Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #7148 Sitting 104 1999-05-24 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Uffiċjali

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li fil-Faċilita' ta' Kordin l-uffiċjali tal-ħabs mill-Assistant Manager 'il fuq jistgħu jieklu b'xejn, filwaqt li l-uffiċjali b'rank inferjuri jridu jħallsu għall-ikel mill-mess?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li ħlief għad-direttur, ħadd mill-uffiċjali tal-ħabs ma hu ntitolat li jiekol b'xejn. Is-sistema preżenti, li ilha teżisti għal snin twal, hi li kull uffiċjal iħallas il-prezz miżeru ta' għoxrin ċenteżmu kull platt. Dawn il-flus jitħallsu lid-dipartiment. 24.05.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #7149 Sitting 104 1999-05-24 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Gwardjani/pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li fid-Diviżjoni VIII il-gwardjani u l-pulizija li jkunu għassa mal-ħabsin fil-ħin tal-contact visits ġew ordnati sabiex l-għassa jagħmluha f'bitħa biswit il-kamra fejn issir il-contact visit u li din il-bitħa m'għandix ilqugħ mix-xita u/jew mix-xemx għal gwardjan u l-pulizija li jkunu għassa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-contact visits li jsiru fid-Diviżjoni VIII għadhom isiru bl-istess mod li kienu jsiru matul dawn l-aħħar tlett snin. Dan l-aħħar sar tibdil żgħir fis-sens li l-uffiċjal li kien qed joqgħod fil-bieb tal-kamra li fiha ssir il-contact visit ingħata ordni biex joqgħod ftit il bogħod mill-bieb b'tali mod li joqgħod fejn jista` jara lill-priġunier u lil dawk li jżuruh. Dan sar għaliex il-kamra fejn issir il-contact visit hija żgħira u l-priġunieri lmentaw li jekk l-uffiċjal joqgħod fil-bieb ikun qed jissemma dak kollu li l-priġunier u l-familjari tiegħu jkunu qegħdin jgħidu. Apparti dan, il-kamra fejn isiru dawn il-viżti hija attrezzata b'żewġ close circuit cameras. Ninsab infurmat ukoll li saret tinda fil-bitħa biex l-uffiċjal ikun jista` jistkenn mix-xemx. F'każijiet rari li tkun ix-xita fil-ħin tal-contact visits, l-uffiċjal li jkun għassa ser jingħata permess mid-direttur biex joqgħod fl-istess kamra fejn issir il-viżta. 24.05.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #7150 Sitting 104 1999-05-24 Oral · Interim From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li l-pulizija li jaħdmu bix-shift ta' 24 siegħa xogħol u 24 siegħa frank ikollhom konċessjoni ta' ftit mistrieħ matul l-24 siegħa li jkunu fuq ix-xogħol?

Response (BORG, TONIO)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra. 24.05.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #7151 Sitting 104 1999-05-24 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Gwardjani

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li gwardjan tal-ħabs u/jew pulizija ma jistax joħroġ mill-ħabs waqt il-ħin tax-xogħol biex jattendi għal xi bżonn urġenti ta' sptar ta' xi membru tal-familja tiegħu, jekk ma jotteniex permess minn xi uffiċjal għoli tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin? Huwa minnu li jekk jingħata l-permess, jinqatalu l-ħin mil-leave? Jista'jispjega x'jiġri jekk il-gwardjan jew il-pulizija ma jsibu lill-ebda uffiċjal għoli tal-ħabs preżenti dak il-ħin li tinqala' l-urġenza biex jagħtihom il-permess biex joħorġu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li kull impjegat fil-Faċilita` Korrettiva ta' Kordin li jkollu bżonn joħroġ mill-Faċilita` waqt il-ħin tax-xogħol biex jattendi għal bżonn personali, kemm jekk ikun urġenti u kemm jekk ma jkunx, irid jottjeni permess minn uffiċjal għoli tal-Faċilita`. Il-ħin li l-uffiċjal jagħmel assenti mix-xogħol jinqatgħalu mill-leave tiegħu u dan għal raġunijiet ovvji. Ninsab infurmat ukoll li dejjem ikun hemm uffiċjal għoli preżenti fil-Faċilita` u li ma jirriżultax li kien hemm xi okkażżjoni fejn xi uffiċjal inqalgħetlu xi urġenza u ma sabx lil min jagħtih permess. 24.05.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #6909 Sitting 98 1999-05-17 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Gwardjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-complement ta' gwardjani tal-ħabs bħalissa fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fit-12 ta' Mejju, 1999, in-numru ta' uffiċjali fir-rank ta' gwardjan (Correctional Officer) fil-Faċilita` Korrettiva ta' Kordin kien ta' 145. 17.05.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #6910 Sitting 98 1999-05-17 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Membri li rriżenjaw

Question

Billi minn tweġiba għall-interpellanza parlamentari numru 6207, jidher li ħadd mill-membri tal-Korp tal-Pulizija ma rriżenja wara l-istedina li l-Ministru kien jagħmel għal min mhux jieħu x-xogħol tiegħu bis-serjeta', jista' l-Ministru jispjega x'miżuri se jieħu hu biex inaddaf lill-Korp minn dawn l-elementi? Jista' l-Ministru jikkonferma xniegħat li se jiġu affettwati transfers massiċi oħrajn fil-ġimgħat li ġejjin fil-Korp tal-Pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma diġa` kelli l-okkażżjoni li ngħid, qed tingħata importanza sabiex tissaħħaħ l-Internal Affairs Unit fil-Korp, kif ukoll li jinħatar Bord ta' nies indipendenti li jisimgħu ilmenti kontra l-pulizija kif ukoll mill-pulizija nnfushom. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, kif diġa` kelli okkażżjoni li ngħid fit-Tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari preċedenti, it-trasferimenti fil-Korp tal-Pulizija jsiru meta u kif ikun il-bżonn, fl-aħjar interessi ta' l-istess Korp u tal-pubbliku in ġenerali. Niskanta kif l-Onorevoli Interpellant qatt ma wera ansjeta` meta l-Gvern li kien jifforma parti minnu, wettaq 855 transfer fil-Korp tal-Pulizija fi 22 xahar. 17.05.99 (a.m.)

Qrati superjuri — Sistema tal-Master

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi żviluppi qegħdin isiru fis-sistema tal-Master fil-Qrati Superjuri? Se jiġu ntrodotti xi tibdiliet fis-sistema? Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern huwiex beħsiebu jistituzzjonalizza s-sistema kif qegħda titħaddem bħalissa? Jista' l-Ministru jgħid x'passi qegħdin jittieħdu biex timela' l-vakanza tal-kariga li kienet qegħda tokkupa l-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, fil-qrati tal-ġustizzja? Jista' l-Ministru jagħti data approssimattiva għat-twaqqif tal-Qorti tal-Familja?

Response (GATT, AUSTIN)

Is-Sistema tal-Master fil-Qrati Superjuri se tithalla tiffunzjona kif inhi bhalissa ghal xi zmien. Dan biex wiehed jara sew jekk ikunx hemm bzonn li jsiru xi tibdiliet izjed il-quddiem. Dan jghodd ukoll ghall-kwistjoni dwar il-possibilta` ta` l-istituzzjonalizzar tas-sistema. Dwar il-vakanza tal-kariga msemmija, diga` harget sejha ghall-applikazzjonijiet biex jimtela l-post li issa, pero, se jkollu xi tibdiliet fir-responsabbiltajiet tieghu. Hu mahsub li l-Qorti tal-Familja jitwaqqaf fl-ewwel xhur tas-sena d-diehla.

Żebbuġ — Kunsill Lokali

Question

B'riferenza għas-sitwazzjoni attwali fil-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ, wara r-riżenja ta' wieħed mill-Kunsilliera, jista' l-Ministru jispjega x'inhi l-pożizzjoni legali dwar il-ħatra ta' Sindku f'dan l-lokal? Jista' l-Ministru jgħid x'sar minnhom l-emendi li kienu qegħdin jiġu diskussi mill-Gvern Laburista mal-Permanent Law Reform Commission u ma' l-Uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali għall-Kodiċi Ċivili in konnessjoni mas-suċċessjonijiet? Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' ma' l-esperti konċernati biex jitħejja l-abbozz ta' liġi f'dan ir-rigward?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-posizzjoni legali dwar il-ħatra ta` Sindku hija rregolata mill-provvedimenti ta` l-Artikolu 25 ta` l-Att ta` l-l993 dwar Kunsilli Lokali u, fil-kaz ta` nuqqas ta` qbil dwar l-elezzjoni tas-Sindku, jistghu japplikaw il-provedimenti ta` l-Arikolu 22 ta` l-imsemmi Att. Dwar l-emendi ghall-ligi tas-successjoni - inizjattiva li inbdiet mill-amministrazzjoni Nazzjonalista precedenti - ninforma lill-Onor. Interpellant li tajt struzzjonijiet lill-Avukat Generali biex jipprepara `draft` ghall-kunsiderazzjoni tal-Kabinett.
Leg 9 PQ #2308 Sitting 84 1999-04-27 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Ministeru ta' l-Intern — Kuntratti

Question

Riferibbilment għall-perjodu 1 ta' Novembru, 1998 sat-30 ta' Novembru, 1998 u għad-dikasteru li għalih hu responsabbli, jista' l-Ministru jagħti lista ta' kuntratti li saru ta' għamara ta' uffiċini li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt jindika: 1) min kienu l-persuni li għamlu l-award; 2) lil min intalbu quotations; 3) kemm kienet kull quota; 4) min rebaħ il-kuntratt; 5) ingħatawx extensions fuq il-kuntratt oriġinali u jekk fl-affermattiv: 6) fiex kienu jikkonsistu; u 7) kemm kien il-valur totali tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul il-perijodu l-1 ta' Novembru, 1998, sat-30 ta' Novembru, 1998, ma sar l-ebda kuntratt b' 'Direct order' mid-dekasteru ta' l-Intern għall-xiri ta' għamara ta' uffiċini, iżda ntalbu quotations u nxtraw l-oġġetti kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #6204 Sitting 83 1999-04-26 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Overtime tal-gwardjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin ngħatatx ordni biex jinqata' l-overtime lill-gwardjani kollha tal-ħabs? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jagħti r-raġunijiet għal din id-deċiżjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li ma ngħatat l-ebda ordni fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin biex jinqata' l-overtime lill-gwardjani kollha tal-ħabs. Ninsab infurmat ukoll li sar eżerċizzju biex dan l-overtime jiġi razzjonalizzat mingħajr ma tiġi preġudikata s-sigurta' fil-Faċilita'. 26.04.99
Leg 9 PQ #6205 Sitting 83 1999-04-26 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Gwardjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk tbiddlux ix-shifts tal-gwardjani tal-ħabs li jaħdmu fid-Dogs Section fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin? Jekk iva, x'wassal għal din id-deċiżjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-uniku tibdil riċenti fis-sistema tax-xift fit-Taqsima tal-Klieb fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin kien li l-uniku uffiċjal li kien jaħdem b'sistema ta' xift differenti mill-ħames uffiċjali l-oħra f'din it-Taqsima issa qed jaħdem bl-istess xift bħal l-oħrajn. B'hekk ġiet eliminata l-anomalija li kien hemm bejn dawn l-uffiċjali fl-istess Taqsima. 26.04.99
Leg 9 PQ #6206 Sitting 83 1999-04-26 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Gwardjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li gwardjana tal-ħabs ingħatat il-grad ta' maġġur meta għal dawn l-aħħar xhur kienet trasferita fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin? Jista' l-Ministru jikkonferma li din il-persuna llum qegħda taħdem fl-Uffiċċju tad-Direttur tal-Ħabs? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jispjega x'inhu l-bżonn li jkun hemm maġġura fl-uffiċċju tad-direttur tal-ħabs meta fil-female division jonqos maġġura oħra ma' dik li diġa' hemm biex ikun jista' jitħaddem ix-shift?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5269 f'Seduta Nru. 73. Rigward il-kumplament tal-Mistoqsija ninsab infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant qegħda taħdem fl-Uffiċċju tad-Direttur minħabba l-fatt li gwardjana li kienet taħdem fl-uffiċċju msemmi, fit-23 ta' Frar, 1999, talbet biex tiġi trasferita fid-Diviżjoni tan-Nisa. Ix-xogħol li qed tagħmel din il-maġġura fl-Uffiċċju tad-Direttur qabel kien isir minn gwardjana u surġent tal-pulizija. 26.04.99
Leg 9 PQ #6207 Sitting 83 1999-04-26 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Membri li rriżenjaw

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm irriżenjaw membri mill-korp tal-pulizija mill-ġurnata meta l-ministru stieden lil dawk il-membri tal-korp li mhux qegħdin jieħdu xogħolhom bis-serjeta' biex jirriżenjaw?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li wara t-23 ta' Marzu, 1999, irriżenjaw tlett membri tal-Korp, li wieħed minnhom laħaq l-eta' ta' sittin sena. 26.04.99
Leg 9 PQ #5963 Sitting 81 1999-03-29 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Perit Mintoff — Proprjeta' "Ta' l-Għarix"

Question

B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 5808 u billi f'dik ir-risposta il-Ministru tkellem dwar xi imgħaxijiet li għandhom jitħallsu, jista' l-Ministru jgħid f'liema klawsola tal-letter of intent tat-22 ta' Mejju, 1998 huwa pprovdut li l-gvern, barra l-Lm128,000 li għandhom jitħallsu bħala danni, għandhom ukoll jitħallsu l-imgħaxijiet fuq dan l-ammont?

Response (BORG, TONIO)

Qari akkurat tar-risposta tiegħi għal-Mistoqsija Parlamentari 5808, jindika li jiena użajt il-kliem 'imgħax/danni'. Ma tajt l-ebda ndikazzjoni li jista' jkun hemm ħlas ta' imgħax barra ħlas ta' danni. Minn korrispondenza nterna ta' żmien l-Amministrazzjoni preċedenti jirriżulta li l-ammont ta' danni in kwestjoni ġie maħdum a bażi ta' imgħax fuq is-somma prinċipali tal-kumpens. 29.03.99
Leg 9 PQ #5964 Sitting 81 1999-03-29 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Perit Mintoff — Proprjeta' "Ta' l-Għarix"

Question

B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 5808, jista' l-Ministru jgħid f'liema klawsola tal-letter of intent tat-22 ta' Mejju, 1998 hemm ipprovdut li l-proprjeta' "Ta' l-Għarix" m'għandhiex tgħaddi lill-Gvern Malti qabel il-Gvern Malti jħallas il-kumpens proprju għall-esproprjazzjoni de facto tal-proprjeta' in kwestjoni?

Response (BORG, TONIO)

Huwa ċar mill-Letter of Intent tat-22 ta' Mejju, 1998, li t-trasferiment isir malli jsir it-trasferiment tal-art tal-Fawwara; ġaladarba dik ma saritx, ma jistax isir it-trasferiment ħlief naturalment permezz ta' ordni ta' esproprjazzjoni. 29.03.99
Leg 9 PQ #5736 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Self-employed

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm żdiedu jew naqsu self-employed mill-5 ta' Settembru, 1999 sa l-aħħar statistika li ħarġet?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-figuri pubblikati mill-Uffiċċju Ċentrali ta' l-Istatistika ma jkoprux parti minn xahar sħiħ u għalhekk l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata mid-data msemmija. L-aħħar ċifri pubblikati jkopru x-xahar ta' Jannar 1999. In-numru ta' persuni jaħdmu għal rashom matul dak ix-xahar kien ta' 15,267 li juri tnaqqis ta' 114 fuq Settembru 1998 meta n-numru kien ta' 15,381.
Leg 9 PQ #5737 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Kummissjoni dwar is-Self-employed

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għadhiex kostitwita l-Kummissjoni dwar is-Self-Employed li kien waqqaf Gvern Laburista wara Ottubru, 1996? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid kemm inżammu seduti u xi progress qiegħed isir għall-benefiċċju ta' dan is-settur?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-Kummissjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant m'għadhiex kostitwita. Il-Ministeru tiegħi qed jorganizza fuq bażi regolari laqgħat ma' din il-kategorija ta' ħaddiema għall-benefiċċju tagħhom kif ukoll tal-pubbliku in ġenerali.

Industrial Relations Unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi prijoritajiet għandu l-gvern dwar it-twaqqif ta' l-Industrial Relations Unit li kien wasal biex iwaqqaf Gvern Laburista?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-proposta sabiex titwaqqaf "Industrial Relations Unit" kienet saret meta r-responsabilta' ministerjali għar-relazzjonijiet industrijali kienet taqa' taħt il-Ministeru tal-Finanzi waqt li r-responsabbilta' għall-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-impjiegi kienet taqa' taħt il-Ministeru għall-Ħarsien Soċjali. Issa li dawn ir-responsabbilitajiet jaqgħu kollha taħt Ministeru wieħed, jiġifieri l-Ministeru għall-Politika Soċjali, inħass li jkun jagħmel aktar sens li r-responsabbilta' kemm għall-kundizzjonijiet ta-xogħol kif ukoll għar-relazzjonijiet industrijali taqa' taħt Dipartiment wieħed. Fil-fatt wara li riċentement irtira id-Direttur tax-Xogħol, mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru ħarġet sejħa għall-mili ta' vakanza ta' "Director (Employment and Industrial Relations). Ħafna mill-funzjonijiet li kienu antiċipati għall-"Industrial Relations Unit" se jkunu ukoll parti mir-responsabbilta' tad-Direttur il-ġdid. 22.3.99
Leg 9 PQ #5808 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Perit Mintoff — Proprjeta' "Ta' l-Għarix"

Question

B'riferenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5600, jista' l-Ministru jispjega kif il-Gvern Nazzjonalista ħallas Lm128,000 bħala kumpens lil Perit Mintoff jekk, fi kliem il-Ministru stess, għad irid isir ftehim finali dwar din il-kwestjoni?

Response (BORG, TONIO)

Is-somma ndikata tħallset mill-Ministeru tal-Finanzi, wara deċiżjoni tal-Kabinett, sabiex tiġi solvuta parti mill-kwestjoni ġenerali tal-kumpens, u sabiex ma jiżdiedx l-ammont ta' imgħax/danni li eventwalment il-Gvern ikollu jħallas xorta waħda. Din hija l-istess somma ndikata fil-'letter of intent' tat-22 ta' Mejju, 1998. Sadanittant il-Gvern għadu ma ħallasx il-kumpens proprju għall-esproprjazzjoni 'de facto' tal-proprjeta' in kwestjoni, u lanqas għalhekk ma ġiet trasferita lilu formalment l-istess proprjeta'. 22.03.99
Leg 9 PQ #5809 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru għall-Ambjent

Perit Mintoff — Proprjeta' "Ta' l-Għarix"

Question

Billi li skond risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5600 għad irid isir ftehim finali dwar din il-kwestjoni mal-Perit Mintoff (kumpens għal "Ta' l-Għarix"), kif jispjega l-Ministru l-fatt li qabel isir dan il-ftehim finali l-Gvern Nazzjonalista ħallas Lm128,000 lil Perit Mintoff?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 5808 fis-seduta ta' llum.