Jista l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Aviation Security Committee? Għal kemm zmien qedin jservu? Kemm il-darba iltaqa' l-kumitat minn Settembru 1998? X' passi ttiehdu ghat-tisħiħ tas-sigurta fl-ajruport minn settembru 1998? Kemm intefqu flus għat-tisħiħ tas-sigurta fl-ajruport fl-1997,1998,1999,2000 u 2001? Kemm il-Security Breach gie nnotat, jekk kien hemm, fl-1997,1998,1999,2000 u 2001?
Response (BORG, TONIO)
Il-membri tal-Kumitat dwar is-Sigurta` fl-Avjazzjoni huma – il-Ministru responsabbli mis-Sigurta` fl-Avjazzjoni bħala Chairman tal-Kumitat; is-Segretarju Permanenti responsabbli għall-Affarijiet Interni u Ambjent bħala Deputy Chairman; il-Kummissarju tal-Pulizija, il-Kmandant tal-Forzi Armati u l-Manager Airport Security huma membri ex ufficio; il-membri l-oħra huma d-Direttur Ġenerali tal-Avjazzjoni Ċivili, il-Kontrollur tad-Dwana, Chairman MIA plc. u Chairman Air Malta plc.
Il-membri maħtura jibqgħu f`dik il-kariga għal dak iż-żmien, li ma jkunx ta` iktar minn tliet snin, hekk kif jista` jiġi speċifikat fl-ittra tal-ħatra tagħhom.
Minn Settembru ta` l-1998, il-Kumitat iltaqa` tmienja u għoxrin darba (28).
Minn Settembru ta` l-1998, ittieħdu diversi miżuri u passi biex tissaħħaħ is-sigurta` fl-ajruport. Fost l-aktar importanti huma:
â Il-bdil ta` 16-il kilometru ta` fence;
â Hold Baggage Screening System;
â Bini mill-ġdid ta` Access Gates 1 u 4;
â Żieda fin-numru ta` security cameras;
â Regolamenti dwar security training, fejn ġie mfassal pjan biex jintlaħqu l-gradi kollha tal-ħaddiema tal-ajruport;
â Regolamenti dwar security of cargo, bl-għan li jiżgura li l-cargo li jitlaq minn Malta ma jkunx fih oġġetti projbiti;
â Regolamenti għall-Passenger Aircraft Security, biex jispeċifikaw dawk il-provvedimenti għal tfittix u kontroll ta` aċċess għal ajruplani;
â Security of Tax Free Goods and Related Stores and Eqiupment, biex jiżguraw li waqt il-ġarr ta` merkanzija/apparat, li jkun dieħel fl-ajruport ma jkunx fih xi ħaġa li tista` tipperikola s-sigurta` tal-passiġġieri jew impjegati.
Fir-rigward ta` kemm intefqu flus, din il-mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi, li taħtu taqa` l-MIA plc.
Fis-snin imsemmija kien hemm dawn is-security breaches:
1997 - 3
1998 - 4
1999 - 2
2000 - 7
2001 - 4
Kemm intefqu flus f'overtime fid-dipartiment tal-protezzjoni civili matul 1998,1999,2000 u 2001? Kemm il-darba kellha tintervjeni f'operazzjonijiet ta' salvatagg matul l-istess perjodu sena, sena u għal liema skop? X'taħriġ wettqet matul is-sena 2001? X' koordinazzjoni qegħda ssir mal-korp tal-pulizija u mal-forzi armati ta' malta? Saru laqghat mal-korp tal-pulizija u ma' l-armata biex jikkordinaw ahjar operazzjonijiet ta' salvatagg matul is-sena 2001?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat kif ġej:-
1) L-ammont ta` overtime li tħallas matul is-snin imsemmija kien kif ġej:-
1998 Lm 199
1999 Lm 220,096 (li jinkludi ukoll allowances imħallsa matul is-sena)
2000 Lm 236,991 (li jinkludi ukoll allowances imħallsa matul is-sena)
2001 Lm 118,329
2) Id-Dipartiment intervjena f`dawn l-operazzjonijiet ta` salvataġġ kif indikat hawn taħt:
Suġġett 1999 2000 2001
Inċidenti tat-traffiku 17* 117 143
Għargħar 185 24 44
Bini mwaqqa` 5 18 19
Salvataġġ ta` persuni 89 103 133
Dan ix-xogħol ma kienx isir minn dan id-Dipartiment tul is-sena 1998.
* Figuri juru minn April 1999.
3) It-taħriġ li twettaq matul is-sena 2001 kien dan:
Taħriġ avvanzat ta` salvataġġ fuq l-art;
Kors bażiku ta` navigazzjoni fuq il-baħar;
Kors ta` għaddas;
Rikonoxximent ta` splussivi;
Basic First Aid;
Basic Life Support;
Fire engineering għall-Leading Assistance and Rescue Officers;
Erba` simulazzjonijiet ta` tifi tan-nar u salvataġġ fuq tlett vapuri differenti, fosthom fuq vapur tal-Gozo Channel u f`lukanda lokali;
Barra minn hekk numru ta` membri attendew għal korsijiet relatati max-xogħol tagħhom barra minn Malta;
Id-Dipartiment organizza ukoll taħriġ għal impjegati tas-servizz ċivili tul din is-sena. Kien hemm 22 kors differenti u għalihom ipparteċipaw 362 impjegat.
4 u 5) Kien hemm diversi okkażżjonijiet fejn twettqet ħidma koordinata bejn it-tliet Forzi imsemmija matul is-sena 2001. Din il-koordinazzjoni kompliet tissaħħaħ wara li l-Gvern appunta Kumitat Parlamentari sabiex jeżamina din il-koordinazzjoni. Din il-koordinazzjoni ġiet diskussa wkoll waqt laqgħat tal-Kunsill tal-Protezzjoni Ċivili li għalihom jattendu ukoll kemm il-Kummissarju tal-Pulizija kif ukoll il-Kmandant tal-Forzi Armati, li huma ukoll membri tal-Kunsill fost oħrajn.
B’ riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 31604 jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tat-Toroq spezzjona il-parti t’ isfel ta’ Triq Vincenzo Adrario u bgħatx rapport lill-Ministru ? Jekk iva jista’ l-Ministru jgħid għandux pjanijiet biex jibda x-xogħol immedjatament minħabba l-kundizzjoni tal-mistħija tat-triq li jgħixu fiha r-residenti tal-lokal?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li wara li saru l-ispezzjonijiet neċessarji nstab li x-xogħol f'din it-triq jista' jsir ma' xogħol ieħor li għaddej fil-lokalita' u li dan ix-xogħol issa nbeda.
Irrid ngħid ukoll li mhux normali li dawn ir-rapporti jintbagħtu lill-Ministru, iżda lid-Direttorat tat-Toroq fi ħdan l-Awtorita' tat-Trasport.
B’ riferenza għar-risposti ghall-mistoqsijiet parlamentari numri 9597 u 31625 ma jaħsibx il-Ministru li sentejn u nofs huma zmien twil bizzejjed biex tittieħed decisjoni dwar jekk għandhomx jigu maħtura aktar Maġġuri fil-Korp tal-Pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Ma għandi xejn x`inżid mat-Tweġibiet imsemmija mill-Onorevoli Interpellant.
Jista’ l-Ministru jghid x' kienet d-data meta s-soċjeta Technical and Management Services Limited, sussidjarja tal-Maltacom plc, għamlet talba għall-ingaġġ ta' konsulent fil-qasam tas-sigurta u kontroll ta' frodi mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ? Jista l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni qegħdin jirregistraw għal dan it-tip ta' xoghol, min huma, kemm kienu ilhom hekk jirregistraw wieħed, wieħed u min intagħzel minnhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Technical and Management Services Limited hija kumpanija sussidjarja tal-Maltacom PLC, u għalhekk l-informazzjoni li qed tintalab tista' tkun ta' valur kummerċjali. Mhux soltu tingħata informazzjoni fuq ażjendi kummerċjali.
Maltacom PLC għandha 40% tal-isħma f'idejn il-privat. Nassigura lill-Onor. Interpellant li l-ETC segwiet il-proċeduri kollha li normalment jiġu segwiti f'każijiet bħal dawn.
B’riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 31626 jista l-Ministru jgħid x’inhi r-raguni għaliex ma jħossux komdu li jizvela l-ismijiet ta’ l-ufficcjali tal-Facilita Korrettiva ta’ Kordin li ingħataw l-overtime? Forsi l-Ministru qiegħed jiddejjaq juri li ufficcjali nazzjonalisti kielu l-bicca l-kbira tal-flus allokati ghall-overtime a spejjez ta’ uffiċċjali laburisti? Ma jaħsibx l-Ministru li huwa ta’ interess pubbliku w parlamentari li jingħata tagħrif dwar kif qiegħed jitqassam l-overtime fil-Faċilita ta’ Kordin?
Response (BORG, TONIO)
Jekk għall-Onor. Interpellant l-Uffiċjali tal-Ħabs huma Nazzjonalisti u Laburisti, għall-Amministrazzjoni tal-Ħabs, l-uffiċjali huma kollha ċittadini Maltin.
L-overtime fil-Ħabs jitqassam b`korrettezza u ugwaljanza ma` kulħadd. Il-problema li teżisti hija li ħafna uffiċjali ma jridux jagħmlu overtime u għalhekk l-overtime li jingħataw ituh lil ħaddieħor. B`hekk xi uffiċjali jidhru li jagħmlu aktar overtime minn ħaddieħor. Nitlob lill-Onor. Interpellant li jekk hemm xi uffiċjal li wassal xi ilmenti li mhux jingħata overtime bħal ma` jingħata lil ħaddieħor, iressaq l-ilment lili u dan l-ilment jiġi investigat.
B’riferenza għar-risposta ghall-mistoqsija parlamentari numru 31622 jista l-Ministru jikkonferma jekk sarux tibdiliet, tnaqqis jew zidiet fil-PIRS minn Settembru 1998 ‘l-hawn? Jekk iva f’xiex jikkonsisti it-tibdil, tnaqqis jew zidied?
Response (BORG, TONIO)
B`żieda mat-tagħrif li jien tajt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 31622, ninsab infurmat illi t-tibdil li kien hemm ta` natura operattiva kien jikkonsisti fis-tisħiħ ta` din is-sistema bl-introduzzjoni ta` rapporti għall-kumpaniji ta` l-assigurazzjoni fejn jirrigwarda serq jew ħsarat fuq proprjeta`. Ma` din is-sistema ġew ukoll integrati il-common database, li tgħin sabiex l-informazzjoni tkun aktar korretta u konsistenti, kif ukoll is-sistema tal-VERA li tforni informazzjoni dwar vetturi, inkluż jekk vettura tkunx ġiet irrapurtata nieqsa. Infurmat ukoll illi fil-preżent għaddej eżerċizzju sabiex is-sistema tal-PIRS tiġi upgraded għal sistema Windows u dan sabiex is-sistema tkun aktar user friendly.
Jista l-Ministru jgħid kemm gew imwettqa reati matul Frar 2002? Jista l-Ministru jikklassifika r-reati? Jista l-Ministru jgħid kemm gew solvuti reati matul Frar 2002?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub fl-ewwel u fit-tieni partijiet tal-Mistoqsija Parlamentari huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi matul Frar 2002 kien hemm 543 persuna misjuba ħatja ta` reati kriminali.
Jista’ l-Ministru jghid meta ser jigi rrangat it-telephone pubbliku li jinsab fi Triq Ħal-Dwieli, Ħaż-Żebbug billi dan għandu l-ħsara?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li kuntrarjament għal dak li qed jingħad fil-mistoqsija, wara li kienet spezzjonata minn tekniku tal-Maltacom, irriżulta li l-cardphone in kwistjoni ma għandha ebda ħsara.
Jista’ l-Ministru jghid meta ser tigi l-provvista tal-eletriku ghaż-żewg fanali li jinsabu quddiem l-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju f’Misrah Ħal-Dwieli, Ħaz-Zebbug?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-finali msemmija ma jaqgħux fir-responsabbilta' tal-Korporazzjoni Enemalta iżda tal-Kunsill Lokali. Sabiex tingħata l-provvista ta' l-elettriku hemm bżonn li ssir applikazzjoni skond ir-regolamenti ta' l-elettriku.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw AIP (acquisition of immovable property) permits lil cittadini mill-Unjoni Ewropeja mis-sena 1990 sas-sena 2001? Jista jagħti breakdown taċ-ċittadinanza tal-persuni li ngħataw dawn l-aip permits? Jista jgħid kemm minnhom reggħu biegħu il-propjeta li xtraw u jekk biegħux lill-maltin jew barranin? Jista' jgħid jekk wara li bieghu l-propjeta regghux applikaw ghall-aip permit u xtraw propjeta oħra u kemm?
Response (DALLI, JOHN)
Nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-permessi li ngħataw liċ-ċittadini mill-Unjoni Ewropeja biex jixtru proprjeta' immobbli f'Malta mis-sena 1990 sas-sena 2001 indikati f' tabella markata Dokument "A".
L-istatistika mitluba, bdiet tinżamm minn meta d-dipartiment ġie komputerizzat is-sena 'l-oħra.
Jista l-ministru jgħid kemm twettqu reati f' Ħaz-Żebbug, Ħad-Dingli, Ħ'Attard, is-Siggiewi, l-Imdina, Ħal-Qormi, Ħal-Kirkop, Ħal-Luqa u f' St.Venera matul 1998, 1999, 2000,2001? Jista jikklassifika r-reati? Kemm minnhom ġew solvuti riferibbilment ghal kull lokalita wieħed wieħed?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant, fl-ewwel u t-tieni parti tal-Mistoqsija huwa kif jidher fuq it-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi dan it-tagħrif hekk mitlub ma jinżammx taħt forma kompjuterizzata.
Jista l-Ministru jgħid kemm ġie imwettaq serq f' Ħaż-Żebbug, Ħad-Dingli, Ħ'Attard, is-Siġġiewi, l-Imdina, Ħal-Qormi, Ħal-Kirkop, Ħal-Luqa u f' St. Venera matul 1998, 1999, 2000, 2001? Jista l-Ministru jikklassifika s-serq? Kemm minnhom ġew solvuti riferibbilment għal kull lokalita wieħed wieħed.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant, fl-ewwel u t-tieni parti tal-Mistoqsija huwa kif jidher fuq it-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi dan it-tagħrif hekk kif mitlub ma jinżammx taħt forma kompjuterizzata.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'mezzi marittimi għandhom a dispozizzjoni tagħhom il-Forzi Armati ta' Malta biex jikkumbattu l-immigrazzjoni klandestina? Jista' jgħid kemm-il darba issejjħet l-Armata fuq il-baħar fuq rapporti li kien qiegħed isir traffikat ta' bnedmin fl-ibħra territorjali ta' Malta matul is-sena 1998, 1999, 2000 u 2001? X'għamlet l-Armata għal kull rapport? Kemm-il darba l-Armata qabdet fil-fatt it-traffikar ta' bnedmin qiegħed jitwettaq fl-ibħra teritorjali ta' Malta matul 1998, 1999, 2000 u 2001? Kemm-il darba l-mezzi marittimi ta' l-Armata ġarrbu ħsarat u kemm damu barra s-servizz sakemm issewwew matul l-1998, 1999, 2000 u 2001? Għal liema skopijiet oħrajn l-istess mezzi marittimi ta' l-Armata jintużaw fis-servizz ta' l-Armata?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar imma tweġiba tingħata biss jekk l-informazzjoni ma tippreġudikax il-funzjoni tal-Forzi Armati f’dan il-qasam.
Jista' l-Ministru jispjega għal liema raġuni hawkers li applikaw għal permess biex ibiegħu f'Putirjal matul il-ġranet tal-karnival ma ngħatawx il-permess filwaqt li trailer ta' kumpanija barranija ngħatat il-permess biex tbiegħ propju fl-istess post?
Jista' l-Ministru jispjega x'permessi oħrajn iridu jottjenu l-hawkers qabel il-Kummissarju tal-Pulizija jista' joħroġ il-permess tiegħu u x'permessi oħrajn, jekk hemm, ottjena l-barrani/barranin propjetarji jew operaturi tat-trailer in kwistjoni qabel il-Kummissarju tal-pulizija seta' jagħti l-permess tiegħu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi hawkers li applikaw għall-permess tal-Pulizija sabiex ibiegħu fi żmien il-Karnival, ġew mogħtija permess sabiex ikunu jistgħu ibiegħu fi Pjazza l-Assedju l-Kbir u fi Triq l-Ordinanza fil-viċinanzi ta` Pjazza l-Ħelsien.
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari nru. 31609, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux pjanijiet sabiex jforni lill-Korp tal-Pulizija b'mezzi sabiex jikkumbatti l-immigrazzjoni llegali biex ma jkollux għaliex jiddependi mill-mezzi tal-Forzi Armati ta' Malta? Ma jaħsibx l-Ministru li wasal iż-żmien li titwaqqaf skwadra speċjali marittima esklusivament addetta għall-ġlieda kontra din it-tip ta' kriminalita ?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa` spjegajt fit-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 31609, il-Pulizija dejjem ingħatat l-assistenza meħtieġa mill-Forzi Armati ta` Malta. Ta` min isemmi wkoll illi l-Forzi Armati ta` Malta minbarra l-mezzi navali, huma wkoll attrezzati b`mezzi ta` l-ajru li jistgħu jkunu utilizzati fejn meħtieġ. Għaldaqstant, ma naħsibx li jkun għaqli, li jkun hemm duplikazzjoni ta` riżorsi u mezzi ġa eżistenti.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk tistax titwaħħal lampa tad-dawl ‘il gewwa fi Triq Angelo Mellilli f’Haż-Żebbug billi din il-parti tat-triq tinsab fi dlam cappa?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet simili oħra.
Jista’ l-Ministru jispjega kif qeghda tinġabar l-istatistika dwar reati kriminali? Sar xi tibdil minn Awissu 1997?
Response (BORG, TONIO)
Kif jaf l-Onorevoli Interpellant, f`Awissu ta` l-1997 kienet ġiet introdotta fil-Korp tal-Pulizija is-sistema kompjuterizzata ta` kif jinżammu ir-rapporti li l-pubbliku jagħmel mal-Pulizija, magħrufa aħjar bħala P.I.R.S. (Police Incident Reporting System). F`din is-sistema jiġu mdaħħla r-rapporti li jsiru lill-Pulizija mingħand il-pubbliku u kull rapport jiġi ikklassifikat skond in-natura tal-każ. Minn din is-sistema imbaghad tkun tista` tinġabar statistika ta` l-informazzjoni meħtieġa. Infurmat ukoll illi minn Awissu 1997 l`hawn bdew jidaħħlu wkoll f`din is-sistema rapporti ta` inċidenti stradali, ta` persuni rrapurtati nieqsa u ta` oġġetti irrapurtati mitlufa. Kien hemm ukoll tibdiliet oħra ta` natura operattiva.
Jista’ l-Ministru jghid kemm ġew ikkonfiskati snieter minn ghand kaċċaturi matul is-sena 1999, 2000 u 2001? Riferibbilment ghal istess perjodi x’kienu l-pieni invidwali? Minn liema rahal jew belt kienu l-kaċċaturi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-snin 1999, 2000 u 2001, il-Pulizija ġabret 170, 253 u 150 -il senter rispettivament, minħabba xi ksur tar-regolamenti dwar il-kaċċa. Dwar it-tieni u t-tielet parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant mhux disponibbli taħt forma komputerizzata.
Jista’ l-Ministru jgħid kif ġie impjegat mal-Maltacom l-ex Kummissarju tal-Pulizija? Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-post inħoloqx għalih direttament, jekk kienx hemm avviz imxandar pubblikament, jekk kienx hemm min applika għal dan il-post u jekk iva kemm applikaw u għaliex il-post ingħata lill-ex Kummissarju tal-Pulizija? Jista’ l-Ministru jgħid id-data meta inħoloq il-post li llum qiegħed jokkupa l-ex Kummissarju tal-Pulizija?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li s-Sur George Grech huwa mpjegat tal-kumpanija Technical & Management Services Limited, waħda mill-kumpaniji sussidjarji li tforni lill-bqija tal-grupp Maltacom b'servizzi ta' konsulenzi f'materji speċjalizzati, li twaqqfet fit-30 ta' Ġunju 1999. Il-ħtieġa ta' pariri fil-qasam ta' sigurta' u kontroll ta' frodi kien marbut mat-twaqqif ta' kumpanija sissidjarja oħra li ser topera f'dan il-qasam - Monitoring Services Limited. Il-proċess għat-twaqqif ta' Monitoring Services Limited tnieda fil-bidu tas-sena 2001 u din il-kumpanija eventwalment ġiet reġistrata f'Awissu 2001. Dan juri b'mod ċar li l-post ma nħoloqx għas-Sur Grech kif allegatament qed jingħad fil-mistoqsija.
Il-proċess ta' ingaġġ sar permezz ta' talba lill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, li min-naħa taghħa irreferiet ħames persuni li kienu qed jirreġistraw għal dan it-tip ta' xogħol, fosthom is-Sur Grech. Din il-persuna intgħażlet wara li saru l-intervisti u ġie stabbilit li kien l-aktar adattat għall-kariga.
Peress li l-ingaġġ sar minn fost persuni li kienu riferuri mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, ma kienx hemm ħtieġa li ssir sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet.