B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentri numru 36654, jista' l-Ministru jgħid jekk għar-re-configuration of locks fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin intalbux offerti oħrajn barra dik ta' Messrs. Philip Toledo? Jekk iva, ta' min kienu u kemm kien il-prezz ikkwotat? Jekk le, x'inhuma r-raġunijiet? Jista' l-Ministru jgħid għaliex saret ir-re-configuration tal-locks bi spiża ta' Lm 7,417 meta ftit żmien qabel inxtrat sistema ta' katnazzi bil-prezz ta' Lm 6,537.16? Jista' l-Ministru jispjega kif ir-re-configuration tal-locks tiswa aktar mis-sistema ta' katnazzi? Jista' l-Ministru jiġġustifika nefqa ta' kważi Lm 14,000 fuq sistema ta' katnazzi u re-configuration tal-locks?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi għar-re-configuration of locks ma intalbet ebda offerta. Dan għaliex dan ix-xogħol kien ta tibdil minn partijiet ta` locks diġa` imwaħħla u mhux tibdil ta` locks f`oħrajn ġodda. Għaldaqstant bilfors kellhom jinġiebu il-partijiet neċessarji mill-istess ditta li forniet is-serraturi oriġinarjament.
Fir-rigward tas-sistemi ta` katnazzi u serraturi ninsab infurmat illi dawn ma għandhom x`jaqsmu xejn ma` xulxin. Il-katnazzi jintużaw fiċ-ċelel, filwaqt li s-serraturi jintużaw għal bibien l-oħra tal-ħabs. Il-katnazzi l-ġodda eliminaw l-użu ta` madwar 200 ċavetta differenti, għax bis-sistema l-ġdida in-numru ta` ċwievet hu ta` 20.
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 36654, jista' l-Ministru jispjega għaliex għas-sistema ta' audio recording system bi spiża ta' Lm 8295 il-kuntratt ħareġ b'tender filwaqt li għall-immunology analyser bi spiża ta' Lm 19,435 il-kuntratt ħareġ b'direct order?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi filwaqt li għas-sistema ta` audio recording system seta jinħareġ Tender, minn naħa l-oħra ma setax jinħareġ Tender għall-Immunology Analyser. Dan peress li dan l-apparat jiġi utilizat bilfors skond ir-regolamenti tal-Ħabs. L-awtoritajiet tal-Ħabs ġew infurmati mill-manifatturi tal-magna li kienet qed tintuża li ma kienux ser ikomplu jipprovdu reagents, consumables u spare parts u għalhekk il-magna ma setgħetx tintuża aktar. Kien għalhekk l-urġenza li tinħareġ din id-direct order.
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 36654 u billi l-approvazzjoni tal-Ministru tal-Finanzi tingħata biss wara li d-Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi jkun għamel l-għażla tal-kumpanniji, jista' l-Ministru jgħid min mid-Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi kien jew kienu responsabbli mill-għażliet tal-kumpanniji li saru fil-każ tad-direct order ta' l-immunology analyser u tar-re-configuration of locks?
Response (BORG, TONIO)
Fir-rigward ta` Re-Configuration of locks nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 37116.
Fir-rigward ta` Immunology Analyser kien ġie ikkunsultat il-Professur Richard Muscat li huwa il-Head of Neuro Science & Faculty of Medicine & Surgery ta` l-Universita` ta` Malta.
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 36836, jista' l-Ministru jagħti d-data meta l-PSC tat direttiva biex ħatriet għall-futur ma jsirux aktar fuq rakkomandazzjoni diretta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kien fit-18 ta` Settembru 2002, li l-Kummissarju tal-Pulizija kien ġie infurmat bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku illi fil-futur ħatriet għal Assistenti Kummissarji kellhom isiru bi proċess ta` għażla, wara sejħa għall-applikazzjonijiet.
Sabiex ma jkunx hemm ebda ekwivoku, ninforma lill-Onorevoli Interpellant ukoll, illi bħal ma naħseb diġa` jaf, l-aħħar ħatriet ta` Assistenti Kummissarji kif imsemmija fil-Mistoqsija Parlamentari Nru. 36836, kienu ġew rakkomandati mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku fid-29 ta` Awissu 2002 u approvati mill-Prim Ministru fit-3 ta` Settembru 2002.
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 36835, billi l-overtime ta' l-1997 jinkludi l-ammont ta' l-overtime li nħadem fl-1996 in konnessjoni ma' l-elezzjoni ġenerali, jista' l-Ministru jgħid kemm overtime fil-fatt inħadem f'dik l-elezzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Mhux possibli li wieħed jiddetermina l-ammont ta` overtime li jitħallas lill-membri tal-Korp in konnessjoni mal-Elezzjoni Ġenerali ta` l-1996 dan għaliex l-impenji li jkollhom il-pulizija f`dawn l-okkażżjonijiet huma diversi. L-uniku ammont li hu determinat f`dan is-sens hu l-ammont ta` Lm154,117 li tħallsu mill-Kummissjoni Elettorali għax-xogħol li wettqu il-Pulizija fit-tqassim tal-voti u l-għassa mal-postijiet tal-voti. Ma` dan għandu jiżdied ħlas għal overtime ieħor konness mal-attivitajiet kollha li jkun hemm f`okkażżjonijiet bħal dawn.
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 36835, jista' l-Ministru jgħid kemm membri tal-Korp tal-Pulizija bbenefikaw mill-overtime mill-1992 sa Ottubru 2002, sena b'sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant ma jinżammx taħt forma kompjuterizzata.
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 28601, jista' l-Ministru jgħid jekk għas-sistema ta' katnazzi fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin intalbux offerti oħrajn barra dik ta' Messrs. Grima & Co. Ltd? Jekk iva, ta' min kienu u kemm kien il-prezz ikkwotat? Jekk le x'inhuma r-raġunijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-offerti għax-xiri tal-katnazzi kienu ħarġu f`Jannar ta` l-1998. Dik is-sena kienu inġibu katnazzi għal żewġ diviżjonijiet biss filwaqt li fl-2001 kienu inġibu il-kumplament tal-katnazzi għad-diviżjonijiet l-oħra fuq l-istess offerta u ċioe` dik oriġinali.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-kamra l-liċenzji u l-permessi kollha relattivi għan-negozju li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament?
Response (BORG, TONIO)
Peress illi b`effett mill-1 ta` Mejju ta` din is-sena, il-liċenzji ta` dan it-tip ta` negozju ma baqgħux jinħarġu mill-Pulizija, nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jispjega għaliex id-dipartiment tal-protezzjoni ċivili huwa kkunsidrat bħala korp dixxiplinat? Jista' jgħid fejn fil-liġi li waqqfet id-dipartiment hemm indikat li d-dipartiment huwa korp dixxiplinat? Jista' jgħid fejn fil-kuntratt ta' ngaġġ bħala assistant and rescue officers ta' l-1999 hemm indikat li d-dipartiment huwa korp dixxiplinat? Jekk il-protezzjoni ċivili huwa korp dixxiplinat, jista' il-Ministru jispjega kif xi membri tal-protezzjoni ċivili nqabdu jew servew bħala ġurati f'ġurijiet u kif wieħed mill-membri kkontesta l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali, ġie elett u qiegħed iservi bħala kunsillier?
Response (BORG, TONIO)
Il-personnel fil-Protezzjoni Ċivili m`humiex meqjusa għall-iskop tal-Kostituzzjoni bħala Korp Dixxiplinat; iżda a bażi tal-provvedimenti tal-Artikoli 8 tal-Kap 411 tal-Liġijiet ta` Malta, huma nwaqqfa b`liġi bħala Forza u ma jistgħux jkunu membri f`trade union.
Membri tal-Protezzjoni Ċivili ma humiex eżentati, permezz tal-liġi, milli jservu bħala ġurati fil-Qorti Kriminali. Lanqas ma teżisti projbizzjoni għal dawn l-istess membri li jikkontestaw elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali u li jservu bħala Kunsilliera.
Dipartiment tat-Taxxi Nterni — Comprehensive and Assurance Manager
Question
Riferibbilment għall-post of Comprehensive and Assurance Manager fid-dipartiment tat-taxxi nterni, skond applikazzjonijiet tas-27 ta' Mejju 2002 (MPO circular no. 56/2002), jista' il-Ministru jgħid min kienu l-persuni li għamlu l-aġġudikazzjoni ta' l-applikanti? A bażi ta' liema kriterji ngħataw il-marki lill-applikanti? Jista' il-Ministru jagħti dettalji tal-marki li ngħataw l-applikanti għal kull kriterju? Għaliex fuq ir-result sheet li ġiet imwaħħla fuq in-notice board fi Blokk 2 (Administration Block) tad-dipartiment m'hemmx data? Għaliex ir-riżultat ma ġiex komunikat direttament lill-applikanti kif inhi l-prassi?
Response (DALLI, JOHN)
Nassumi li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għal l-applikazzjonijiet għal post ta' Compliance and Assurance Manager fid-Dipartiment tat-Taxxi Interni. Il-Bord li aggudika l-applikanti kien kompost mill-Kummissarju tat-taxxi Nterni bhala chairman, kif ukoll mid-Direttur ta' L-Awditjar Intern u ta' l-Investigazjoniet u mid-Direttur ta' l-Office of Review fil-Ministeru tal-Finanzi bhala membri. Kien hemm ukoll panel member iehor innominat mill-Management and Personnel Office fl-Ufficju tal- Prim Ministru. Qieghed inpoggi lista tal-Kriterji li gew stabbiliti biex jigu aggudikati l-applikanti. Ma' nhosx li huwa prudenti li nippublika d-detalji tal-marki li nghataw l- applikanti ghall kull kriterju. Ir-result sheet li giet mwahhla fuq in-notice board fi Blokk 2 hija estratt min rapport dettaljat li ghamel il-board. Il Board ma' kkomunikax direttament lill-applikanti ghax skond il-prattika adottata mill-Kummissjoni ghas-Servizz Pubbliku fejn jidhlu hatriet taht skala 5.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għadha ma ġietx milqugħa t-talba ta' uffiċjal għoli ta' l-Air Malta li d-dettalji tiegħu qegħdin jintbagħtu separatament sabiex isir it-trasferiment ta' l-impjegat li d-dettalji tiegħu wkoll qegħdin jintbagħtu separatament minħabba mġieba ta' subordinazzjoni u intimidazzjoni fil-konfront ta' l-ewwel? Jista' l-Ministru jikkonferma li board imwaqqf ad hoc f'Settembru 2000 miċ-Chairman ta' l-Air Malta biex jisma' l-każ irrakkomanda li jittieħdu miżuri korrettivi fil-konfront ta' dan l-impjegat iżda minkejja dan għadha ma ttieħdet ebda azzjoni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'xi Seduta oħra.
Kummisjoni dwar is-sigurta' fl-ikel — Rakkomandazzjonijiet lill-Awtorita' dwar it-Turiżmu ta' Malta
Question
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-Food Saftey Commission qegħda tkaxkar saqajha biex tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar basic hygene standards lil Malta Tourism Authority?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li waqt laqgħa tal-Kummissjoni dwar is-Sigurta` fl-Ikel tal-15 t'Ottubru 2002, ġie deċiż li mhux aċċettabbli li l-iġjene ta` l-ikel għandha tkun parti mill-'grading' għall-istabillimenti ta` l-ikel. Il-Kummissjoni enfasizzat li waqt il-maniġġ ta` l-ikel, m'għandux ikun hemm ħlief l-ogħla 'standards' ta` iġene fi kwalunkwe` ħin u irrispettivament mill-ġeneru ta` negozju. Din id-deċiżjoni twasslet ukoll lill-Awtorita` dwar it-Turiżmu ta` Malta, fejn il-persuni responsabbli minn tali Awtorita` ġew imfakkra li l-Att dwar is-Sigurta` ta` l-Ikel tpoġġi r-responsabbilta` ta` regolamenti dwar Sigurta` l-ikel fuq il-Ministru responsabbli mis-Saħħa.
Jista' il-Ministru jgħid kemm klandestini talbu l-istatus ta' refuġjat matul din is-sena, xahar b'xahar? Kemm minnhom qegħdin jiġu trattati bil-proċeduri normali u kemm minnhom qegħdin jiġu trattati bil-proċeduri aċċellerati taħt l-Att dwar ir-Refuġjati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi in-numru ta` applikazzjonijiet formali għal status ta` refuġjat li saru minn klandestini matul din is-sena, xahar b`xahar, kien kif ġej:-
Xahar
Każi
Persuni
Jannar
Nil
Nil
Frar
5
5
Marzu
27
28
April
59
70
Mejju
40
55
Ġunju
24
51
Lulju
4
4
Awissu
8
8
Settembru
Nil
Nil
Ottubru
62
68
Novembru (sal-15)
24
66
Il-każi ta` Ottubru u Novembru jinkludu rispettivament 10 u 6 applikazzjonijiet minn persuni minuri li dwarhom saret talba biex jinħatrilhom guardian skond il-liġi.
Il-każi msemmija ġew jew qed jiġu trattati kollha bil-proċedura normali.
Infurmat ukoll illi barra l-applikazzjoni riċevuti u trattati sal-15 ta` Novembru, hemm ukoll 341 każ fejn il-persuni konċernati imlew Kwestjonarju Preliminari li permezz tiegħu irreġistraw ix-xewqa tagħhom li japplikaw biex jiġu rikonoxxuti bħala refuġjati. Dawn it-341 każ jinvolvu 384 persuna. L-applikazzjoni formali ta` dawn il-persuni u l-intervisti sussegwenti, għad iridu jsiru. Dawn it-341 każ ġew reġistrati kollha għall-ewwel darba bejn il-bidu ta` Ottubru u nofs Novembru 2002.
Jista' l-Ministru jgħid x'meriti irid ikollok biex tilħaq assistent kummissarju b'direct order kontra r-rakkomandazzjoni tal-PSC?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jiena tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 36836.
Id-domanda ta` l-Onor. Interpellant tiżvela nuqqas ta` tagħrif fuq x`tgħid l-ogħla liġi tal-pajjiż.
In-nomini ta` assistenti kummissarji taħt kull amministrazzjoni dejjem saru bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku kif titlob il-Kostituzzjoni. Anzi ma jistgħux isiru ħatriet jekk mhux bl-approvazzjoni tal-PSC għalhekk l-asserzjoni ta` l-Onor. Interpellant, ex-Ministru fil-Gvern preċedenti, li setgħu saru nomini kontra r-rieda tal-PSC, TIMMERAVILJANI.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew imwettqa serqiet matul Ottubru 2002? Jista' jikklassifika s-serq? Jista' jgħid kemm ġew solvuti serq matul Ottubru 2002?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul Ottubru 2002 il-każi ta` serq li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher hawn taħt, filwaqt li matul l-istess xahar il-Pulizija solviet 35 każ ta` serq.
Hold-up
3
Pick pocketing
42
Snatch & grab
5
Serq minn dghajjes
8
Serq ta’ dghajjes
3
Serq ta’ karozzi
47
Serq minn karozzi
275
Serq min barijiet / lukandi
94
Serq minn fabbriki
2
Serq minn residenzi
62
Serq minn hwienet
52
Serq minn xtajtiet
7
Serq iehor
221
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew imwettqa reati matul Ottubru 2002? Jista' jikklassifika r-reati? Jista' jgħid kemm ġew solvuti reati matul Ottubru 2002?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub fl-ewwel u fit-tieni partijiet tal-Mistoqsija Parlamentari huwa kif jidher fit-Tabella li tidher hawn taħt. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi matul Ottubru 2002 kien hemm 656 persuna misjuba ħatja ta` reati kriminali.
Against morals and honour of the family
5
Arson
7
Attempted offences
96
Bodily harm
77
Crimes vs Admin of Justice
1
Damage
308
Drugs
7
Forgery
1
Fraud
8
lllegal Immigration
20
Abandon of child
1
Prostitution
3
Sexual offences
3
Theft
821
Threats and private violence
9
Violence against public officers
10
Jista' il-Ministru jgħid kemm inqabdet droga mill-1992 sa Ottubru 2002, sena sena?
Response (BORG, TONIO)
Rigward il-perijodu mis-sena 1992 sa sena 2001, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġibiet li jiena kont tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nri 69, 7979, 12766, 23034 u 31920. Dwar is-sena 2002, bejn Jannar u Ottubru, ninsab infurmat illi l-ammont ta` droga li nqabdet mill-Pulizija huwa kif ġej:
Cocaine 4kg411.313grms
Heroin 624.18grms
Cannabis plants 12 plants
Cannabis grass 846.45grms
Cannabis resin 8kg733.45grms
Cannabis seeds 43 seeds
Ecstacy 975.5 tablets
DHC 85 tablets
Methadone 230ml
Hallcion 59 tablets
Anabol 13,000 tablets
Ocymetholone 30 tablets
Stanozolol 1,255 tablets
Inġibditli l-attenzjoni, illi fit-tagħrif li jien kont ġejt mogħti għat-Tweġiba ta` Mistoqsija Parlamentari Nru. 35763, kien hemm żball fl-għadd ta` l-ammont tal-cocaine. Għaldaqstant it-tagħrif għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 35763 dwar il-cocaine, għandu jkun dak li qiegħed jingħata f`din it-Tweġiba.
Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallsu overtime membri tal-korp tal-pulizija mill-1992 sa Ottubru 2002, sena b'sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ammont ta` overtime li tħallas lill-membri tal-Korp tal-Pulizija mill-1992 sa Ottubru 2002, huwa kif jidher hawn taħt:-
Sena Ammont Imħallas
Lm
1992 49,736
1993 272,315
1994 391,756
1995 397,277
1996 384,814
1997* 678,817
1998 276,954
1999 246,586
2000 259,791
2001 441,157
2002 (sa Ottubru) 279,069
*Jinkludi l-ammont ta` overtime li inħadem fl-1996 in konnessjoni ma` l-Elezzjoni Ġenerali.