Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ċitazzjonijiet — Flus lir-reġjuni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħadu flus ir-reġjuni miċ-ċitazzjonijiet fis-sentejn qabel ma twaqqfet il-LESA u kemm ħadu flus minn mindu saret ir-riforma tal-wardens taħt dan il-Gvern? Jista’ jgħid kemm qed tiswa flus il-LESA kull sena, bl-ispiża maqsuma bejn salarji u spejjeż oħra?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Skejjel tal-Istat – applikazzjoni għal leave minn għalliema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm għalliema fl-iskejjel tal-Istat li applikaw għal-leave biex jippruvaw impieg alternattiv minn Settembru 2016 sa Marzu 2017? Jista’ jgħid ukoll x'suġġetti jgħallmu dawn l-għalliema? Kemm minnhom ingħataw dan il-leave u kemm kien in-numru ta' dawk li ma ngħatawx dan il-leave? Jista’ jgħid għaliex kien hemm għalliema li ma ngħatawx dan il-leave?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li bejn l-1 ta’ Settembru 2016 u l-aħħar ta’ Marzu 2017 kien hemm ħames (5) għalliema mill-iskejjel tal-istat li applikaw għal-leave biex jippruvaw impjieg alternattiv. Bħala suġġetti tnejn (2) kienu jgħallmu l-e-Learning Centre, tnejn (2) l-Ingliż u waħda (1) l-ġeografija. Dan il-leave ingħata lil tliet (3) għalliema u tnejn (2) ġew rifjutati. Ir-raġuni li dan il-leave ma ngħatax kienet li, minħabba n-nuqqas ta’ għalliema fis-suġġett, ma kienx hemm għalliema biex jieħdu posthom u l-Ministeru ma jħossx li huwa ġust li jħalli lit-tfal tal-klassi mingħajr għalliema.

Ftehim Kollettiv għall-gradi tal-għalliema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jiġi ffirmat il-ftehim kollettiv il-ġdid għall-gradi tal-għalliema?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li n-negozjati bejn il-Ministeru u l-MUT jinsabu temporanjament weqfin fuq talba li saret mill-MUT sakemm jinħatar President ġdid għaliha.

Skola M A Refalo Sixth Form College — xogħlijiet ta' ristrutturar

Question

B'referenza għar-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 32032, jista’ l-Ministru jgħid fiex se jintefqu l-€150,000 biex jiġi rranġat sular mill-iskola Sixth Form ta' Għawdex biex jintuża minn Barts? Għal kemm snin se jintuża minn Barts Medical School dan is-sular? Kemm se jkunu qed iħallsu Barts lid-Dipartiment tal-Edukazzjoni jew lill-Iskola Sixth Form ta' Għawdex biex jiġi utilizzat dan is-sular f'din l-iskola?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol jinkludi upgrading tal-laboratorji u refurbishing tal-parti tas-Sixth Form li Barts ħa jkunu qegħdin jużaw sakemm titlesta l-iskola ġewwa l-isptar t'Għawdex. Il-ħlas huwa arranġament kummerċjali bejn il-Malta Enterprise u Barts u d-dettajli fuq dan ma jistgħux jiġu mogħtija.
Leg 12 PQ #32790 Sitting 504 2017-04-10 Oral · Final From: GEORGE PULLICINO To: Ministeru għall-Finanzi

KSU – QUEST Seminar — proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux infurmat bi proġett imtella’ mill-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) intitolat ‘QUEST Seminar’ li għalih kien hemm approvazzjoni ta’ €10,000 mill-Fond għall-Kawżi Ġusti skont kif jidher fl-approvazzjoni li qed tingħata separatament? Jista’ jgħid meta l-entità benefiċjarja se titħallas tal-ispejjeż approvati u x’qed iżomm dan il-pagament milli jseħħ?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant għal paragrafu 3 fit-taqsima Selection Process tad-dokument Guidelines for the approval of projects and initiatives maħruġ mill-Good Causes Fund li jgħid: “The Advisory Board will not disburse any funds unless it is first provided with evidence that the project or initiative would have been carried out. Such evidence may include fiscal receipts, certificates of works, photographic evidence, physical inspection or any other form the Board feels appropriate.” Ninsab infurmat li ladarba l-evidenza meħtieġa skont kif mitlub minn dan il-paragrafu għadha ma tressqitx quddiem il-Bord, il-ħlas lill-benefiċjarju għadu ma jistax jiġi ipproċessat.

MCAST – Student — stipendju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu lid-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jikkwalifikax għal stipendju mill-MCAST u jekk iva, għalfejn ilu li applika minn Ottubru 2016 u sal-lum għadu ma rċieva l-ebda ħlas?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-istudent imsemmi għadu ma kkonkludiex l-applikazzjoni onlajn għall-għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti. Kemm min-naħa tal-Uffiċċju tal-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol kif ukoll min-naħa ta’ diversi uffiċċji fl-MCAST saru diversi tentattivi biex jingħata kull sapport lil dan l-istudent iżda l-proċess xorta għadu ma ġiex konkluż. L-istudent ġie kkuntattjat diversi drabi kemm b’laqgħat, telefonati, ittri u ittri elettroniċi.

Xogħol ta’ rikostruzzjoni fuq toroq residenzjali

Question

Peress li bħalma jaf tajjeb il-Ministru, il-kunsilli lokali huma responsabbli għall-manteniment tat-toroq li mhumiex arterjali u distributorji u f’każ ta' bżonn ta' rikostruzzjoni tat-toroq, sew dawk ta’ toroq residenzjali, kif ukoll dawk arterjali, dan huwa xogħol li jaqa’ taħt ir-responsabilità tal-Gvern Ċentrali, jista’ l-Ministru jgħid kemm sar xogħol ta' rikostruzzjoni fuq toroq residenzjali mill-Gvern Ċentrali kemm ilha li nbidlet il-leġiżlatura? F'liema lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li liġi applikabli, relevanti u speċifika għas-suġġett msemmi hi LS 499,57 li tgħid: TAQSIMA II KOSTRUZZJONI U MANUTENZJONI TA’ TOROQ Kostruzzjoni u Manutenzjoni ta’ Toroq. 3. (1) L-Awtorità għandha tipprovdi, jew hi stess jew permezz ta’ impriża, u fejn ikun adatt b’konsultazzjoni mal- Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, għall-kostruzzjoni, kostruzzjoni mill-ġdid, twessiegħ, tiġdid, manteniment, titjib, immaniġġar, manutenzjoni u klassifikazzjoni ta’ toroq: Iżda fejn triq la tkun triq arterjali lanqas triq distributorja, il-manteniment, it-titjib u l-manutenzjoni tagħha għandu jipprovdi għalihom il-Kunsill Lokali adatt skont l-artikolu 33 tal-Att dwar il- Kunsilli Lokali. fejn "titjib" tinkludi t-twessiegħ, allinjament mill-ġdid u l-ifformar mill-ġdid ta’ toroq; Lista bid-dettalji dwar xogħlijiet li wettqet Transport Malta fuq toroq li jaqqgħu taħt ir-risponsabbilta’ ta’ Kunsilli Lokali, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra
Leg 12 PQ #32798 Sitting 504 2017-04-10 Oral · Final From: GEORGE PULLICINO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tas-Sliema – ħlas tal-Commuted Parking Payment Scheme

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm ingħataw permessi f'Tas-Sliema li kienu jirrekjedu l-ħlas tal-Commuted Parking Payment Scheme (CPPS) bejn l-2014 u l-2017? Jista’ jingħata rendikont tal-ammont totali fi flus u n-numru ta’ karozzi abbażi ta’ liema ġie kkalkulat is-CPPS sena b’sena?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt nformat mill-Awtorità tal-Ippjanar li n-numru ta’ permessi f’Tas-Sliema, li kienu jirrekjedu l-ħlas tal-Commuted Parking Payment Scheme bejn l-2014 u l-2017, l-ammont ta’ flus mħallsa u n-numru ta’ karozzi abbażi ta’ liema ġie kkalkulat is-CPPS, sena b’sena huwa kif indikat fit-tabella ta’ hawn taħt. Sena Valur (€) Numru ta' parkeggi Numru ta' permessi 2014 107,384 53 25 2015 334,519 161 37 2016 538,245 257 93 2017 113,173 54 17 1,093,322 525 172

LESA – ċitazzjonijiet minn wardens pajżana

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet minn wardens pajżana fuq ksur ta’ liġijiet ambjentali fis-sentejn qabel ma twaqqfet il-LESA, kif ukoll kemm inħarġu ċitazzjonijiet minn wardens pajżana fuq ksur ta' liġijiet pajżana minn mindu s-sistema ġiet iċċentralizzata bit-twaqqif tal-LESA?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar.

Rapporti dwar l-eżami tal-O Level tat-Taljan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu, id-Dipartiment tal-Edukazzjoni jew il-Bord tal-MATSEC irċeviex/irċevewx rapporti mingħand studenti jew ġenituri ta’ studenti li oġġezzjonaw li waqt is-sezzjoni tal-eżamijiet tal-O Levels tat-Taljan li sar fil-Kulleġġ De La Salle nhar is-Sibt il-25 ta’ Marzu 2017 fejn l-istudenti jiġu mitluba jisimgħu silta bil-lingwa Taljana mbagħad jirrispondu l-mistoqsijiet dwar dak li jkunu fehmu, fejn is-sound kien ħażin ħafna u minbarra hekk il-viżwal ukoll kien ħażin ħafna? Kemm irċieva oġġezzjonijiet? X’passi beħsiebu jieħu l-Bord tal-MATSEC biex l-istudenti ma jispiċċawx ikunu penalizzati intortament minħabba diffikultajiet li kellhom jiffaċċjaw mingħajr ma kien it-tort tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. interpellant li waslu diversi lmenti dwar dan il-każ u infurmat li l-Bord tal-MATSEC ukoll irċieva diversi lmenti fuq l-eżami tas-smigħ tat-Taljan fil-livell tas-SEC li sar nhar is-Sibt 25 ta’ Marzu 2017 fil-Kulleġġ De La Salle. Dawn l-ilmenti daħlu b’mod elettroniku fil-25, 26 u 27 ta’ Marzu. L-ilmenti kienu dwar il-kwalità tal-awdjo u xi waħdiet semmew il-kwalità tal-viżwal tal-istampi fil-karta tal-eżami. Il-Bord tal-MATSEC u l-Bordijiet tal-Eżaminaturi li se jaraw it-tweġibiet tal-istudenti se jiżguraw li l-ebda student ma jkun penalizzat minħabba l-kwalità tal-awdjo u tal-istampi.

Eżami tal-O Level tal-Ġermaniż

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu, id-Dipartiment tal-Edukazzjoni jew il-Bord tal-MATSEC irċeviex/irċevewx rapporti mingħand studenti jew ġenituri ta’ studenti li oġġezzjonaw li waqt is-sessjoni tal-eżamijiet tal-“O” Level tal-Ġermaniż li sar fil-kulleġġ ta’ De La Salle ftit tal-ġranet ilu fejn l-istudenti jiġu mitluba jisimgħu silta bil-lingwa Ġermaniża mbagħad jirrispondu l-mistoqsijiet dwar dak li jkunu fehmu, fejn is-sound kien ħażin ħafna u minbarra hekk il-viżwal ukoll kien ħażin ħafna? Kemm irċieva oġġezzjonijiet? X’passi beħsiebu jieħu l-Bord tal-MATSEC biex l-istudenti ma jispiċċawx ikunu penalizzati intortament minħabba diffikultajiet li kellhom jiffaċjaw mingħajr ma kien tort tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. interpellant li l-eżami tas-smigħ tal-Ġermaniż fil-livell tas-SEC sar fis-16 ta’ Marzu 2017. Infurmat li sas-Sibt 25 ta’ Marzu, jiġifieri sal-ġurnata tal-eżami tas-smigħ tat-Taljan, il-Bord tal-MATSEC kien irċieva ilment wieħed fuq il-kwalità tal-awdjo fl-eżami tal-Ġermaniż. Il-Bord ħa nota ta’ dan l-ilment u se jinvestiga dan il-każ speċifiku bħal ma jinvestiga kull ilment li jasal. Wara l-eżami tat-Taljan daħlu iktar ilmenti fuq l-eżami tal-Ġermaniż. Il-Bord ma rċieva l-ebda lment dwar il-viżwal tal-karta tas-smigħ tal-Ġermaniż. Il-Bord tal-Eżaminaturi tal-Ġermaniż se jaraw it-tweġibiet tal-istudenti u flimkien mal-uffiċjali tal-MATSEC se jiżguraw li l-ebda student ma jkun penalizzat minħabba l-kwalità tal-awdjo u tal-istampi.

Ħaddiema li qed jirreġistraw fit-Tielet Parti tar-reġistru

Question

B’referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 31917 u 31919 dwar ingaġġ ta’ ħaddiema fil-Malta Libraries, jista’ l-Ministru jgħid kif ħaddiema li qed jirreġistraw fit-tielet parti tar-reġistru ma ġewx avżati mill-Jobsplus?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li meta Jobsplus tipproċessa vakanza ta’ xogħol minn xi entità, din timxi skont kriterji stabbiliti fil-vakanza. Dawn il-kriterji jiġu mqabbla mar-reġistranti tal-ewwel, it-tieni u t-tielet parti tar-reġistru. Fil-każ dwar ingaġġ mal-Malta Libraries, il-Jobsplus infurmat lill-individwi li kienu jaqblu mal-kriterji tal-vakanza f’dawn id-dati msemmiji hawn taħt: · Library Assistants: individwi mill-Part 3 intbagħtu fis-07/09/2016; · Manager Projects: individwi mill-Part 3 intbagħtu fil-05/10/2016; · Library Attendants: individwi mill-Part 3 intbagħtu fis-06/03/2017. Ta’ min isemmi li meta ssir ‘match’ għal kandidati prospettivi, tintbagħat ittra individwali lil kull kandidat (meta Jobsplus ikollha l-imejl tal-individwu tintbagħat imejl ukoll) biex il-kandidati jiġu avżati bil-vakanza ta’ xogħol, sabiex japplika, filwaqt li tintbagħat lista bil-kandidati kollha lill-entità konċernata.

Jobsplus – persuni li qed jirreġistraw għal Library Assistant u Library Attendant

Question

B’referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 31917 u 31919, jista’ l-Ministru jagħti lista tal-ħaddiema li qed jirreġistraw mal-Jobsplus għal Library Assistant u Library Attendant fuq l-ewwel it-tieni u t-tielet parti tar-reġistru? Jista’ jgħid ukoll meta dawn il-persuni bdew jirreġistraw?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. interpellant li Jobsplus ma tistax tgħaddi l-lista ta’ persuni jirreġistraw għaliex din tmur kontra l-protezzjoni tad-data tal-individwi konċernati. In-nomenklatura ta’ Library Assistant u Library Attendant ma teżistix fil-lista ta’ impjiegi (occupations) li tħaddan Jobsplus. Għaldaqstant, meta jkun hemm vakanza ta’ xogħol, Jobsplus tqabbel ir-reġistranti mal-kriterji stabbiliti fil-vakanza. It-tabella ta’ hawn taħt turi n-numru ta’ nies li kienu eliġibbli għall-impjieg imsemmi skont il-perjodu ta’ reġistrazzjoni fit-30 ta’ Marzu, 2017: Library Attendants Registration duration 0-3 months 3-12 months 12 months+ Total Part 1 8 0 0 8 Part 2 1 0 0 1 Part 3 7 4 2 13 Library Assistants Registration duration 0-3 months 3-12 months 12 months + Total Part 1 34 0 5 39 Part 2 3 0 0 3 Part 3 24 28 1 53

Jobsplus – persuni li qed jirreġistraw għal Library Assistant u Library Attendant

Question

B’referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 31917 u 31919, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista li Malta Libraries irċeviet mill-Jobsplus tal-persuni li kienu qed jirreġistraw bħala Library Assistant u Library Attendant?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. interpellant li l-lista tan-nies li persuni mibgħuta minn Jobsplus ma tistax tingħata sabiex jiġu protetti l-individwi konċernati minn tixrid ta’ data personali. It-tabella ta’ hawn taħt tindika n-numri ta’ persuni mibgħuta minn Jobsplus lill-Malta Libraries. Library Assistants Library Attendants Part 1 3 15 Part 2 1 1 Part 3 22 10

Direttorat tal-Edukazzjoni – għalliema tal-Iskola Sekondarja tal-Ħamrun — miżuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu min-naħa tad-Direttorati biex tiġi ndirizzata s-sitwazzjoni xejn faċli għall-għalliema fl-Iskola Sekondarja tal-Ħamrun?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. interpellant li d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi (DES) qiegħed isegwi mill-qrib is-sitwazzjoni fl-iskola msemmija. Infurmat li ttieħdu dawn il-miżuri: · Saru laqgħat mal-MUT u wara wkoll mas- Senior Management Team (SMT) kif ukoll mal-istaff u l-Prinċipal tal-Kulleġġ biex inkomplu nassistu s-sitwazzjoni. · Ġiet organizzata aktar ir- reception area fejn qabel kien hemm messaġġier li jilqa’ n-nies imma issa ssaħħet b’persuna mħarrġa fuq sigurtà. · Biex nassistu lill-iskola, intbagħtu żewġ għalliema rġiel tal-PE biex jgħinu fir -replacements. · Kwistjonijiet żgħar ta’ natura amministrattiva bħal Class Lists ġew riżolti u ssetiljati. · Qiegħda ssir emfasi kbira biex l-uniformi tal-istudenti tinżamm kif suppost. Dan barra l-preżenza tal-SMT fil-kuriduri bejn il-lezzjonijiet. Sadanittant, id-Direttur Ġenerali, DES qiegħda ssegwi b’mod dirett din l-iskola flimkien mal-Prinċipal tal-Kulleġġ.
Leg 12 PQ #32266 Sitting 499 2017-03-27 Oral · Final From: GEORGE PULLICINO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tqegħid ta’ Madum u Irħam fl-iskola ġdida tal-bniet f’Tal-Ħandaq f’Ħal-Qormi – quantity surveying

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għandux konflitt ta’ interess minħabba li tqabbad mill-IAID (Internal Audit and Investigations Department) biex jagħmel xogħol ta’ quantity surveying b’rabta mal-investigazzjoni rigward it-tender tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada (FTS) ta’ supply u tqegħid ta’ madum mill-kuntratur b’konnessjoni ma’ Tender CT 2206/2011 (Provvista u Tqegħid ta’ Madum u Irħam fl-iskola ġdida tal-bniet f’Tal-Ħandaq f’Ħal-Qormi), liema skola tifforma parti mill-Kulleġġ Sant’Injazju, meta l-istess individwu sa ftit taż-żmien ilu kien impjegat tal-FTS stess?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab informat illi l-Internal Audit and Investigations Department (IAID) innotat ir-rapport tat-Times of Malta tas-27 ta’ Frar 2017 li fih jissemma l-punt imqajjem fil-mistoqsija tiegħu u qed tagħmel l-istħarriġ tagħha dwar dak li ngħad. Fl-istess hin ngharraf lill-Onor Interpellant li l-Gvern ma jidholx fl-operat tal-IAID.

Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada – individwu – konflitt ta’ interess

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għandux konflitt ta’ interess fil-fatt li tqabbad mill-IAID (Internal Audit and Investigations Department) biex jagħmel xogħol ta’ quantity surveying b’rabta mal-investigazzjoni rigward it-tender tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada ta’ supply u tqegħid ta’ madum mill-kuntrattur b’konnessjoni ma’ tender CT 2206/2011 (Provvista u Tqegħid ta’ Madum u Irħam fl-iskola ġdida tal-bniet f’Tal-Ħandaq f’Ħal Qormi), liema skola tifforma parti mill-Kulleġġ Sant’Injazju, meta l-individwu sa ftit taż-żmien ilu kien impjegat tal-istess FTS?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ir-responsabbiltà li jitqabbad il-persuna indikata mill-Onor. interpellant ma kenitx f'idejn dan il-Ministeru.

Malta Libraries – ingaġġ ta’ ħaddiema — sejħiet

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 30540, jista’ l-Ministru jgħid għalfejn is-sejħiet għall-Malta Libraries ma sarux interni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li s-sejħiet ma sarux interni minħabba l-fatt li l-entità riedet iżżid il-headcount tagħha biex tagħmel tajjeb għal żieda fil-ħidma tal-operat tagħha, mingħajr ma jsir tnaqqis fl-istaff complement tal-Entità.

Malta Libraries – Library Assistants — ingaġġ ta’ ħaddiema - sejħiet

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 30540 jista’ l-Ministru jgħid kif ħarġet is-sejħa għal-Library Assistant mal-Malta Libraries u fejn ġiet advertised meta ħarġet esternament?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. interpellant li ġiet applikata l-proċedura regulari li tiġi applikata minn Jobsplus, dik li jiġu avżati n-nies li jkunu qed jirreġistraw fuq l-ewwel, it-tieni u t-tielet parti tar-reġistru.

Malta Libraries – calls/vakanzi — sejħiet

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 30541, jista’ l-Ministru jgħid għaliex is-sejħiet ma ħarġux interni għall-ħaddiema tal-Malta Libraries?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li s-sejħiet ma sarux interni minħabba l-fatt li l-entità riedet iżżid il-headcount tagħha biex tagħmel tajjeb għal żieda fil-ħidma tal-operat tagħha, mingħajr ma jsir tnaqqis fl-istaff complement tal-Entità.