Jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-persuni kollha li saru ċittadini Maltin u li ottjenew iċ-ċittadinanza doppja bis-saħħa ta' l-aħħar emendi fil-liġi dwar iċ-ċittadinanza? Jista' jagħti l-ismijiet u l-ġurnata meta ottjenew iċ-ċittadinanza?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi sal-31 ta` Ottubru 2000, kien hemm 1,147 persuna li ġew infurmati bil-miktub li jistgħu jżommu żewġ ċittadinanzi, dik Maltija u l-oħra barranija li diġa` kellhom jew li jakkwistaw waqt li kienu qed jgħixu barra minn Malta.
Fl-istess żmien kien hemm ukoll 400 persuna li ġew reġistrati jew naturalizzati bħala ċittadini ta` Malta u minħabba t-tibdil li sar fil-liġi taċ-ċittadinanza m`għandhomx għalfejn jirrinunzjaw iċ-ċittadinanza barranija tagħhom u għalhekk huma wkoll jistgħu jżommu żewġ ċittadinanzi.
Fil-każ ta` dawn ta` l-aħħar, dettalji dwarhom jidhru fil-Gazzetta tal-Gvern kif inhu meħtieġ mill-istess Liġi taċ-Ċittadinanza.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jew jiċħad li d-direttur tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin ser jilħaq assistent kummissarju dalwaqt?
Response (BORG, TONIO)
Kif jaf tajjeb l-Onorevoli Interpellant kull impjegat mal-Gvern għandu l-possibilita` li jimxi `l quddiem fil-karriera tiegħu skond l-andament tax-xogħol u l-ħila tiegħu jew tagħha.
Għalhekk la niċħad u lanqas nikkonferma dak li qed jistaqsi l-Onorevoli Interpellant billi dak li għidt fil-bidu japplika għal kwalunkwe impjegat tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser isiru x-xogħlijiet għat-titjieb ta' New Street in Kandlora Street Zebbuġ (parti minn Triq Ħal-Dwin) liema triq qegħda fi stat ta' abbandun?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq flimkien mal-Kunsilli Lokali qed jipprepara programm għal asfaltar ta` toroq simili ma` Malta kollha, u x-xogħol fil-lokal isir skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw minn dan il-programm.
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' sorveljanza qiegħed jagħmel il-korp tal-Pulizija fl-inħawi ta' Ħ'Attard u Ħal-Balzan in vista tas-serq li sar matul dawn l-aħħar ġimgħat minn djar residenzjali f'dawn l-irħula?
Jista' jgħid kemm saru serqiet f'dawn l-inħawi mill-1 ta' Jannar, 2000 sal-ġurnata tal-lum? Kemm ġew solvuti każi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-1 ta` Jannar sal-31 ta` Ottubru 2000, ġew irrappurtati lill-Pulizija 40 każ ta` serq mill-lokalitajiet li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant. Fl-istess perijodu ġew solvuti 3 każi.
Ninsab infurmat ukoll li kemm il-Pulizija tad-Distrett, kif ukoll dawk tal-Mobile żiedu l-patrols fl-istess inħawi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ikun hemm uffiċjali tal-Pulizija fl-għasses ta' Ħ'Attard u ta' Ħal-Balzan matul il-ġurnata u matul il-lejl?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fl-Għassa ta` Ħal Balzan ikun hemm pulizija għassa l-ġurnata kollha (24 siegħa kuljum), filwaqt li l-Għassa ta` Ħ`Attard tinfetaħ skond kif jippermettu l-esiġenzi tas-servizz. Barra minnhekk ikun hemm ukoll il-pulizija tat-Taqsima tal-Mobile jippatroljaw dawn l-inħawi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk għadhiex tinħadem in-neighbourhood watch u fil-każ affermattiv f'liema lokalitajiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent in-'Neighbourhood Watch' qiegħda titħaddem fil-lokalitajiet ta` Ħal Tarxien, Sliema, Rabat (Tal-Virtu`), Mosta (Il-Blata l-Għolja), Mellieħa (Santa Maria Estate) u Buġibba (Lukandiera).
Ninsab infurmat ukoll illi qed isiru taħditiet bejn il-Pulizija u xi Kunsilli Lokali, fosthom dawk ta` Ħal Qormi u dak tal-Gżira, sabiex tiġi introdotta in-'Neighbourhood Watch' f`dawn il-lokalitajiet.
Jista' l-Ministru jgħid, in vista taż-żieda fis-serq din is-sena, x'qiegħed isir mill-Korp tal-Pulizija u/jew mill-Ministeru biex titrażżan din il-mewġa ta' serq?
Response (BORG, TONIO)
Fl-ewwel għaxar xhur ta` din is-sena kienu reġistrati xi żidiet f`xi tipi ta` serqiet u nuqqas f`xi tipi oħra. Per eżempju jidher li filwaqt li kien hemm żieda ta` 36.75% fil-pick-pocketing, kien hemm nuqqas ta` 46.51% f`hold-ups u 36.97% fi snatch and grab waqt li serq mill-karozzi baqa` kważi l-istess.
Il-ġlieda tal-Pulizija kontra kull tip ta` kriminalita` hija proċess kontinwu li ma jieqaf qatt. Il-Pulizija tieħu dawk il-miżuri kollha li jidrilha li jkunu xierqa sabiex kemm jista` jkun ma jkunx hemm abbużi. Kif jista` japprezza l-Onorevoli Interpellant, l-istess natura tal-ħidma tal-Pulizija kontra l-kriminalita` hija xi ħaġa li minnha nnfisha titlob ċertu riservatezza, sabiex jintlaħaq l-għan tagħha. Pero` nista naċċerta lill-Onorevoli Interpellant illi l-Pulizija hija impenjata bis-sħiħ sabiex jinkiseb ir-riżultat mixtieq minn kulħadd.
Jista' l-Ministru jagħti breakdown tal-każi kollha ta' serq li sar mill-1 ta' Jannar, 2000 sal-ġurnata tal-lum b'indikazzjoni ta' liema minn dawn il-każi ġew solvuti u kemm tressqu persuni in konnessjoni ma' dawn is-serqiet quddiem il-Qrati?
Jista' jagħti dettalji dwar l-eta' tal-persuni mressqa quddiem il-Qrati fuq każi ta' serq?
Jista' jgħid kemm minn dawn li tressqu qegħdin isegwu programm ta' riabilitazzjoni mid-droga, jekk ikun il-każ?
Response (BORG, TONIO)
Dwar in-numru ta` każijiet ta` serq u dawk minnhom solvuti għal perijodu minn Jannar sa Settembru 2000, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19988. Ninsab infurmat li matul Ottubru 2000, ġew irrappurtati lill-Pulizija 741 każ ta` serq. Fl-istess xhur ġew solvuti 20 serqa.
Ninsab infurmat ukoll illi l-etajiet tal-persuni imressqa l-Qorti fuq il-każi solvuti ivarjaw bejn it-13 u 67 sena.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi l-Pulizija ma żżommx statistika tat-tagħrif hekk kif mitlub.
Jista' l-Ministru jikkonferma li ġimgħa qabel ngħataw il-promozzjonijiet fil-grad ta' supritendent fil-korp tal-pulizija ħadd minn dawk li ngħataw il-promozzjoni ma għadda u ġiet deċiża proċedura mill-PSC fil-konfront tiegħu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi r-rakkomandazzjonijiet għall-promozzjonijiet li qiegħed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant, u l-eventwali approvazzjoni issir tramite il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, li jkollha quddiemha r-records ta` dawk rakkomandati, kif ukoll ta` dawk li għal xi raġuni jew oħra ma ġewx rakkomandati.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet li wasslu sabiex l-uffiċjali tal-pulizija li isimhom qiegħed jintbagħat separatament inqabżu fil-promozzjonijiet li ngħataw dan l-aħħar fil-grad ta' supritendent fil-korp tal-pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 20270 f`din l-istess Seduta.
Jista' l-Ministru jikkonferma li fil-ħatra tal-promozzjonijiet fil-korp tal-pulizija hija prassi li ma jiġux ikkonsidrati dawk il-membri li jkunu qabżu l-25 sena servizz mal-korp?
Jista' l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tat-tenders kollha ta' ġarr u trasport ta' għamara u merkanzija oħra, tkun xi tkun, li ġew awarded lid-Ditta Borg Bros. ta' Triq id-Demnuq, Siġġiewi minn Settembru 1998 sal-ġurnata tal-lum, inklużi dawk li għadhom operattivi sal-lum? Jista' l-Ministru jgħid liema tenders ingħataw lil din id-ditta b'direct order u liema tenders ingħataw wara sejħa għal offerti? Jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba għal kull dipartiment, korporazzjoni u awtorita' li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħek?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ix-xogħol ta' ġarr ta' trasport ta' għamara u merkanzija oħra mid-ditta Borg Bros. minn Settembru 1998 sa Ġunju 2000 kien kif jidher fuq il-paġni annessi, u qed jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jagħti rendikont dettaljat tat-tenders kollha ta' ġarr u trasport ta' għamar u merkanzija oħra, tkun xi tkun, li ġew awarded lid-Ditta Borg Bros. ta' Triq id-Demnuq, Siġġiewi, minn Settembru 1998 sal-ġurnata tal-lum inklużi dawk li għadhom operattivi sal-lum?
Jista' jgħid liema tenders ingħataw lil din id-ditta b'direct order u liema tenders ingħataw wara sejħa għall-offerti? Jista' jagħti l-informazzjoni mitluba għal kull dipartment, korporazzjoni u awtorita' li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija numru 17005?
Response (BONNICI, JOSEF)
Għall-perjodu bejn l-1 ta' Settembru 1998 u l-31 ta' Jannar 1999, nirreferi lill-Onorevoli INterpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 4583 waqt is-Seduta numru 65.
L-informazzjoni mitluba għall-perjodu bejn l-1 ta' Frar 1999 u l-14 ta' Ġunju, 2000 hija kif ġej
DIPARTIMENT DATA AMMONT IMĦALLAS
Ministeru Marzu 1999 Lm 80
April 1999 Lm 40
Mejju 1999 Lm 173
Diċembru 1999 Lm 34
Marzu 2000 Lm 120
Kummerċ April 1999 Lm 379
Ippjanar Ekonomiku Lulju 1999, Diċembru 1999, Marzu 2000 Lm 77
Statistika Frar 1999 Lm2195
Marzu 1999 Lm 215
Mejju 1999 Lm 60
Ġunju 1999 Lm 850
Settembru 1999 Lm 50
Tajjeb jingħad li x-xogħol konness ma' l-Uffiċju Ċentrali ta' l-Istatistika sar in konnessjoni mat-trasferiment ta' l-istess Uffiċju mill-Berġa ta' l-Italja għal Lascaris.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija numru 17007?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 538 li tajt lilu stess u għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 1270 lill-Onor. Joe Cilia. Kien hemm ukoll bejn id-19 ta' Lulju 1999 u t-2 ta' Awissu 1999, transport u ġarr ta' għamara mill-bini tal-Ministeru f'Barriera Wharf, Valletta lejn id-Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi, ġewwa l-Belt bi ħlas ta' Lm300.