Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #2550 Sitting 53 2003-11-10 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Korp tal-pulizija — Membri li ħadmu s-sahra

Question

Jista' il-Ministru jagħti rendikont dettaljat ta' kemm intnefqu flus f'overtime lill-membri tal-korp tal-pulizija fis-snin 1998, 1999, 2000, 2001, 2002 u sa l-aħħar ta' Ottubru 2003, sena b'sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ammont ta` overtime li tħallas lill-membri tal-Korp tal-Pulizija mill-1998 sa Ottubru 2003, huwa kif jidher hawn taħt: Sena Ammont imħallas 1998 Lm276,954 1999 Lm246,586 2000 Lm259,791 2001 Lm441,157 2002 Lm323,860 2003 Lm369,691
Leg 10 PQ #2437 Sitting 50 2003-11-03 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Engineered Landfills — Barrieri

Question

B'referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari numri 2079 u 2238 fejn it-tnejn wieġbu biex ''il-mistoqsija ssir lill-Ministru kkonċernat'' u wara li l-istaff tal-parlament ipporva jistabilixxi liema Ministeru għandu jwieġeb din il-mistoqsija, u dan b'eżitu negattiv, u billi ma jidhirx li l-Ministeri l-oħrajn kollha jistgħu jwieġbu din il-mistoqsija minħabba x-xorta tad-dikasteru tagħhom, jista' il-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2238?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat li kif l-“Environment Impact Assessment” dwar iż-żewġ siti li jistgħu isiru “engineered landfills” proposti ikun lest, tkun tista’ tingħata l-informazzjoni mitluba.
Leg 10 PQ #2238 Sitting 47 2003-10-27 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Engineered landfills — Barrieri

Question

F'każ illi l-gvern jiddeċiedi li jwettaq il-pjan tiegħu li joħloq żewġ engineered landfills fis-siti identifikati qrib it-tempji ta' l-Imnajdra, jista' il-Ministru jgħid min huma l-proprjetarji ossia l-persuni, ditti jew kumpanniji li jmexxu l-barrieri u li magħhom il-gvern ikun qiegħed jinnegozja?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

Imnajdra — Engineered landfills

Question

F'każ illi l-gvern jiddeċiedi li jwettaq il-pjan tiegħu li joħloq żewġ engineered landfills fis-siti identifikati qrib it-tempji ta' l-Imnajdra, jista' il-Ministru jgħid min huma l-proprjetarji ossia l-persuni, ditti jew kumpanniji li jmexxu l-barrieri u li magħhom il-gvern ikun qiegħed jinnegozja?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali — Każ dwar drittijiet tar-relief

Question

B'riferenza għad-deċiżjoni ta' l-Arbitru nru. 169/02 (numru tal-file ta' l-Arbitru 658/01, nru. tal-file DSS 85/02) u għas-sentenza tat-12 ta' Mejju, 2003 fl-appell tad-deċiżjoni ta' l-Arbitru, liema appell ġie determinat favur il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, jista' il-Viċi Prim Ministru jispjega għaliex l-imsemmija persuna għadha ma ġietx ri-integrata fid-drittijiet tagħha tar-relief? Hi x'inhi r-raġuni, jista' jara li l-imsemmija persuna tiġi ri-integrata fid-drittijiet tagħha immedjatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-każ tagħha.

Ħaż-Żebbuġ — Triq il-Qamħ - Pressa ta' l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jara għaliex m'hemmx biżżejjed pressa ta' l-ilma ġewwa Triq il-Qamħ, Ħaż-Żebbuġ? Jista' jara li s-sitwazzjoni tiġi rimedjata?

Response (GATT, AUSTIN)

Normalment il-provvista ta' l-ilma fi Triq il-Qamh hija addekwata. Minħabba raġunijiet tekniċi li m'għandhomx x'jaqsmu mal-mejn ta' din it-triq, xi kultant is-sistema tad-distribuzzjoni f'din it-triq tbagħti min pressa baxxa. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma qed tinvestiga x'jista' jsir biex ma jibqgħux jinqalgħu dawn il-problemi.
Leg 10 PQ #1676 Sitting 37 2003-09-30 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati — Membri li pprovdew petrol lil dgħajsa ta' klandestini

Question

Billi l-Ministru tal-Ġustizzja u Intern stqarr pubblikament li d-deċiżjoni li jingħata l-petrol lil dgħajsa mimlija klandestini ttieħdet on the spot minn membri tal-Forzi Armati ta' Malta, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk id-deċiżjoni ttieħditx on the spot mill-fizzjali li kienu abbord l-opra tal-baħar tal-Forzi Armati jew jekk kienux qegħdin jaġixxu fuq ordni superjuri ta' uffiċjal għoli tal-Forzi Armati? Jekk iva, min hu dan l-uffiċjal? Jekk id-deċiżjoni ngħatat mill-Forzi Armati ta' Malta, ma jaħsibx il-Prim Ministru li għall-ġejjieni għandu jkun ikkonsultat qabel ma tittieħed deċiżjoni amministrattiva li jista' ikollha konsegwenzi ta' natura politika ma' pajjiżi ġirien tagħna?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-Forzi Armati aġixxew skond interpretazzjoni ta’ “policy directives” li ġew stabbilita żmien ilu wara konsultazzjonijiet meħtieġa. Jidher li f’dan il-każ qamet diverġenza dwar interpretazzjoni legali wara li l-Forzi Armati kienu ħadu d-deċizjoni tagħhom b’mod trasparenti
Leg 10 PQ #1581 Sitting 35 2003-09-29 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Ħaż-Żebbuġ — Ta' l-Infetti - football ground

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li l-ground tal-football il-kbir komplut bl-area ċirkostanti f'Ta' l-Infetti Ħaż-Żebbuġ, li bħalissa jinsab encroached f'idejn iż-Żebbuġ Rangers FC jista' jgħaddi f'idejn iż-Żebbuġ Rangers FC b'ċens taħt l-iskema taċ-ċentri sportivi? Dan ikun jista' jiġi wżat għal skop kummerċjali wkoll?

Response (BORG, TONIO)

Kif diġa` ingħad fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 887, nikkonferma li l-ground tal-football f`Ta` l-Infetti Ħaż Żebbuġ jista` jgħaddi f`idejn iż-Żebbuġ Rangers FC b`ċens. Fil-fatt id-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjeta` bħalissa qed jaħdem fuq numru ta` proprjetajiet, fosthom dan il-każ, sabiex fil-futur mhux il-bogħod titressaq Riżoluzzjoni Parlamentari sabiex dawn jingħataw lil diversi Għaqdiet Sportivi u Għaqdiet mhux Governattivi oħra, b`ċens jew b`kera skond il-każ. Il-ħsieb huwa li l-ground tal-Infetti flimkien ma` l-area tad-dressing rooms jingħata b`ċens temporanju ta` 49 sena lil Żebbuġ Rangers FC. Il-kundizzjonijiet taċ-ċens, f`każijiet bħal dawn, jistipulaw illi l-użu tal-faċilitajiet sportivi għandu jkun esklussivament għall-isport li jista` jinkludi uffiċini għall-amministrazzjoni sportiva, gymnasiums, sport clinics, u faċilitajiet oħra għal min juża jew jiffrekwenta din il-proprjeta`, iżda mhux tali li jibdel in-natura prinċipali tal-kumpless sportiv. Dan ikun jista` jinkludi faċilitajiet ta` bar jew catering.
Leg 10 PQ #1672 Sitting 35 2003-09-29 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Klandestini

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienu l-klandestini li ġew mibgħuta lura mill-Italja nhar it-22 ta' Settembru 2003? Jista' jikkonferma li dawn kienu kollha l-istess klandestini li kienu fuq id-dgħajsa li ngħatat l-assistenza mill-Forzi Armati fl-ibħra territorjali Maltin ftit ġranet qabel? Kemm minn dawn il-klandestini se jintbagħtu lura l-Eġittu? Fejn qegħdin alloġjati u meta se jintbagħtu lura l-Eġittru? Kien hemm minnhom li applikaw għall-istatus ta' refuġjati, jekk hemm?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-klandestini li ntbagħtu lura mill-Italja nhar it-Tnejn, 22 ta` Settembru 2003, kienu mija tmienja u erbgħin (148). Minn stħarriġ li għamlet il-Pulizija Maltija, ġie ikkonfermat li dawn kienu fuq id-dagħjsa li kienet ingħatat l-assistenza mill-Forzi Armati ta` Malta ftit tal-ġranet qabel. Mija sitta u tletin (136) minnhom, li irriżulta li kienu Eġizzjani ġew ripatrijati dalgħodu. Ħdax oħra se jiġu ripatrijati dil-ġimgħa. Infurmat ukoll li ħadd minn dawn ma applika għal status ta` refuġjat.
Leg 10 PQ #1673 Sitting 35 2003-09-29 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Ripatriazzjoni ta' klandestini — Trattat bejn il-Libja u t-Tuneżija

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju waslu n-negozjati tal-Gvern biex jiġi konkluż trattat mal-Libja u mat-Tuneżija dwar ir-ripatriazzjoni ta' klandestini li jkunu waslu Malta minn dawn il-pajjiżi?

Response (BORG, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-negozjati mal-Libja huma fi stadju avanzat tant li sar skambju tat-test tal-ftehim. Fir-rigward tat-Tuneżija Malta għamlet proposta iżda sa issa għad ma hemm xejn konkret. Tajjeb pero` infakkar lill-Onor. Interpellant illi din it-tema ġiet diskussa fil-laqgħa tal-Ministri ta` l-Intern tal-Mediterran tal-Punent (CIMO) li saret f`Malta fil-25 ta` Settembru 2003 u hemm qbil li hu fl-interess tal-pajjiżi kollha involuti f`dal-proċess, Tuneżija u Libja inklużi, illi tinstab soluzzjoni għall-problema ta` l-Immigrazzjoni Illegali. Malta ser tuża l-Presidenza sabiex tintensifika l-kollaborazzjoni bejn il-pajjiżi membri f`dal-Forum.
Leg 10 PQ #1674 Sitting 35 2003-09-29 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Ħal Far — Ċentru ta' detenzjoni għall-klandestini

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema hu s-sit li ġie identifikat f'Ħal Far biex jintuża bħala ċentru ta' detenzjoni tal-klandestini? Meta se jibda x-xogħol fuq dan is-sit u meta hu maħsub li jibda jintuża? Jista' jgħid jekk għandux stima ta' kemm se jiġi jiswa? Jista' juża l-influwenza tiegħu biex l-għassa ma ssirx mill-membri tal-korp tal-pulizija li għandhom jiġu wżati għal xogħol aktar utili, iżda mill-forzi armati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi żewġ blokki fis-sit magħruf bħala ta` B`Xejn ġewwa Ħal Far ġew identifikati sabiex jintużaw bħala open centres għar-refuġjati. Ix-xogħol diġa` inbeda u huwa mistenni li jkun lest fil-futur qarib. Dan ix-xogħol qiegħed isir mill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet, għaldaqstant ma saritx stima ta` kemm huwa stmat li ser tkun l-ispiża. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi l-forzi tas-sigurta` jikkordinaw bejniethom ix-xogħol li jinvolvi l-immigranti illegali, skond ma jkun meħtieġ.
Leg 10 PQ #1675 Sitting 35 2003-09-29 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Ħal Far — Ċentru ta' detenzjoni għall-klandestini

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk fost il-klandestini detenuti fiċ-ċentri ta' detenzjoni hemmx speċjalizzazzjoni f'xi materja partikolari jew xi professjoni? Jista' jgħid jekk għandux xi pjanijiet biex dawn it-talin jingħataw opportunita', b'mod ikkontrollat, li jikkontribwixxu l-linja ta' speċjalizzazzjoni tagħhom għall-pajjiż f'xi xogħol waqt il-perjodu ta' detenzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fost l-immigranti llegali li fil-preżent jinsabu fiċ-ċentri ta` detenzjoni m`hemm ħadd li ddikjara ma` l-awtoritajiet li huwa xi professjonista jew li għandu xi speċjalizzazzjoni f`xi materja partikolari. Pero` tajjeb infakkar li meta applikant jingħata xi status, huwa qiegħed ukoll jingħata d-dritt tax-xogħol.

Ċentru Detox — Persuni jattendu għall-kura

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jattendu għall-kura fiċ-Ċentru tad-Detox fis-snin 1995, 1996, 1997, 1998, 1999, 2000, 2001, 2002 u 2003 (sal-31 ta' Awissu) sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Leg 10 PQ #1516 Sitting 30 2003-09-22 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Persuni ta' nazzjonalita' barranija — Applikazzjoni għal work permit

Question

Jista' il-Ministru jagħti rendikont dettaljat tan-numru ta' persuni barranin li applikaw għall-work permit fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003 (sal-31 ta' Awissu) sena b'sena? Jista' jgħid għal kull sena kemm minn dawk li applikaw ingħataw work permit, x'tip ta' xogħol qegħdin jagħmlu u x'inhi ċ-ċittadinanza tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika tat-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant. Biss qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm inħarġu/iġġeddu permessi ta` impjieg lill-barranin kif ukoll in-numru ta` dawk li ġew rifjutati għas-snin mitluba minnu. Ninfurmah ukoll li lista tal-persuni konċernati kienet tkun aġġornata kull xahar u din kienet toħroġ fil-Gazzetta tal-Gvern kull l-ewwel Tnejn ta` kull xahar. Mill-1 ta` Jannar 2002 din l-informazzjoni qed tidher biss fuq il-Website tad-Dipartiment ta` l-Informazzjoni. Din il-lista tinkludi x-xogħol li jkunu qed jagħmlu.
Leg 10 PQ #1517 Sitting 30 2003-09-22 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Persuni ta' nazzjonalita' barranija — Visas

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw visas lill-persuni tas-sess femminil mir-Russja, l-Ukranja, is-Slovenja, il-Latvia, il-Litwanja, l-Estonia, is-Slovakkia, ir-Repubblika Ċeka, il-Bulgarija, is-Serbia u l-Belorussia mis-sena 1990 sa l-2003 (sal-31 ta' Awissu)? Jista' jagħti l-eta' tagħhom? Jista' jgħid kemm minnhom ingħataw extensions u għal kemm-il darba? Jista' jagħti għal kull waħda r-raġuni għaliex il-permess ingħata għall-visa u għal kull extension? Jista' jgħid kemm minnhom ingħataw extension bis-saħħa ta' garanzija magħmula minn terzi persuni u jgħid jekk dawn it-terzi persuni humiex irġiel jew nisa?

Response (BORG, TONIO)

Mill-pajjiżi kollha msemmija mill-Onor. Interpellant huma ċ-ċittadini mir-Russja, Serbja, Ukranja u Belorussja li llum għandhom bżonn il-viża biex jidħlu Malta. Minn dawn il-pajjiżi mis-sena 2000 sal-lum 88,093 ġew aċċettati u 1,110 ġew rifjutati. Mill-pajjiżi l-oħra kollha mill-1992 sal-lum gew rifjutati l-viża, 510 persuni fil-punt tad-dħul tagħhom f`Malta. Il-bqija tal-informazzjoni mhux disponibbli f`forma kompjuterizzata.
Leg 10 PQ #1518 Sitting 30 2003-09-22 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Persuni ta' nazzjonalita' barranija — Impjiegi f'lukandi/stabilimenti ta' divertiment

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn ċittadini ta' nazzjonalita' barranija jaħdmu f'lukandi u stabilimenti ta' divertiment? Jista' jindika l-eta' tagħhom? X'job designation għandhom? Kemm ilhom Malta? X'ċittadinanza għandhom? Jista' jgħid jekk isirx kontroll biex jiġi assigurat li fil-fatt dawn l-impjegati jkunu qegħdin jagħmlu x-xogħol deskritt fil-work permit tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika tat-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant. Kif diġa` għidt fit-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1516 f`din l-istess Seduta, fuq il-Website tad-Dipartiment ta` l-Informazzjoni tiġi ppublikata kull l-ewwel Tnejn tax-xahar, lista aġġornata ta` dawk il-barranin li għandhom permess biex jaħdmu f`Malta. Din il-lista turi ukoll ix-xogħol li jkunu qed jagħmlu. Huwa d-dmir ta` Inspectors tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ kif ukoll tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta` Impjieg li jassiguraw li l-barranin li qed jaħdmu Malta jkunu qed jagħmlu xogħol li għalih ingħataw permess.
Leg 10 PQ #1519 Sitting 30 2003-09-22 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Pulizija — Taqsima ta' l-Immigrazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jagħti tagħrif dwar ix-xogħol li qiegħed isir sabiex it-Taqsima ta' l-Immigrazzjoni tal-Korp tal-Pulizija ikun konformi ma' l-esiġenzi ta' Schengen?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bi preparazzjoni għal meta Malta tkun parti mis-sistema ta` Schengen, il-membri kollha tat-Taqsima ta` l-Immigrazzjoni tal-Korp tal-Pulizija matul is-sena l-oħra u l-bidu ta` din is-sena bdew jingħataw taħriġ meħtieġ. Dan kien fl-ambitu ta` Twinning Project bejn Malta, ir-Renju Unit u Spanja, bil-parteċipazzjoni ta` esperti minn pajjiżi oħra ta` l-Unjoni Ewropea. Parti minn dan it-taħriġ kien jinvolvi wkoll lil xi membri mit-Taqsima ta` l-Immigrazzjoni kif ukoll tal-Forensika li ingħataw taħriġ barra minn Malta.
Leg 10 PQ #27 Sitting 29 2003-09-22 Written · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

ALE — Dingies

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li d-dingies il-ġodda ta' l-administrative law enforcement baqgħu ma ġewx utilizzati minkejja li ninsabu f'nofs is-sajf u li dawn jinsabu maħżunin fil-compound ta' St. Andrews? Jista' jagħti r-raġunijiet għala ma ġewx utilizzati? Jista' jikkonferma wkoll li l-vetturi Korandos mogħtija lill-istess taqsima mhux qed jiġu wżati u li dawn jinsabu maqfulin fil-garage tal-pulizija? Jista' jagħti r-raġunijiet għala għadhom ma ġewx utilizzati ħlief għal parata tal-police day?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħmir imsemmi mill-Onorevoli Interpellant beda jintuża.

Dipartiment tar-riżorsi u infrastruttura — Kunsilli lokali b'outstanding dues

Question

Jista' il-Ministru jagħti lista ta' kunsilli lokali f'Malta u Għawdex li għandhom outstanding dues dovuti lid-dipartiment u kemm huma s-somom dovuti? Liema kunsilli kellhom partijiet mis-somom dovuti waivered mill-ministru preċedenti u kemm kienu s-somom waivered?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #1509 Sitting 29 2003-09-22 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Pulizija — Każi ta' serq

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew imwettqa serqiet matul Ġunju 2003? Jista' jikklassifika s-serq? Jista' jgħid kemm ġew solvuti serq matul Ġunju 2003?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul Ġunju 2003 il-każi ta` serq li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, filwaqt li matul l-istess xahar il-Pulizija solviet 51 każ ta` serq.