbiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba rċevew l-iskejjel sabiex tfal jattendu iskola li ma tkunx tikkorrispondi mal-lokalità tar-residenza tagħhom u kemm minn dawn it-talbiet ġew aċċettati minn Settembru 2015 sal-lum?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif se nsemmi: Kulleġġ Risposta ST MARGARET 26 applikazzjoni li ġew approvati kollha. ST BENEDICT 21 applikazzjoni li ġew approvati kollha. ST ĠORĠ PRECA 38 applikazzjoni li ġew approvati kollha. ST IGNATIUS 101 applikazzjoni li minnhom ġew approvati 94. MARIA REGINA 58 applikazzjoni li ġew approvati kollha. ST NICHOLAS 44 applikazzjoni li ġew approvati kollha. ST THERESA 65 applikazzjoni li minnhom ġew approvati 43. ST CLARE 95 applikazzjoni li minnhom ġew approvati 85. ST THOMAS MORE 113 applikazzjonijiet li minnhom ġew approvati 86. GOZO COLLEGE 20 applikazzjoni li minnhom ġew approvati 18.

MCAST — impjiegi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid in-numru ta’ persuni li ngħataw impjieg fl-MCAST fis-sena 2013, 2014, 2015 sal-lum u li ma kenux diġà impjegati fl-MCAST f’xi funzjoni oħra? Jista’ jgħid in-numru ta’ persuni li kienu diġà impjegati fl-MCAST u fl-istess perjodu ngħataw promozzjoni jew trasferiment? Jista’ jindika l-funzjonijiet li jkopru dawn il-persuni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-MCAST impjega mitejn u ħames persuni (205) ġodda mill-1 ta’ Jannar 2013 sat-8 ta’ Marzu 2016. Il-maġġoranza assoluta ta’ dawn l-impjiegi huma ta’ Lecturers, filwaqt li kien hemm staff amministrativ kif ukoll Deputy Directors. Fl-istess perjodu kien hemm ħamsa u erbgħin (45) promozzjoni.

Kampus il-ġdid tal-MCAST — xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23376, jista’ l-Ministru jgħid b’liema mod ġie revedut il-Masterplan tal-Kampus tal-MCAST u jagħti raġunijiet li rrekjedew dan?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-Masterplan tal-Kampus il-ġdid ġie rivedut b’dan il-mod: · Ġew iddisinjati binjiet akbar għall-: Istitut tas-Servizzi fil-Komunità minħabba ż-żieda fl-ammont ta’ korsijiet u l-ammont ta’ studenti li qed jattendu dan l-Istitut fl-aħħar snin; Istitut tal-Kommunikazzjoni u t-Teknoloġija li issa ser ikun jinkludi fih ukoll id-Dipartiment għall-Immaniġġjar tad-Data u l-Informazzjoni tal-MCAST kollu; Il-Librerija li se tinkludi fiha t-Taqsima tal-Għajnuna fit-Tagħlim, u issa wkoll id-Dipartiment għal-Innovazzjoni u l-Intraprenditorjal, u d-Dipartiment għal-Apprentistat u l- Work-Based Learning wara li l-MCAST ingħatat l-inkarigu li tmexxi ‘il quddiem dawn is-setturi importanti · L-inklużjoni ta’ aktar Flexible Teaching Areas; · Il-binjiet intenzjonati għat-tagħlim tal-inġinerija mekkanika u elettrika, kostruzzjoni u bini kif ukoll l-aspett marittimu ġew ikkonsolidati biex b’hekk joperaw aktar effiċjenti fi ħdan istitut wieħed; · Il-binja ddedikata għall-Amministrazzjoni ser tinżamm għal dan l-użu u l-post li kien oriġinarjament intenzjonat għal din l-attività ġie allokat għall - Istitut tal-Kommunikazzjoni u t-Teknoloġija. Dan għaliex inħass li għandha tingħata priorità lill-faċilitajiet għall-użu tal-istudenti. · L-Inklużjoni ta’ Residential Complex għall-istudenti. Ir-raġunijiet li rrikjedew dawn ir-reviżjonijiet kienu: · It-tibdil fid-demografija u tibdil fil-preferenzi tas-suġġetti li jagħżlu l-istudenti; · Iż-żieda fin-numru ta’ korsijiet offruti mill-MCAST; · Il-bżonn li jingħata priorità lill-faċilitajiet għall-istudenti kif spjegat fuq; · Id-deċiżjoni li l-Istitut tal-Arti u d-Disinn jibqa’ l-Mosta u li ċ-Ċentru tal-Agrikummerċ jibqa’ Ħal-Qormi u dawn is-siti jiġu inkorporati fil-proġett tal-Kampus il-ġdid tal-MCAST minħabba li dawn is-siti huma iktar idoneji għan-natura tal-korsijiet offruti f’dan l-istitut u ċentru; · Ir-reviżjoni fil-konfini tal-Kampus ta’ Kordin.

Kampus il-ġdid tal-MCAST — xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23376, jista’ l-Ministru jagħti l-lista kompluta tal-kuntratti mogħtija, il-lista tal-kuntratturi mogħtija u lista tal-kuntratturi għax-xogħol kollu kkummissjonat fl-2015, filwaqt li jiddefinixxi jekk ix-xogħol kienx mogħti b’direct order jew b’tender?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Form 1 – suġġetti ta’ Design and Technology, Home Economics, Arti u Mużika

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23374, jista’ l-Ministru jippreżenta r-riċerka, il-metodu tal-assessjar u l-konklużjonijiet ta’ dan l-assessjar li wasslu biex jikkonkludi li l-esperjenza fit-tagħlim fis-suġġetti msemmija, kienet pożittiva?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali (2012) tana direzzjoni ċara dwar x’għandha tkun l-esperjenza kurrikulari, fid-diversi ċikli (Snin Bikrin, Primarja, Medja u Sekondarja) tal-Edukazzjoni obligatorja. Filwaqt li element ta’ speċjaliżazzjoni tajjeb li jibda fis-snin tas-Sekondarja, kien qiegħed jasal ċar il-messaġġ mill-Iskejjel li fiż-żmien tat-tranżizzjoni mill-Primarja għas-Sekondarja l-għażla li kienet qed issir mill-istudenti kienet qed tkun waħda arbitrarja li minnha mhux neċessarjament kien qed jinġabar il-frott mixtieq. Għaldaqstant il-fatt li b’dan l-arranġament l-istudenti kollha qed jiġu esposti għall-istess oqsma ta’ tagħlim hekk kif rifless fl-istess Qafas Nazzjonali, qed jiggarantixxi opportunitajiet indaqs lill-istudenti kollha. Id-deċiżjoni li Home Economics, Arti, Mużika u Design and Technology ikunu assessjati biss b’mod kontinwu kienet u għadha maħsuba biex l-istudenti jitħallew jesperjenzaw dawn is-suġġetti mingħajr ma tiżdied il-pressjoni tal-eżami qabel ma tkun saret għażla. Filfatt dawk li jagħżlu wieħed minn dawn is-suġġetti, fit-tielet sena tas-Sekondarja jkunu jridu jibdew jiġu assessjati sew b’mod kontinwu kif ukoll b’mod summattiv (eżami) bħal f’suġġetti oħra. Ser tkun l-esperjenza tal-istudenti li telgħin fit-tielet sena fis-sena skolastika li jmiss li ser tgħallimna jekk din l-opportunità tagħtix il-frott mixtieq. Sal-lum il-messaġġ li qed jasal dwar dan l-arranġament huwa wieħed pożittiv, iżda jkun jista’ jiġi riċerkat aħjar wara s-sena skolastika li ġejja.

Ethics Education

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23373, jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti t-taħriġ imsemmi, kemm-il għalliem/a ngħataw taħriġ, mil-liema skejjel u kemm-il student qed isegwi l-Ethics Education?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Taħriġ lill-għalliema dwar l-użu tat-tablets

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’taħriġ ingħataw u/jew se jingħataw l-għalliema dwar l-użu tat-tablets?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-għalliema li hu maħsub li jkunu qed jgħallmu l-Klassi tar-Raba’ Sena ġew imsejħa għall-ewwel darba għat-taħriġ ta’ kull sena f’Settembru 2015. Dawn tħarrġu fuq il-pedagoġija u l-filosofija wara tgħalim1:1 bit-teknoloġija. Tqassam ktieb lil kull għalliem dwar l-użu tat-tablet fil-klassi u matul is-sena sa Ġunju 2016 se jiġu ppruvati xi lezzjonijiet bit-tablets fil-klassi. Se jingħata kors onlajn b’xejn għal min irid (biex nibqgħu fil-parametri ta’ numru ta’ sigħat għat-taħriġ kif maqbul bejn il-Gvern u l-MUT) dwar l-użu tat-tablets filwaqt li f’Lulju 2016 l-għalliema li se jkunu qed jgħallmu r-Raba’ Sena se jerġgħu jissejħu biex din id-darba jaraw kif jużaw it-tablet fil-klassi bis-software tal-classroom management u s-software tal-qari supplimentari. Taħriġ ieħor jitkompla onlajn għal min ikun irid jestendi l-għarfien tiegħu ta’ kif tagħmel l-aħjar użu mit-teknoloġija fil-klassi.

Introduzzjoni tat-tablets – ħidma amministrattiva addizzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min se jieħu ħsieb tal-ħidma amministrattiva addizzjonali li kull skola se tiffaċċja bl-introduzzjoni tat-tablets? Jista’ l-Ministru jagħti garanzija li din il-ħidma amministrattiva mhux se taqa’ fuq l-għalliema għad-detriment tal-ħin ta’ preparazzjoni u tagħlim?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-amministrazzjoni tat-tablets m’għandhiex titqies bħala xogħol addizzjonali imma bħala parti mill-ħidma biex il-proġett ikun suċċess għax it-tablets jintużaw bl-aħjar mod possibbli. Il-Proġett Pilota tal-One Tablet Per Child wera li l-għalliema fil-klassi għandhom jikkonċentraw fuq il-pedagoġija u l-kontenut u jħallu xogħol amministrattiv u tekniku jsir barra mill-klassi. Għalhekk se jsiru diskussjonijiet mal-Malta Union of Teachers, li diġà kienet parti mill-iSteering Committee tal-Proġett Pilota u issa hija rappreżentata f’working group tal-pedagoġija fl-istess Proġett, sabiex dan ix-xogħol ma jfixkilx il-ħidma tal-għalliema u l-istudenti. Is-sieħeb mill-industrija li se jintagħżel fil-proċess tat-tenders biex jipprovdi l-hardware u s-software se jkollu jipprovdi parti mill-ħidma amministrattiva meħtieġa u mhux biss dik teknika.

Użu tat-tablet – pjan ta’ implimentazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pjan ta’ implimentazzjoni għall-użu tat-tablet u t-titjib fit-tagħlim (teaching and learning)? X’indikaturi se juża l-Gvern biex ikejjel is-suċċess ta’ din l-inizjattiva?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li peress li l-One Tablet Per Child huwa allineat mal-iStrategija Nazzjonali tal-Litteriżmu pubblikata fl-2014, it-titjib fit-tagħlim mistenni jkun prinċiparjament fil-qari, il-kitba, il-matematika u l-litteriżmu diġitali. Il-pjan ta’ implimentazzjoni jaħseb biex it-tablets jingħataw għall-ewwel darba lill-istudenti kollha tar-Raba’ Sena l-iSkejjel tal-iStat, tal-Knisja u Indipendenti fil-bidu tas-sena skolastika 2016/2017. L-istudenti mistennija jżommu t-tablet anke meta jitilgħu fil-Ħames u s-Sitt Sena. L-għalliema tar-Raba’ Sena diġà bdew jirċievu t-taħriġ tagħhom u dawk tal-Ħames u s-Sitt Sena, flimkien mal-LSAs, Uffiċjali Edukattivi, Kapijiet ta’ Skejjel, Assistenti Kapijiet se jirċievu t-taħriġ skont skeda mqassma fuq tliet snin. L-għalliema u l-istudenti se jkollhom f’idejhom tablet li fiha se jkun hemm software li jżomm it-tablet żgura u protetta kemm fiżikament u kemm bħala kontenut, kif ukoll apps u kontenut edukattiv speċjalizzat fil-litteriżmu. Madankollu l-għalliema se jkunu liberi li jużaw it-tablet anke f’suġġetti oħra skont il-ħtieġa. L-indikaturi li se jintużaw biex jitkejjel is-suċċess tal-Proġett huma kemm l-istudenti jaqraw iktar u aħjar. Il-kejl se jsir pemezz ta’ software apposta, li bħalu diġà intuża waqt il-proġett pilota, li se jinxtara u jkun installat fuq it-tablets. Fuq medda itwal ta’ żmien, il-One Tablet Per Child għandu jikkontribwixxi biex l-istudenti jitgħallmu aħjar u jkunu jixtiequ jkomplu jistudjaw wara li jagħlqu s-16-il sena. B’hekk ikompli jonqos l-early school leaving f’pajjiżna, li hija waħda mill-miri ta’ Malta fl-istrateġija Europe 2020 tal-Kummissjoni Ewropea.

Użu tat-tablets – titjib fil-litteriżmu

Question

Peress li l-Gvern kien speċifikament rabat l-użu tat-tablets mat-titjib fil-litteriżmu, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet biex dan iseħħ, u x’indikaturi se juża biex ikejjel kemm tjieb il-livell ta’ litteriżmu permezz tal-użu tat-tablets?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kull software (erba’ tipi ġenerali: qari, coding, kitba kreattiva, għerf ġenerali) li hu mitlub fit-tender se jkollu mezz ta’ traċċar ta’ fejn kien l-istudent fil-bidu tas-sena u xi progress qiegħed jagħmel matul is-sena. Dan biex inkunu nistgħu nindirizzaw tagħlim differenzjat. L-indikaturi huma dawk mogħtija fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23554.

Użu tat-tablets – titjib fil-litteriżmu

Question

Peress li l-Gvern kien speċifikement rabat l-użu tat-tablets mat-titjib fil-litteriżmu, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux lest jikkommetti ruħu għal evalwazzjoni indipendenti u esperta kif għamel fir-rigward tal-inklużjoni wara perijodu definit, biex il-pubbliku jkun infurmat dwar kemm din l-inizjattiva tejbet it-tagħlim u l-litteriżmu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Proġett Pilota tal-One Tablet Per Child jinkludi fih riċerka indipendenti li saret minn akkademiċi u studenti mill-Fakultà tal-Edukazzjoni, l-Istitut għall-Litteriżmu u l-Fakultà tal-ICT tal-Università ta’ Malta, kif ukoll rapport tekniku mill-MITA. Bl-istess mod, riċerka serja, professjonali indipendenti dwar l-andament tal-Proġett wara li jkun varat fuq livell nazzjonali tkun importanti biex naraw li inizjattiva ta’ dan id-daqs u b’għanijiet daqshekk importanti għall-edukazzjoni ta’ wliedna tħalli l-frott mixtieq. Evalwazzjoni serja għandha dejjem issir f’qafas ippjanat sew, marbuta ma’ attivitajiet oħra, ħalli t-tagħlim fil-klassi jsir bla tensjoni miżjuda u bl-inqas inkonvinjent għall-għalliema.

Direttorat tal-Edukazzjoni – parkeġġi riżervati għal uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm u min huma l-uffiċjali fid-Direttorat tal-Edukazzjoni li għandhom parkeġġ riżervat fiż-żona tal-istess Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li bħalissa hemm sbatax (17)-il uffiċjal mid-Direttorat tal-Edukazzjoni li għandhom parkeġġ riżervat fiz-zona tal-istess Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, il-Floriana. L-uffiċjali li għandhom parkeġġ riżervat huma: Direttur Ġenerali Servizzi Edukattivi Direttur Ġenerali għal-Kwalita` u Standards fl-Edukazjoni Direttur Ġenerali tal-Operat Chief Information Officer (għall-Ministeru) Chief Information Officer (għall-iSkejjel) Direttur Curriculum Management Direttur E-Leaning Direttur Quality Assurance Direttur Education Resources Direttur Lifelong Learning & Early School Leavers Direttur Student Services Direttur Finance & Administration Direttur Human Resources Head Education Logistics & Support Head Migrant Education and Customer Support Direttur EU & International Affairs, Research & Policy Development Direttur Programme Implementation

Skola Primarja San Pawl il-Baħar – xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xogħlijiet ta’ kostruzzjoni għaddejjin jew ippjanati li jsiru fl-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar u jekk iva għal liema skop huwa intenzjonat dan ix-xogħol, min qiegħed iwettaq ix-xogħol, f’liema parti tal-iskola qed isir ix-xogħol u x’miżuri qegħdin jittieħdu biex is-saħħa u s-sigurtà tal-istudenti u l-edukaturi tiġi mħarsa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li iva, hemm xogħlijiet ta’ kostruzzjoni għaddejjin. Dawn ix-xogħlijiet qed isiru sabiex ikun hemm klassijiet ġodda. Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada qed twettaq dan ix-xogħol. Dan ix-xogħol qed isir f’parti mill-bitħa. Infurmat li qed jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex is-saħħa u s-sigurtà tal-istudenti u l-edukaturi tiġi mħarsa fosthom hemm barriers sabiex il-parti ta’ fejn qed isiru x-xogħlijiet hija diviża mill-parti tal-bitħa fejn ikun hemm l-istudenti kif ukoll l-edukaturi.