Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #28599 Sitting 614 2001-10-09 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Hold — Ups

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew imwettqa hold ups bejn Jannar u Settembru 1998, Jannar u Settembru 1999, Jannar u Settembru 2000, Jannar u Settembru 2001

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul Jannar u Settembru tas-snin 1998 sal-2001 ġew irrapurtati 119-il hold-up lill-Pulizija. Dawn kienu kif ġej:- 1998 1999 2000 2001 37 37 23 22 Kif jista jinnota l-Onorevoli Interpellant kien hemm tnaqqis ta' 37.8% bejn 1998 u s-sena 2000.
Leg 9 PQ #28600 Sitting 614 2001-10-09 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Każijiet Kriminali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew solvuti każijiet kriminali bejn (1) 1 ta' Jannar 1999 sal-31 ta' Diċembru 1999 (2) 1 ta' Jannar 2000 sal-31 ta' Diċembru 2000 (3) 1 ta' Jannar 2001 sat-30 ta' Settembru 2001 sena, sena u xahar, xahar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-persuni misjuba ħatja ta` reati kriminali fil-perijodu msemmi mill-Onorevoli Interpellant, kienu: (1) 1999 - 5,699 (2) 2000 - 6,096 (3) 2001* - 3,867 *Sat-30 ta` Settembru.
Leg 9 PQ #28601 Sitting 614 2001-10-09 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Faċilita' Korrettiva ta' Kordin

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont tat-tenders kollha li ġew awarded għal kull ordni jew xogħol mill-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin bejn Settembru 1998 u Settembru 2001? Jista' jispeċifika liema tenders ngħataw b'talba għall-offerta jew b'direct order? Jista' l-Ministru jgħid lil min ġew awarded it-tenders, il-prezz kwotat, id-ditti jew il-persuni kollha li tefgħu l-offerti, preferibbilement għal kull tender b'dettalji tal-prezzijiet minnhom ikkwotati? Jista' jgħid min kien jew kienu l-persuni responabbli mill-awards?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Settembru 1998 u Settembru 2001 ma ġew 'awarded' l-ebda tenders mid-Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi. Fl-istess perijodu ingħatat 'Direct Order' ta` sistema ta` katnazzi għall-prezz ta` Lm6,537.16 lill-Messrs. J. Grima & Co. Ltd. bl-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi. Ingħata wkoll kuntratt ta` maintenance tas-sistema tal-Closed Circuit Television bir-rata ta` Lm185 fix-xahar (VAT mhux inkluż) lill-Correct Termination Ltd. Din ir-rata tkun revedibbli kull sena għal perijodu ta` tlett snin skond in-numru ta` cameras li jkunu installati fis-sistema. Dan l-ammont kien jipprovdi għal polza ta` sigurta` għal dawn il-cameras. Dan il-kuntratt ingħata wara li tqiesu żewġ offerti oħra minn Dedicated Micros (bil-prezz ta` Lm350 fix-xahar) u Philip Toledo (bil-prezz ta` Lm433 fix-xahar). Dawn il-prezzijiet ikkwotati ma kienux jinkludu il-VAT u l-polza ta` sigurta`. L-approvazzjoni ta` dan il-kuntratt ingħatat mis-Segretarju Permanenti għall-Ministeru ta` l-Intern.
Leg 9 PQ #28602 Sitting 614 2001-10-09 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Strip Searches

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew investigati lmenti mill-pubbliku dwar l-istrip searches mwettqa minn uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija? X' passi ittieħdu? Min investiga l-ilmenti? Jista' l-Ministru jikkonferma li saru diversi lmenti fil-konfront ta' l-uffiċjal li n-numru tiegħu qiegħed jintbagħat separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li kien hemm ilmenti minn membri tal-pubbliku dwar strip searches imwettqa minn membri tal-Korp tal-Pulizija, izda saru xi ilmenti lill-istampa. Dwar dan nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ghat-twegiba li tajt ghall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 28432 u Nru. 28433.
Leg 9 PQ #312 Sitting 596 2001-09-17 Written · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Finanzi

VAT

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew sottomessi talbiet għal deregistrations mill-VAT matul 1999; 2000 u 2001 (sal-31 t'Awissu)

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta' persuni reġistrati li talbu biex jinqatgħu mir-reġistru tal-VAT matul l-1999, 2000 u 2001 (sal-31 t'Awissu) kien ta' 2,719, 2,541 u 1,976 rispettivament. Fl-istess żmien, kien hemm 3,480,3,674 u 2,295 applikanti ġodda.
Leg 9 PQ #313 Sitting 596 2001-09-17 Written · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Finanzi

Limited Liability Companies

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew likwidati limited liability companies u partnerships matul 1999; 2000 u 2001 (sat-31 ta' Awwisu 2001)

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li matul l-1999 xoljew 556 kumpanniji u 17 il-partnership, matul is-sena 2000 xoljew 577 kumpanniji u 7 partnerships, u sal-31 t'Awissu ta' l-2001 xoljew 393 kumpanniji u 15 partnerships, fl-istess żmien matul l-1999 ġew reġistrati 1659 kumpanniji u 61 partnerships ġodda, fis-sena 2000 ġew reġistrati 1830 kumpanniji u 56 partnerships ġodda u sal-31 t'Awissu 2001 ġew reġistrati 1101 kumpanniji u 40 partnerships ġodda.
Leg 9 PQ #314 Sitting 596 2001-09-17 Written · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Eureka Services Ltd

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-ħlasijiet li jsiru għar-riċerki mingħand l-Eureka Services Ltd jirċivhom u jirilaxxja riċevuta d-Direttur tar-Reġistru Pubbliku? Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ħlasijiet tat-tariffi jirċivihomx il-Gvern ta' Malta jew il-kumpanija Eureka Services Ltd għaliex sa ftit żmien ilu l-ħlasijiet kienu jsiru lil Eureka Services Ltd direttament? X'inhi r-raġuni li wasslet għal dan il-kambjament?

Response (BORG, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-riċerki msemmija qed jiġu ordnati u maħruġa mir-Reġistru Pubbliku skond l-Avviż Legali 261 tas-sena 2000, u l-ħlasijiet qed isiru a bażi ta` l-Avviż Legali 262 ta` l-istess sena 2000.
Leg 9 PQ #27949 Sitting 596 2001-09-17 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Reati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew kommessi reati fix-xhur ta' Mejju, Ġunju u Lulju 2001? Jista' l-Ministru jikklassifika r-reati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mittub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #27950 Sitting 596 2001-09-17 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Serq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie mwettaq serq fix-xhur ta' Mejju, Gunju u Lulju 2001? Jista' l-Ministru jikklassifika s-serq?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #27951 Sitting 596 2001-09-17 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Hold Ups

Question

Jista' l-Ministrujgħid kemm ġew imwettqa hold ups bejn 1 ta' Jannar u 31 ta' Lulju 2000 u bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Lulju 2001?

Response (BORG, TONIO)

B`żieda mat-tagħrif li jien tajt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 27634, ninsab infurmat illi n-numru ta` hold-ups irrappurtati lill-Pulizija f`Lulju 2000 u f`Lulju 2001 kienu ta` 2 u 4 rispettivament.
Leg 9 PQ #27736 Sitting 590 2001-07-24 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Towing ta' Karozza

Question

Jista' l-Ministru jgħid 'il għaliex il-persuna li isimha qiegħed jintbagħat separatament na ngħatax refund mill-Kummissarju tal-Pulizija tal-multa li kellu jħallas biex tiġi rilaxxata lilu l-vettura li l-partikularijiet tagħha qegħdin jintbagħtu separatament li kienet ġiet towed minn fejn kienet ipparkeġġjata quddiem ir-residenza tiegħu nhar is-Sibt 30 ta' Lulju 2000? Jaf l-Ministru li l-uniku avviż li kien jgħid li fit-tali ġurnata, lok u ħin ma setax isir parking kien fuq il-Gazzetta tal-Gvern liema gazzetta ma kinetx waslet puntwalment minħabba l-azzjonijiet industrijali ordnati mill-GWU u li kienu affetwaw il-posta dak iż-żmien u b'jekk ħadd ma seta jkun jaf b'dak l-avviż? Ma jaħsibx il-Ministru li ma kienx gust li ttieħdet din l-azzjoni fil-konfront tal-persuna indikata jekk ma seta qatt isir jaf bl-avviż sal-ġurnata indikata?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-vettura msemmija mill-Onorevoli Interpellant kienet tħalliet ipparkjata fir-rotta u waqt il-ħin tal-purċissjoni nhar il-festa tal-lokal fejn sid il-vettura huwa residenti. Kien għalhekk li din l-istess vettura ġiet irmunkata.
Leg 9 PQ #27496 Sitting 586 2001-07-20 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Promozzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid, b'riferenza għall-promotions li ngħataw dan l-aħħar fl-Armata, għaliex l-uffiċjal li ismu qiegħed jintbagħat separatament ma ngħatax il-promotion għal surġent fuq il-premessa li ma għandux it-trade B2, filwaqt li l-uffiċjal li isimha qiegħed jintbagħat separatament ngħatat il-promotion minn gunner anke jekk ma għandhiex la t-trade B3 u lanqas it-trade B2 iżda fuq rakkomandazzjoni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li l-ewwel individwu msemmi fil-mistoqsija ma kellux il-kwalifiki minimi neċessarji biex jiġi kkunsidrat għall-promozzjoni fil-grad ta’ surġent. Jien infurmat ukoll li t-tieni persuna msemmija fl-istess mistoqsija kellha l-kwalifiki kollha meħtieġa biex setgħet tkun ikkunsidrata għall-promozzjoni. Mhux hekk biss, meta l-kwalifiki ta’ din il-persuna jitqabblu mal-kriterji applikati għall-fini ta’ promozzjonijiet fl-Armata, jirriżulta li dawn il-kwalifiki huma ferm superjuri.
Leg 9 PQ #27101 Sitting 573 2001-07-06 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 25588, jista' l-Prim Ministru jgħid kif il-persuna li d-dettalji qed jingħataw b'mod separat, reġgħet daħlet fil-Forzi Armati sena u nofs ilu mingħajr eżami?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li l-persuna msemmija qabel ma reġgħet daħlet bħala suldat fil-Forzi Armati, għaddiet kemm it-test fiżiku kif ukoll l-eżami mediku.
Leg 9 PQ #27105 Sitting 573 2001-07-06 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

International Maritime Organisation

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kem swiet iz-zjara li uffiċjali mill-Forzi Armati għamlu f'Londra għal-laqgħa ta' l-International Maritime Organisation bejn l-10 u l-15 ta' Diċembru 2000?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nifhem li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għall-“COMSAR Meeting” li l-“International Maritime Organisation” torganizza kull sena f’Londra. Il-Forzi Armati dejjem jibgħatu rappreżentant għal dan il-“meeting” peress li matulu jiġu diskussi temi mportanti dwar tfittxija u salvataġġ fuq il-baħar. L-ispejjeż li nefqu l-Forzi Armati għal dan il-“meeting” kienu ta’ Lm630.64 li jinkludi vjaġġi bl-ajru u bit-tren, “subsistence allowances” u assikurazzjoni.

Wireless Telegraphy

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm swiet iż-żjara li uffiċjali mill-Wireless Telegraphy għamlu f'Londra għal-laqgħa ta' l-International Maritime Organisation bejn l-10 u l-15 ta' Diċembru 2000?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-nefqa totali taż-żjara uffiċjali f`Londra, li saret mill-uffiċjali tal-Wireless Telegraphy bejn l-10 u l-15 ta` Diċembru, 2000 ammontat għal Lm898.03.

International Maritime Organisation

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm swiet iż-żjara li uffiċjali mill-Malta Maritime Authority għamlu f'Londra għal-laqgħa ta' l-International Maritime Organisation bejn l-10 u l-15 ta' Diċembru 2000?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ż-żjara f'Londra għall-laqgħa ta' l-International Maritime Organisation ġiet tiswa Lm855.
Leg 9 PQ #26838 Sitting 566 2001-07-02 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Qrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid wara is-sentenza numru 25. App. Nru 12A/00 mogħtija mill-Qorti ta' l-Appell nhar l-Erbgħa 30 ta' Mejju 2001 in konnessjoni mad-deċiżjoni tas-17 ta' Jannar 2001 tal-Bord ta' l-Appell dwar l-Ippjanar liema deċiżjoni tikkonċerna l-Applikazzjoni oriġinali PA 3027/98, x'passi ttieħdu sal-lum mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex tiġi nfurzata sentenza tal-Qorti ta' l-Appell u b'hekk jiġi mrazzan b'urgenza dan it-tip ta' zvilupp li barra li hu llegali, illeċitu u abbusiv qed ikun ta' inkonvenjenza kontinwa għal numru sostanzjali ta' residenti tal-lokal?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi wara li ngħatat riċentement is-sentenza msemmija mill-Onorevoli Interpellant, l-Awtorita` għaddiet biex tieħu dawk il-miżuri neċessarji sabiex jitreġġa` s-sit lura għall-istat oriġinali tiegħu skond l-avviż ta` Twettieq diġa` maħruġ fil-12/01/98 (ECF 303/97). Dan jinvolvi t-tneħħija ta` ħammiem tal-kompetizzjoni. Is-sid, fil-preżenza tal-perit tiegħu, wiegħed li ser jikkopera sabiex jirregolarizza l-pożizzjoni. L-Awtorita` tat is-sid sat-28 ta` Lulju 2001 biex jirregolarizza l-pożizzjoni tiegħu, u ser tibqa` ssegwi l-każ sa ma jiġi konkluż skond il-liġi.
Leg 9 PQ #26839 Sitting 566 2001-07-02 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Reġistru Elettorali

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal liema raġuni fl-Għassa tal-Pulizija tal-lokal ta' San Ġwann m'hemmx kopja aġġornata tar-Reġistru Elettorali għal kull referenza jew ħtieġa oħra li tista' tinqala' f'kull żmien?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi r-Reġistru Elettorali ta` April 2001, issa hu disponibbli fl-Għassa tal-Pulizija ta` San Ġwann.
Leg 9 PQ #25995 Sitting 545 2001-05-30 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Priġunieri Libjani

Question

B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nru. 25907, jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet li wasslu lill-Gvern biex ma joggezjonax li 4 priġunieri libjani jiġu trasferiti f'ħabsijiet fil-Libja? X'kienu r-raġunijiet li wasslu sabiex il-Gvern jirrifjuta li jikkunsidra favorevolment it-talbiet tat-3 priġunieri libjani l-oħrajn?

Response (BORG, TONIO)

Biex il-priġunier ikun jista` jiġi kkunsidrat għal trasferiment għal ħabs fil-Libja minn dak ta` Malta (jew viċi versa) irid ikun eliġibbli skond il-ftehim li jeżisti bejn iż-żewġ pajjiżi fuq din il-materja, fosthom li hu jrid ikun b`sentenza finali tal-Qorti, li jaċċetta li jiġi trasferit, u li ż-żewġ gvernijiet jaqblu wkoll, li s-sentenza fil-pajjiż fejn ikun qed jiskonta s-sentenza tkun tikostitwixxi offiża kriminali ukoll fil-pajjiż l-ieħor fejn ser jiġi trasferit. Il-Gvern adotta "policy" li jirreferi il-każ lill-Korp tal-Pulizija għall-opinjoni tagħhom. Fejn dan kien favorevoli, ingħatat approvazzjoni għat-trasferiment. Nerġa` nfakkar lill-Onor. Interpellant li ma jista` jsir l-ebda trasferiment jekk il-pajjiż li se jirċievi l-priġunier ma jagħtix il-kunsens tiegħu.
Leg 9 PQ #25996 Sitting 545 2001-05-30 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Priġunieri Barranin

Question

B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsijiet parlamentari numri 25620 u 25907, jista' l-Ministru jgħid 1) għal-liema reati kienu ġew ikkundannati piena karċerarja l-erbgħa priġunieri Libjani li l-Gvern ma sabx oggezzjoni li jiskuntaw is-sentenza tagħhom f'pajjiżhom 2) Min huma? 3) Meta ġew arrestati 4) Meta tressqu l-Qorti 5) Meta ġew kkundannati 6) għal kemm żmien ġew ikkundannati l-ħabs 7) kemm kellhom jiskuntaw żmien fil-ħabs tenut kont ta' amnestiji u remissions u 8) kemm fadallhom żmien biex jiskuntaw is-sentenza tagħhom? Jista' l-Ministru jgħid għal kull wieħed minn dawm l-erbgħa libjani kif wkoll għaż-żewġ olandiżi li l-każ tagħhom għadu qiegħed jiġi kkunsidrat, id-data meta applikaw biex jiġi trasferiti f'ħabsijiet f'pajjiżhom? Jista' jgħid wkoll x'passi ta' dixxiplina ttieħdu fil-konfront tagħhom, jekk kien emm, waqt il-perjodu ta' karċerazzjoni. Jista' jgħid min huma ż-żewġ olandiżi li l-każ tagħhom qiegħed jiġi ikkunsidrat?

Response (BORG, TONIO)

Sa issa t-trasferiment ma ġiex finalizzat; meta jkun finalizzat inkun nista` nagħti t-tagħrif neċessarju. Infakkar lill-Onor. Interpellant li jrid ikun hemm il-kunsens tal-Gvern Libjan, tal-Gvern Malti u tal-priġunier sabiex isir dan it-trasferiment.