Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni kkwalifikaw u fil-fatt ingħataw iċ-ċittadinanza Maltija kif wkoll id-doppja ċittadinanza mill-1 ta' Jannar 2000 sal-lum?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 25175, ninsab infurmat illi minn mindu sar it-tibdil fil-Liġi taċ-Ċittadinanza li ġie fis-seħħ fl-10 ta` Frar 2000, in-numru ta` persuni li s`issa ġie lilhom ikkonfermat li jistgħu jżommu żewġ ċittadinanzi huwa ta` 1,795 u n-numru ta` dawk li akkwistaw (jew reġgħu akkwistaw mill-ġdid) iċ-ċittadinanza Maltija huwa ta` 1,064.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni barranin li daħlu f'Malta legalment iżda skadietilhom il-visa u mhux magħruf fejn jinsabu? Jista' jindika n-nazzjonalita tagħhom? Jista' jgħid kemm persuni ġew irrifjutati d-dritt li jidħlu f'Malta mill-1 ta' Jannar 2000 sat-30 t'April 2001?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant għall-ewwel żewġ partijiet tal-Mistoqsija mhux disponibbli.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar 2000 u t-30 ta`April 2001, in-numru ta` inadmissable persons kien ta` 4,229.
Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw ċittadini mill-EU biex jaħdmu f'Malta u kemm fil-fatt ingħatalhom il-permess mill-1 ta' Jannar 1995 sat-30 t'April 2001, sena, sena? Jista' l-Ministru jindika t-tip ta' xogħol li għalih ingħata l-permess għal kull wieħed? Jista' jindika liema permessi ġew estiżi u għal kemm żmien?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Dawk il-persuni barranin li lilhom tinħarġilhom liċenzja ta` impjieg huma nklużi f`Lista ta` Nies Barranin li għandhom il-Liċenzji ta` Impjieg li hija ppubblikata kull xahar mid-Dipartiment ta` l-Informazzjoni.
Skond l-aħħar lista ta` persuni barranin li għandhom permess jaħdmu Malta li ġiet ippubblikata mid-Dipartiment ta` l-Informazzjoni fis-7 ta` Mejju 2001, in-numru ta` persuni li ġejjin mill-pajjiżi ta` l-Unjoni Ewropea huwa ta` 749.
Din il-lista tinkludi l-isem tal-barrani, ix-xogħol li għalih ingħata permess, isem tal-kumpanija jew tal-Employer kif ukoll id-data sa kemm hi valida l-liċenzja.
Jista' l-Ministru jgħid kemm barranin iqabdu jaħdmu f'Malta u f'Għawdex illegalment mill-1 ta' Jannar 1995 sat-30 t'April 2001, sena, sena? Jista' jindika n-Nazzjonalita tagħhom? Kemm minnhom applikaw għal work permit wara li nqabdu jaħdmu u kemm minnhom ingħatalhom il-permess wara li applikaw?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant għall-ewwel żewġ partijiet tal-Mistoqsija hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mhux disponibbli.
Jista' l-Ministru jgħid jekk xi dipartiment taħt id-dekasteru tiegħu kkummissjonax xi studju dwar l-impatt ta' Sħubija sħiħa ta' Malta fl-UE fuqq l-impjiegi f'pajjiżna billi huwa l-Ministru ta' l-Intern li jgħati l-permess lill-barranin biex jaħdmu f'pajjiżna? Jekk iva, jista' l-Ministru jpoġġi r-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk le, ma jaħsibx l-Ministru li jkun utli li jsir dan l-istudju jew jekk qiegħed isir jew sar minn xi ministeru ieħor, jista' l-Ministru jinformana bil-kontenut?
Response (BORG, TONIO)
L-ebda dekasteru fil-Ministeru tiegħi ma ikkummissjona studju fuq il-linji li qed jindika l-Onor. Interpellant fil-Mistoqsija tiegħu.
Dwar jekk hemmx xi ministeru ieħor li kkummissjona xi rapport simili, li jikkonċernaw setturi speċifiċi, nissuġerilu li jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeri konċernati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew investigati hold ups bejn l-1 ta' Jannar 2000 u 30 ta' April 2000 u bejn l-1 ta' Jannar 2001 u t-30 ta' April 2001?
Response (BORG, TONIO)
Dwar it-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant għall-perijodu bejn l-1 ta` Jannar u t-30 ta` April 2000, nirreferih għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 15899, filwaqt li matul l-istess xhur din is-sena ninsab infurmat li kien hemm 10.
B'riferenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari no. 22330 u 24193, jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu u l-eżitu tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi dan il-każ (20/03/012) ġie deċiż fis-seduta li nżammet fl-20 ta` Marzu 2001.
Il-persuna ndikata ġiet liberata mill-akkużi miġjuba kontra tagħha, u dan a bażi taċ-ċertifikat mediku li ma kienx jorbot lil din il-persuna biex toqgħod fis-sodda jew rekluża d-dar.
Jista' l-Ministru jgħati rendikont dettaljat tan-nefqa f'overtime lill-membri tal-korp tal-Pulizija għall-ħin li għaddew fil-Qorti filhħodu biex jidhru f'każijiet mill-1 ta' Jannar 1995 sat-30 ta' April 2001 sena, sena. Jista' l-Ministru jagħti breakdown għal kull taqsima?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant ma jinżammx taħt forma kompjuterizzata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew imwettqa transfers fil-Korp tal-Pulizija mill-5 ta' Settembru 1998 sat-30 ta' April 2001 b'referenza għal kull taqsima?
Response (BORG, TONIO)
B`żieda mat-tagħrif li jien tajt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 24820, ninsab infurmat illi bejn it-28 ta` Marzu u t-30 ta` April 2001, kien hemm 14-il membru tal-Korp li tbiddlilhom ix-xogħol tagħhom fid-diversi sezzjonijiet tal-Korp. Kif diġa` kelli kemm il-darba okkażżjoni li ngħid, it-tibdil ta` membri tal-Korp minn sezzjoni għal oħra jsir fl-aħjar interess ta` l-istess Korp u tal-pubbliku in ġenerali.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 25620, jista' l-Ministru jikkonferma li in kwantu għal dawk il-priġunieri barranin li kienu nstabu ħatja u ġew ikkundannati għal priġunerija għal reati ta' pussess, importazzjoni u traffikar ta' droga, l-Gvern ikkunsidra favoreloment li jiskuntaw l-bqija tal-kundanna f'ħabsijiet ġewwa pajjiżhom
Response (BORG, TONIO)
Fost il-priġunieri Libjani ssentenzjati fil-ħabs ta` Malta li talbu biex jiġu trasferiti f`pajjiżhom ħalli jkomplu s-sentenza tagħhom f`ħabs hemmhekk, u li huma eliġibbli skond il-ftehim bilaterali li jeżisti bejn iż-żewġ pajjiżi, hemm sebgħa (7).
Minn dawn il-Gvern ma sabx oġġezzjoni għal erbgħa li jiskontaw is-sentenza tagħhom fil-ħabs fil-Libja skond Ftehim tal-1994 dwar Trasferiment ta` Priġunieri, wara li ġew approvati mill-Pulizija li jistgħu jiġu trasferiti. Xorta iżda jonqos il-kunsens tal-Gvern Libjan. Mingħajr dal-kunsens, it-trasferiment ma jistax isir.
Kien hemm ukoll żewġ talbiet oħra minn priġunieri Olandiżi taħt il-Konvenzjoni Ewropeja dwar it-Trasferiment ta` Priġunieri għal trasferiment għal ħabs f`pajjiżhom, iżda l-każ tagħhom għadu qed jiġi kkunsidrat.
Jista' l-Ministru jgħid għal liema reati kienu ġew ikkundannati dawk il-priġunieri barranin li qed jitolbu li jiskuntaw il-piena li fadal mis-sentenzi tagħhom f'ħabsijiet ġewwa pajjiżhom? Jista' l-Ministru jispeċifika kemm huwa n-numru ta' dawn il-priġunieri u n-nazzjonalita'?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta` priġunieri barranin li talbu li jiskuntaw il-piena li fadal mis-sentenzi tagħhom f`ħabsijiet ġewwa pajjiżhom hu ta` 9. Minn dawn 7 huma Libjani filwaqt li 2 huma Olandiżi.
Ir-reati li dwarhom dawn il-persuni ġew ikkundannati huma: pussess u importazzjoni ta` droga (3), pussess u traffikar ta` droga (2), importazzjoni ta` droga (3), u sensiela ta` serq (1).
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma li kull min jingaġġa fil-Forzi Armati jagħmel hekk wara li jkun għadda minn eżami mediku?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li dawk kollha li jingaġġaw fil-Forzi Armati jkunu għaddew minn eżami mediku biex jiġi aċċertat li jkunu fiżikament b’saħħithom biex iservu f’forza militari.
B'referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija numru 24143, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru patrol details mal-kosta mis-sezzjoni tal-laneċ tal-Forzi Armati waqt iż-żjarat ta' vapuri tal-gwerra Amerikani f'din l-aħħar sena?
Jista' l-Prim Ministru jispjega għaliex is-suldati tal-Forzi Armati qegħdin jiġu miċħuda milli jkunu jafi xi kriterji qed jiġu applikati fil-promotion assessments li qegħdin isiru dwarhom mill-Uffiċjali superjuri tagħhom?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li d-dettal kollu tal-“Promotion Assessment Report” jiġi muri lill-individwi konċernati kif jiġi komplut l-eżerċizzju fl-Armata kollha, u dan jkun jinkludi wkoll il-kriterji li jkunu ġew applikati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew kommessi reati bejn l-1 ta' Jannar 2000 u t-30 ta' April 2000 b'indikazzjoni ta' kemm ġew kommessi reati xahar b'xahar? Jista' l-Ministru jikklassifika r-reati?
Response (BORG, TONIO)
Dwar it-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant għax-xhur ta` Jannar u Frar tas-sena 2000, nirreferih għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 14571.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi t-tagħrif mitlub għax-xhur ta` Marzu u April tas-sena 2000.