Legislature:
Category:
Reset
Active:

Aġenzija għal-Libreriji — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna ġiet impjegata jew ingħatat kuntratt ta’ xogħol mal-Aġenzija għal-Libreriji minn Marzu 2013 sal-lum? F’kull każ, f’liema data ġiet impjegata jew ingħatat kuntratt ta’ xogħol kull persuna? F’kull każ kien hemm sejħa nterna u eventwalment saret sejħa pubblika? Jekk iva, meta kienet is-sejħa u għal liema pożizzjoni kienet? X’kienu l-kwalifiki mitluba għal kull sejħa? X’kienu l-kwalifiki li kull persuna li ġiet impjegata jew ingħatat kuntratt ta’ xogħol kellha?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif muri fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel Primarji tal-Gvern – PE Teachers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx nuqqas ta’ PE teachers fl-Iskejjel Primarji tal-Gvern u jekk dawn l-għalliema humiex kwalifikati f’suġġetti oħra? F’każ li hemm nuqqas, jista’ jgħid hemmx ħsieb li jitbaxxew ir-rekwiżiti għall-PE teachers f’dawn l-iskejjel biex ikun hemm intake akbar ta’ dawn l-għalliema biex tintlaħaq id-domanda?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma jirriżultax li hemm nuqqas ta’ għalliema tal-PE. Il-kriterji ta’ eliġibilità huma l-istess applikabbli għal suġġetti oħra u għaldaqstant m’hemm l-ebda ħsieb li jitnaqqsu jew jitwessgħu.

Statementing Board — LSA fiss

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux normali li l-Istatementing Board jikkontradixxi rakkomandazzjoni konklussiva komuni ta’ Educational Psychologist, Speech Therapist u Occupational Therapist bħalma ġara fil-każ li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fejn tifla autistic ta’ tliet snin tingħata shared LSA flok individual LSA? B’referenza għal dan l-istess każ, jaħsibx il-Ministru li każijiet sensittivi li jinvolvu tfal b’LSA minn Kinder 1, bħalma hu dan il-każ, ikollhom LSA stabbli li ma tinbidilx minn sena għal oħra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Istatementing Moderating Panel jirrakkomanda dak li jkollu bżonn l-istudent li jidher quddiemu u skont ir-rapporti tal-professjonisti. Jieħu wkoll in konsiderazzjoni r-riżorsi li diġà jkunu preżenti fil-klassi u l-iskola. Infurmat li f’dan il-każ, it-tifla għandha “mild traits of Autism” u ngħatat “Shared Same Class” u mhux “Shared” kif qed jiġi stipulat, jiġifieri LSA il-ġurnata kollha bejn żewġt itfal. Jekk it-tfal ikollhomx LSA stabbli li ma tinbidilx minn sena għal oħra hija deċiżjoni li tittieħed mill-Prinċipal u l-iskola.

LSAs – Każijiet partikolari

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-prassi f’każijiet ta’ LSAs li jkunu assenjati każijiet partikulari u jekk dawn jiġux ikkunsidrat li jibqgħu mal-istudent assenjat magħhom minn sena għal oħra? Jekk iva, min jieħu tali deċiżjonijiet? Kif jiġi deċiż liema LSA tiċċaqlaq minn skola għal oħra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa dejjem il-kap tal-iskola li jiddeċiedi, skont il-ġudizzju professjonali tiegħu kif ħhandhom ikunu assenjati l-każijiet. Iċ-ċentru kien sa ftit ilu jissuġġerixxi li sakemm m’hemmx raġunijiet eċċezzjonali, kemm jista’ jkun LSA m’għandux jibqa’ jassisti lill-istess student/i aktar minn sentejn. Riċentement il-kapijiet tal-iskejjel kienu infurmati li deċiżjonijiet ta’ din in-natura qed jitħallew kompletament f’ídejn il-kap tal-iskola li madankollu, jekk irid, jista’ jikkonsulta mal-Prinċipal tal-Kulleġġ, l-INCOs u/jew l-Uffiċjali Edukattivi /s-Service Managers fi ħdan id-Direttorat tas-Servizzi għall-Istudenti. Iċ-ċaqlieq ta’ LSAs minn skola għall-oħra isir ċentralment mid-Direttorat għar-Riżorsi Edukattivi wara li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-esiġenzi tas-servizz u talbiet li jaslu mingħand l-istess LSAs.

MCAST – għalliema – linji gwidi

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-linji gwida ta’ kif l-għalliema fl-MCAST huma assessjati fuq kompetenza? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ għalliema li jgħallmu fl-Istitut tal-Applied Science, x’jgħallmu, meta kienu impjegati u l-kwalifiki ta’ kull għalliem ekwivalenti għal-livell kif stabbilit mill-Awtorità Nazzjonali għall-kwalifiki?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-kompetenzi tal-għalliema fl-MCAST huma assessjati fuq bażi regolari mis-sezzjoni tal-Quality Assurance skont proċedura maqbula bejn id-Direzzjoni u r-Rappreżentanti tal-għalliema. Dan l-assessjar huwa mmirat biex iservi bħala opportunità għall-għalliem fejn jiġi pprovdut feedback dwar l-iżvilupp professjonali kontinwu, u fejn b’mod partikolari jiġu diskussi l-kompetenzi pedagoġiċi tagħhom, kif osservati b’mod dirett mir-rappreżentant tal-Quality Assurance waqt li l-għalliem ikun mal-istudenti fil-klassi. Ir-riżultat ta’ dan l-assessjar jiġi diskuss mal-għalliem. Kull għalliem jingħata wkoll dokument dettaljat ta’ prattiċi pedagoġiċi tajbin li ġew osservati, kif ukoll suġġerimenti biex itejbu l-kompetenzi tagħhom. Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra id-dokumenti li se nsemmi:- Kwalifiki tal-Lecturing Staff fl-Istitut tax-Xjenzi Applikati fl-MCAST Proċedura Doc 054 : Performance Appraisal Procedure Formolarju Doc 093 : Lecturer Performance Appraisal Form.

MCAST – Lecturer Evaluation Sheets

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-istudenti tal-MCAST għandhomx il-fakultà li jimlew lecturer evaluation sheets?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fil-preżent mhijiex il-prattika li studenti jimlew xi forma ta’ lecturer evaluation sheets. L-MCAST għandu pjanijiet biex fil-futur jintroduċi l-użu formali ta’ Evaluation Sheets li jimtlew minn studenti wara li jlestu units individwali. Dan jiġi introdott biss wara li jsiru diskussjonijiet mar-rappreżentanti tal-għalliema. Jeżistu fil-Kulleġġ mezzi oħra ta’ kif jinġabar feedback mill-istudenti fosthom laqgħat regolari u formali bejn id-Direzzjoni tal-Kulleġġ mal-Class Representatives. L-MCAST jinkoraġixxi lill-istudenti fil-livelli kollha biex jipparteċipaw fl-elezzjonijiet tal-iStudent Representatives sabiex jiġu eletti bħala rappreżentanti, u b’hekk jipparteċipaw b’mod uffiċjali f’diversi bordijiet tal-Kulleġġ, skont kif preskritt mil-liġijiet li jirregolaw l-istess Kulleġġ.

MCAST – Istitut tal-Medja Kreattiva – attendenza — esibizzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jew le li studenti tal-MCAST mill-Istitut tal-Medja Kreattiva (diploma) intalbu jattendu l-lezzjonijiet b’mod mandatorju sat-8 ta’ Lulju bi skop li tittella’ l-esibizzjoni tal-aħħar tas-sena? Jekk iva, jista’ jgħid jekk kenux dawn l-istudenti biss li ntalbu jagħmlu dan? Jista’ jgħid x’tibdil kien hemm f’dan is-sens mis-sena l-oħra u jiċċara jekk dan japplikax biss għall-istudenti li se jesibixxu xogħolhom biss? Jekk le, jista’ jgħid x’se jkunu qed jagħmlu dawn l-istudenti u x’se jkunu l-konsegwenzi jekk ma jattendux?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni li għandu l-Onor. Interpellant mhijiex eżatta. Il-lezzjonijiet fl-MCAST waqfu fit-3 ta’ Ġunju. Dan sabiex ikun hemm iċ-ċans illi jsiru l-assessjar u l-eżamijiet finali kif ukoll xi resits sakemm tispiċċa s-sena akkademika fit-8 ta’ Lulju. Fil-każ tal-Istitut għall-Arti Kreattiva, il-lezzjonijiet spiċċaw ukoll fit-3 ta’ Ġunju u mhux fit-8 ta’ Lulju. Fil-każ ta’ dan l-Istitut, dan ta ċans tajjeb lill-istudenti tal-Istitut li jipparteċipaw fl-esibizzjoni annwali li ssir fl-Istitut. Il-parteċipazzjoni attiva tal-istudenti fl-organizzazzjoni ta’ din l-attività annwali hija esperjenza edukattiva ħolistika importanti għall-istudenti. Studenti mid-dipartimenti kollha tal-istitut u mhux tal-media biss intalbu jattendu f’dan is-sens f’xi ġranet partikolari, mhux kuljum u mhux biex jattendu għal lezzjonijiet. Ta’ min jgħid li dan kien jgħodd biss għall-istudenti full time tal-Istitut li jibqgħu jieħdu l-istipendju b’mod sħiħ sat- 8 ta’ Lulju, iġifieri l-aħħar ġurnata tas-sena akkademika.

Dipartiment tal-Edukazzjoni – ilmenti fuq ħatriet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Edukazzjoni rċeviex ilmenti fuq ħatriet li saru f’Jannar ta’ din is-sena ta’ Assistant Technical Officers, Technical Officers u Senior Technical Officers? Jekk iva, jista’ jgħid x’kienet in-natura ta’ dawn l-ilmenti, kemm kien hemm appelli, f’liema stadju waslu l-appelli u meta huwa ppjanat li jkun hemm deċiżjoni fuqhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment ġie infurmat mill-PSC li huma ma jistgħux jiddisseminaw informazzjoni dwar appelli lil terzi.

Benchmark – studenti — eżamijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26051, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u dawk Indipendenti li l-istudenti tagħhom qagħdu għall-eżami tal-benchmark matul is-sena 2016? Jista’ jgħid f’liema data u jum tqassmu l-iscripts u l-materjal tal-eżamijiet tal-benchmark skola b’skola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Bordijiet tal-għażla għall-ħatriet ta’ kapijiet u viċi kapijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-membri li ffurmaw il-bordijiet tal-għażla għall-ħatriet ta’ kapijiet u viċi kapijiet ġodda għall-iskejjel statali matul l-2016?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li ma kienx hemm sejħiet għal Assistent Kap fis-sena 2016. Kien hemm biss riżultati minn sejħiet li ħarġu qabel l-2016. Il-bord tal-għażla għas-sejħiet ta’ Kap ta’ Skola għal Malta u għal Għawdex kien wieħed magħmul minn tliet persuni.

Benchmark – studenti — eżamijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' studenti li poġġew għall-eżami tal-benchmark matul din is-sena skolastika? Jista’ jgħid kemm minn dawn it-tfal ġejjin minn skejjel tal-istat, tal-knisja jew indipendenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ studenti li qagħdu għall-eżami tal-Benchmark fis-sena 2016 kien ta’ 3627 kif indikat fit-tabella t’hawn taħt: Studenti mill-iskejjel tal-Istat2197 Studenti mill-iskejjel tal-Knisja1089 Studenti mill-iskejjel Indipendenti329 Studenti indipendenti12 Total 3627

Direttorat tal-Edukazzjoni – proċess tal-organizzazzjoni tal-eżami tal-benchmark

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-proċess tal-organizzazzjoni tal-eżami tal-benchmark għad-Direttorat tal-Edukazzjoni matul is-snin skolastiċi 2013, 2014, 2015 u din is-sena skolastika? Jista’ jgħid jekk kienx hemm xi tibdil fil-prassi u fil-loġistika dwar kif jiġi organizzat dan l-eżami min-naħa tad-Direttorat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ispejjeż marbuta mal-organizzazzjoni tal-eżami tal-Benċmark mill-2013 sal-2016 kienu kif jidhru fit-tabella t’hawn taħt: 2013 2014 2015 2016 EUR 44,631 EUR 65,240 EUR 69,108 S’issa kien hemm EUR 5,412 fi spejjeż imma għad baqa’ aktar ħlasijiet x’isiru Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, dawn huma l-iżviluppi li seħħew tul dan il-perjodu fl-assessjar tal-Benċmark tul is-snin imsemmija: 2013 Ġew introdotti arranġamenti speċjali ġodda li kienu: · Qari Assistit fil-Fehim mill-Qari tal-Malti u fir- Reading Comprehension tal-Ingliż. Kull silta tinqara darbtejn, b’mod elettroniku. Il-mistoqsijiet jinqraw darbtejn ukoll. Waqt li s-silta tkun qed tinqara, tiġi pproġettata u l-kliem li jkun qed jinqara jinxtegħel. L-istudenti jingħataw ftit ħin biex jagħtu t-tweġiba meħtieġa. · Skriba biex jikteb il-kliem li ma jingħarafx fil-karti tal-Kitba tal-Malti u tal-Ingliż. Dan isir wara li l-istudent ilesti x-xogħol tal-kitba tiegħu. L-iskriba jikteb dak il-kliem li ma jingħarafx b’pinna ħadra biex min jikkoreġi jkun jista’ jifhem l-ideat u l-kitba tal-istudent. 2014 Minn din is-sena, il-karti kollha tal-Benċmark bdew jiġu stampati fuq karta lewn il-krema u ntużat t-tipa Andika (Classic version 1.002). Dan kien ta’ benefiċċju għall-istudenti kollha, inkluż studenti li għandhom id-dislessja. Il-Karta Mentali tal-Matematika kienet irrekordjata għal kulħadd. Il-ħin għall-Karta Miktuba tal-Matematika żdied bi 15-il minuta mingħajr ma kien hemm żieda fin-numru ta’ mistoqsijiet. Il-ħin allokat għal din il-karta issa sar ta’ 90 minuta. Il-proċedura tal-Fehim mill-Qari tal-Malti u tal-Ingliż għal dawk li jagħmlu użu mill-assistenza elettronika inbidlet xi ftit; - Il-passaġġ inqara darbetjn. L-ewwel qari sar b’pass normali filwaqt li t-tieni qari sar b’mod aktar lajman. - Kien hemm pawsi itwal fejn l-istudenti kellhom ħin biex jirrispondu l-mistoqsijiet. - It-test kien ipproġettat fuq il-bord interattiv li kellu sfond lewn il-krema u mhux abjad. 2015 Il-proċedura tal-Fehim mill-Qari tal-Malti u tal-Ingliż għal dawk li jagħmlu użu mill-assistenza elettronika reġgħet ġiet irfinata. Minn din is-sena, it-testi u d-domandi bdew jinqraw darbtejn b’veloċità normali. Tibdila oħra kienet li fil-komponent Orali tal-Malti u tal-Ingliż, in-numru ta’ testi tnaqqsu minn 15 għal 10. Inbidel il-ħin tat-Tieni Sessjoni tal-Benċmark. L-istudenti jibdew fit-tlieta minflok fil-ħamsa ta’ wara nofsinhar. 2016 Il-karti tal-Benċmark bdew jitqassmu ġurnata qabel u b’hekk ma kienx hemm bżonn li x- xufiera jiġu kmieni filgħodu biex iqassmu dawn il-karti. Ir-recordings bdew isiru fuq il-USB sticks minflok CDs biex jaqblu mal-laptops il-ġodda tal-għalliema. Il-marki tal-pjan tal-Malti u tal-Ingliż tnaqqsu minn 4 marki għal 2. Iż-żewġ marki żdiedu mal-marki tat-tieni kitba. L-iskema tal-marki tal-komponent tal-kitba fl-Ingliż inbidlet minn waħda ta’ bands għal waħda bbażata fuq kriterji. Din is-sena sar proċess ta’ moderazzjoni minn numru ta’ Uffiċjali Edukattivi waqt il-komponent Orali tal-Malti u tal-Ingliż.

Edukaturi – ħatra ta’ Kap ta’ Skola

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' edukaturi li ngħataw il-ħatra ta' Kap ta' Skola fil-qasam statali bejn it-8 ta' Ġunju 2015 u l-10 ta' Ġunju 2016? Jista’ jgħid ukoll kemm-il sena ħadmu bħala Assistent Kap ta' skola jew fi grad simili u f'liema istituzzjoni kienu jaħdmu kull wieħed minn dawn l-edukaturi qabel ma nħatru bħala Kap ta' Skola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li 24 edukatur ingħata l-ħatra ta’ Kap ta’ Skola fil-qasam statali bejn it-8 ta' Ġunju 2015 u l-10 ta' Ġunju 2016. Qabel din il-ħatra kienu jokkupaw il-grad u għal perjodu ta’ żmien kif muri f’din it-tabella: Numru ta’ edukaturi Numru ta’ snin bħala Assistent Kap ta’ Skola jew kap ta’ dipartiment Numru ta’ snin bħala Kap ta’ Skola 10 4 snin - 8 5 snin - 3 6 snin - 1 10 snin - 1 7 snin (mis-settur non-statali) - 1 - 10 snin (mis-settur non-statali) Il-post li kienu fih qabel ma ħadu din il-ħatra hu kif jidher fit-tabella t'hawn taħt: Kulleġġ Santa Tereża Skola Sekondarja Subien, St Venera Kulleġġ St Thomas More, Skola Primarja A, Żejtun Kulleġġ Santa Margerita, Skola Primarja, Kalkara Laura Vicuna School Kulleġġ San Ġorġ Preca, Education Hub, Msida Kulleġġ St Thomas More, Skola Primarja, Marsaskala Kulleġġ San Nikola, Skola Primarja, Mġarr Kulleġġ Marija Reġina, Skola Primarja, Naxxar St. Monica, Mosta Kulleġġ San Ġorġ Preca, Skola Primarja A, Paola Alternative Learning Programme, Paola Kulleġġ San Nikola, Skola Sekondarja Subien, Naxxar Kulleġġ San Injazju, Skola Primarja, Siġġiewi Kulleġġ San Ġorġ Preca, Skola Primarja B, Paola Sir M.A. Refalo Skola Post Sekondarja, Għawdex Ministeru għal Għawdex Kulleġġ San Ġorġ Preca, Skola Sekondarja Bniet, Blata l-Bajda Kulleġġ Marija Reġina, Skola Sekondarja Bniet, Mosta DQSE Kulleġġ Santa Margerita, Skola Primarja A, Żabbar Kulleġġ San Benedittu, Skola Sekondarja Subien, Ħal Kirkop Kulleġġ San Ġorġ Preca, Skola Primarja, Marsa Kulleġġ San Benedittu, Skola Primarja, Ħal Għaxaq

LSAs – Kwalifiki

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 25815, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ LSAs b’livell akkademiku ta’ Advanced Level biss u anke bl-Ordinary Levels biss skont is-sena akkademika li qegħdin jagħtu s-servizz tagħhom rispettivament?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rekwiżiti bażiċi biex wieħed jikkwalifika għal pożizzjoni ta’ SLSA fuq bażi definita huma erba’ kwalifiċi f’livell tlieta (livell ordinarju/SEC jew ekwivalenti) u kwalifika f’livell erbgħa (livell avvanzat jew ekwivalenti). Minn Ottubru 2014 tlieta mill-erba’ kwalifiċi f’livell tlieta jridu jkunu fil-Malti, l-Ingliż u l-Matematika. Bħalissa il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol għandu 893-il SLSA fuq kuntratt definit. Wara erba’ snin fis-servizz bħala SLSA fuq bażi definita wieħed jingħata kuntratt indefinit jekk jissodisfa r-rekwiżit ta’ kwalifika f’livell ħamsa b’minimu ta’ tletin-il ECTS. Bħalissa l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol għandu 213-il Supply LSA fuq kuntratt indefinit. Ir-rekwiżiti bażiċi biex wieħed jinstab eliġibbli għal LSA I u LSA II huma kwalifika f’livell ħamsa b’minimu ta’ 30-il ECTS u kwalifika b’livell ħamsa b’minimu ta’ sittin-il ECTS rispettivament. Fil-każi kollha l-kwalifika f’livell ħamsa trid tkun fil-qasam tal-Edukazzjoni Inklussiva. Bħalissa l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol għandu 407 LSA I u 690 LSA II.

Prinċipali tal-kulleġġi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' prinċipali tal-kulleġġi li l-kuntratt tal-ħatra tagħhom jiskadi fi tmiem din is-sena skolastika 2015-2016?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li hemm tliet prinċipali ta’ kulleġġi statali li l-kuntratt tagħhom jiskadi fi tmiem din is-sena skolastika 2015-16.

LSAs – Kwalifiki

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kwalifiki fid-dettall li qed jintalbu biex jissottomettu l-persuni li japplikaw għal-Learning Support Assistant (LSA)? X’inhu t-taħriġ li jingħataw l-LSAs li jintgħażlu u kif dan it-taħriġ qed jiġi sostnut matul iż-żmien?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kwalifiki biex wieħed japplika għal Supply Learning Support Assistant (SLSA), liema kwalifiki ġew ippubblikati fl-aħħar sejħa, huma kif ġej: (a) ikollhom Diploma rikonoxxuta, f’MQF Livell 4, f’Early Childhood Education and Care li tinkludi komponent ta’ Taħriġ Prattiku (inkluż il-Programm ta’ Taħriġ Estiż organizzat mid-Direttorati tal-Edukazzjoni flimkien mal-MCAST), jew kwalifika kumparabbli rikonoxxuta f’preschool education jew pre-school childcare 0-5 years f’MQF Livell 4; jew (b) ikollhom First Degree (MQF Livell 6), jew kwalifika kumparabbli rikonoxxuta; jew (c) ikollhom kwalifikati f’mhux inqas minn suġġett wieħed f’Livell ta’ Matrikola Avvanzata (grad minimu E) f’MQF Livell 4, jew kwalifika kumparabbli rikonoxxuta, u erba’ (4) passes f’Ordinary Level Secondary Education Certificate (SEC) (Grad 1-5) f’MQF Livell 3, jew kwalifika kumparabbli rikonoxxuta. Dawn jinkludu l-Malti, l-Ingliż, il-Matematika u suġġett ieħor, ukoll f’MQF Livell 3. It-taħriġ li jingħata lill-SLSAs li jintgħażlu huwa l-kors obbligatorju, Supporting Students with Individual Educational Needs, magħruf aħjar bħala t-10 week course. Dan il-kors huwa akkreditat mill-NCFHE u huwa ta’ MQF Livell 4. It-tagħlim ta’ dan il-kors jiġi sostnut mill-iskejjel permezz tal-SMT u l-INCOs. Dawk is- Supply LSAs li jkunu jixtiequ japplikaw għal LSA 1 permezz ta’ sejħa apposta, iridu jkomplu jitħarrġu. Persuna li tapplika għal LSA 1 trid tkun kisbet kwalifika rikonoxxuta f’Livell tal-MQF 5, b’minimu ta’ 30 ECTS/ECVETS jew ekwivalenti fl-Edukazzjoni Inklużiva. Persuna li tkun tixtieq tapplika għal LSA 2 permezz ta’ sejħa separata trid tagħmel top-up course ieħor, organizzat mill-MCAST ( Higher Certificate in Inclusive Education ). Dan huwa wkoll akkreditat mill-NCFHE u huwa ta’ MQF Livell 5. Persuna tista’ wkoll tapplika għal LSA 2 jekk ikollha d-Diploma mill-Università ta’ Malta, Diploma in Facilitating Education .

ECDL — eżamijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont tal-miżata għall-eżamijiet tal-ECDL fis-snin 2012, 2013, 2014, 2015 u 2016 s’issa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mid-Dipartiment tal-Eżamijiet li, għal dak li għandu x'jaqsam ma' eżamijiet tal-ECDL, il-miżata li studenti tal-iskejjel sekondarji tal-Istat ħallsu għall-eżamijiet tal-ECDL fis-snin 2012 sal-2016 kienet u baqgħet ta' €6.80 għal kull moduleflimkien ma' €1.40 Administration Fee mal-applikazzjoni. Infurmat ukoll li d-Dipartiment tal-eLearning (DeL) fid-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni jieħu ħsieb l-eżamijiet għall-Għalliema, studenti tal-Higher Secondary u GEM16+. It-tabella ta’ hawn taħt turi t-tariffi tal-eżamijiet tal-ECDL għall-għalliema u studenti tal-Higher Secondary/GEM16+ għall-perjodu 2012–2016. Ħlas għall-eżamijiet 2012 Ħlas għall-eżamijiet 2013 Ħlas għall-eżamijiet 2014 Ħlas għall-eżamijiet 2015 Ħlas għall-eżamijiet 2016 Skills Card €32.00 €32.00 €32.00 €33.00 €33.00 ECDL Core/Standard Licence (kull eżami) €8.15 €8.15 €8.15 €8.15 €8.15 Ħlas totali għal seba' modules u Reġistrazzjoni €89.05 €89.05 €89.05 €90.05 €90.05 It-tariffi jvarjaw skont il-livell tal-eżami. Advanced Test Licence (kull eżami) €40.00 €35.00 €35.00 €35.00 €35.00 Advanced Resit €26.00 €35.00 €35.00 €35.00 €35.00 ECDL CADTest Licence €30.00 €25.00 €25.00 €25.00 €25.00 ECDL CAD Resit €20.00 €25.00 €25.00 €25.00 €25.00 Ċertifikat apparti ---- €10.00 €10.00 €10.00 €10.00 Ta' min jinnota li student ma jerġax iħallas għall-iSkills Card/Registration Number meta jagħmel l-ECDL Advanced jew ECDL CAD dment li jkun diġà ħallas ir-registration fee fl-ECDL Core/Standard.

Bdil fil-fondi allokati għall-entitajiet edukattivi

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk kienx hemm tibdil fil-fondi allokati għall-entitajiet edukattivi mill-approvazzjoni tal-Budget ‘l hawn? Jekk iva, liema kienu dawk l-entitajiet jew proġetti (jew inizjattivi) li kellhom żidiet jew tnaqqis fil-voti approvati?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli li juru t-tibdil fil-fondi allokati għall-entitajiet edukattivi u l-programmi u inizjattivi fl-2016.

MGSS u STEPS — scholarships

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna li ngħatat scholarship taħt l-iskema MGSS jew l-iskema STEPS ilmentat mal-Ministeru li fl-assenza ta’ fondi taħt dawn l-iskemi spiċċaw jisselfu b’rati ta’ interess żvantaġġjużi għall-studenti jew addirittura tterminaw b’mod prematur il-kors barra minn Malta għax ma kellhomx għażla oħra? Jekk iva, kemm huma dawk l-istudenti milquta u li ġew affettwati, x’kien il-kors ta’ studju u f’liema Università?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-proġett STEPS huwa proġett magħluq u m’hemm l-ebda student taħt din l-iskema li baqgħalu jieħu xi fondi. Fil-każ tal- MGSS l- iScholarships Unit fi ħdan id-Direttorat għall-Implimentazzjoni ta’ Programmi ma rċeva l-ebda lment minn xi benefiċjarji li tterminaw b’mod prematur il-kors li kienu qed isegwu barra minn Malta. Il-benefiċjarji taħt l-iskema MGSS kienu u għadhom qed jirċevu l-fondi skont dak li għandhom stipulat fil-ftehim tal-i Scholarship rispettiv tagħhom. Il-Ministeru ma jeskludix li hemm xi benefiċjarji milli qed jibbenefikaw minn borża ta’ studju mogħtija lilhom taħt l-iskema MGSS jew l- Endeavour li flimkien mal-borża ta’ studju li qed jibbenefikaw minnha rrikorrew ukoll għal xi self minn xi banek kummerċjali. Infurmat li dan qed jagħmluh mhux għax fl-assenza ta’ fondi taħt dawn l-iskemi spiċċaw jew għax ma baqgħux jitħallsu b’mod regolari, imma għax qed isegwi korsijiet li l-miżata għalihom hija ferm ogħla mill-ammont tal-borża ta’ studju li qed jibbenefikaw minnha jew ukoll għax għandhom spejjeż ta’ kirjiet kbar barra minn Malta.

Endeavour Scholarship Scheme – proċessar ta’ refunds

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed idum l-ipproċessar ta’ refunds li jingħata taħt skemi ta’ scholarships fid-dekasteru tiegħu, u jindika sa meta huwa ppjanat li kull talba li saret għall-fondi taħt l-Endeavour Scholarship Scheme tiġi deċiża u l-fondi jiġu mogħtija lill-benefiċjarji magħżula?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-iskema ENDEAVOUR hija skema ġdida li għandha l-potenzjal li tiġi ko-finanzjata mill-Unjoni Ewropeja taħt il-Fond Soċjali Ewropew – Programm Operatiiv II ġdid għal perjodu 2014 – 2020. Infurmat li huwa minnu li l-proċess sabiex jiġu provduti l-fondi meħtieġa ħa daqsxejn fit-tul imma din hija sitwazzjoni normali ħafna meta jkun hemm programming period ġdid ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea. B’danakollu, il-Ministeru għamel dak kollu possibbli sabiex il-benefiċjarji ta’ din l-iskema jitħallsu. Ta’ min isemmi li numru konsiderevoli ta’ benefiċjari diġà rċevew parti mill-fondi dovuti lilhom bejn Jannar u Marzu li għadda filwaqt li l-ħlasijiet lill-kumplament tal-istudenti qed jiġu pproċessati.. Fil-każ tal-ESA Scholarships, infurmat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) li l-pagamenti jsiru regolarment kull xahar. Fil-France-Malta Scholarships, il-Kunsill iħallas l-ispiża tal-ivjaġġar, sa €300, fi żmien 30 jum minn meta jirċievi l-irċevuti tal-ħlas, il-boarding passes, u n-notifikazzjoni ta’ tlestija mill-istituzzjoni kkonċernata. Infurmat ukoll li r-refunds kollha taħt l-iskema tal-ischolarships tal-MCAST, magħrufa bħala TSSM, ingħataw lill-istudenti kollha li kienu eliġibbli għalihom.