Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pulizija — Investigazzjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma li saret investigazzjoni interna fil-konfront ta' l-uffiċjal li ismu qiegħed jintbagħat separatament? Jista' jgħid x'kien l-eżitu ta' dawn il-proċeduri?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 8106.

Pulizija — CID - Vetturi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma li 11-il spettur tal-pulizija tas-CID qegħdin jinqdew bi tliet vetturi tal-pulizija biss? Jista' jgħid għaliex il-korp mhux qiegħed jagħti a dispożizzjoni ta' dawn l-ispetturi aktar vetturi sabiex ikunu jistgħu jaqdu l-esiġenzi tas-servizz aħjar minflok ikollhom joqogħdu jittalbu biex ikollhom vettura?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi hemm mhux anqas minn 39 vettura għad-dispożizzjoni tat-taqsimiet ta' l-Investigazzjoni Kriminali tal-Pulizija. Minn dawn, 15 huma assenjati espressament mas-C.I.D., fejn fil-preżent hemm stazzjonati Assistant Kummissarju, Supretendent u 11-il Spettur. Ta' min jispjega ukoll illi matul kull ġurnata jkun hemm xi wħud minn dawn il-fizzjali li jkunu frank jew bil-leave u għaldaqstant il-vettura tagħhom tkun ukoll disponibbli għall-fizzjali l-oħra. Ta' min ifakkar ukoll illi l-Ispettur tal-Pulizija bħala kondizzjoni t'impjieg m'għandux il-faċilita' ta' vettura miegħu, kif għandhom 'ranks' ogħla minnu.

Qorti tal-Maġistrati — Esperti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ilhom ma jitħallsu l-esperti tal-qorti mqabbda mill-qorti tal-maġistrati u meta se jitħallsu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-każ tal-Qrati Għawdxin l-esperti mqabbda mill-istess Qrati qed jitħallsu regolarment. Fil-każ tal-Qrati Maltin, l-aħħar ħlas lill-esperti ta' l-istess Qrati sar f'Awissu 2004. Preżentement qegħdin jiġu proċessati l-kontijiet pendenti sabiex isiru l-ħlasijiet dovuti.

Pulizija — Rapporti ta' Serq

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa serqiet matul Settembru 2004? Jista' jikklassifika s-serq? Jista' jgħid kemm ġew solvuti serqiet matul Settembru 2004?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul Settembru 2004 il-każi ta' serq li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher hawn taħt, filwaqt li matul l-istess xahar il-Pulizija solviet 52 każ ta' serq. Hold up 5 Pick Pocketing 48 Snatch & grab 16 Serq minn dghajjes 13 Serq ta' dghajjes 6 Serq ta' karozzi 61 Serq minn karozzi 296 Serq minn residenzi 72 Serq minn barijiet / lukandi 63 Serq minn xtajtiet 59 Serq minn fabbriki 4 Serq minn hwienet 26 Serq iehor 263

Pulizija — Reati

Question

Jista' il-Viċi Prim Minisitru jgħid kemm ġew imwettqa reati matul Settembru 2004? Jista' jikklassifika r-reati? Jista' jgħid kemm ġew solvuti reati matul Settembru 2004?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub fl-ewwel u fit-tieni partijiet tal-Mistoqsija Parlamentari huwa kif jidher hawn taħt. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi matul Settembru 2004 kien hemm 304 persuna misjuba ħatja ta’ reati kriminali. Against morals/honour of family 2 Arson 6 Attempted offences 92 Bodily harm 89 Computer misuse 1 Administration of Justice etc 2 Damage 267 Drugs 5 Forgery 11 Fraud 13 Illegal Immigration 12 Prostitution 3 Sexual offences 3 Theft 932 Threats and private violence 10 Violation of places of confinement 1 Violence against public officers 8

Pulizija — Serq

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa serqiet matul Ottubru 2004? Jista' jikklassifika s-serq? Jista' jgħid kemm ġew solvuti serqiet matul Ottubru 2004?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul Ottubru 2004 il-każi ta' serq li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher hawn taħt, filwaqt li matul l-istess xahar il-Pulizija solviet 32 każ ta' serq. Hold up 5 Pick Pocketing 28 Snatch & grab 13 Serq minn dghajjes 8 Serq ta' dghajjes 2 Serq ta' karozzi 68 Serq minn karozzi 300 Serq minn residenzi 72 Serq minn barijiet / lukandi 56 Serq minn xtajtiet 30 Serq minn fabbriki 5 Serq minn hwienet 36 Serq iehor 269

Pulizija — Reati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa reati matul Ottubru 2004? Jista' jikklassifika r-reati? Jista' jgħid kemm ġew solvuti reati matul Ottubru 2004?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub fl-ewwel u fit-tieni partijiet tal-Mistoqsija Parlamentari huwa kif jidher hawn taħt. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi matul Ottubru 2004 kien hemm 240 persuna misjuba ħatja ta’ reati kriminali. Against morals/honour of family 4 Arson 10 Attempted offences 103 Bodily harm 105 Computer misuse 2 Administration of Justice etc 1 Damage 286 Drugs 10 Forgery 8 Fraud 10 Illegal Immigration 21 Prostitution 4 Sexual offences 2 Theft 892 Threats and private violence 3 Violation of places of confinement 1 Violence against public officers 9

CCF — CCTV cameras

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin hemm bejn wieħed u ieħor fuq 200 CCTV cameras u qegħdin jaħdmu taħt l-20 cameras biss? Għaliex kienu ġew ordnati daqstant cameras meta jidher li m'hemmx bżonnhom kollha? Meta ħarġet it-tender għas-CCTV cameras, min għamel l-offerti, lil min ġiet assenjata u kemm kienet tiswa t-tender?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-cameras tas-sistema CCTV jinsabu jaħdmu kollha, għajr waħda li għandha xi ħsara. Fir-rigward tat-tender għal din is-sistema nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 35028 fit-23 ta' Lulju 2002.

CCF — Punching Machine

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min iwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari li għandhom x'jaqsmu mal-faċilita' korrettiva ta' Kordin u jgħid jekk iweġbuhomx il-pulizija - in-numru tagħhom qed jintbagħat separatament - mingħajr ma jiġi nvolut id-direttur tal-ħabs? Jista' jgħid għaliex il-punching machine fl-entrance gate tal-faċilita' korrettiva ta' Kordin mhijiex tintuża? Jista' jgħid għaliex se tiġi stallata sistema oħra meta s-sistema tal-punching machine attwali tista' tiġi riparata? Jista' jgħid meta ħarġet it-tender għas-sistema l-ġdida, min għamel l-offerti, lil min ġiet assenjata u kemm kienet tiswa t-tender?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Mistoqsijiet Parlamentari li jirrigwardjaw id-Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi iweġibhom bir-responsabbilita' kollha d-Direttur. Ir-riċerka meħtieġa issir mis-surġent ta' l-uffiċċju amministrattiv, filwaqt illi s-surġent l-ieħor jiġi konsultat meta il-mistoqsija tkun relatata mas-sigurta' tal-Faċilita'. Fir-rigward tal-punching machine, ninsab infurmat li din kienu diġa' sarulha diversi upgrades u s-software tagħha illum huwa outdated. Minbarra dan, l-ispejjeż biex iżomm is-sistema kienet kibret ħafna. Is-sistema l-ġdida ma hijiex biss għall-użu ta' punching, iżda hija ukoll integrata mas-sistema' tas-sigurta'. Din ma inxtratx b'tender, iżda permezz ta' quotations u dan għaliex l-ispiża kienet taħt il-limitu rikjest għat-tenders.

Ħaż-Żebbuġ — Triq Imdina

Question

Jista' il-Ministru jagħti data approssimattiva meta l-karreġjata ta' Mdina Road, Ħaż-Żebbuġ mill-impjant tal-Medcor Radiators Limited safejn id-daħla għall-impjant ta' Vassallo Vibro Blocks kif ukoll Triq Għarram u t-toroq l-oħrajn fl-inħawi fejn hemm, barra residenti, konċentrazzjoni qawwija ta' negozji u industriji żgħar, se tkun ingħatat it-tarmak? Jista' jinnota li n-negozju f'dawn l-inħawi naqas konsiderevolment għad-dannu ta' l-istess operaturi? Jista' jgħid jekk setax ikun possibbli mill-bidu nett li Mdina Road tinħadem biċċa biċċa billi t-triq tidher li qegħda tinqala' kollha minn fejn is-supermarket Shopwise f'Ħal Qormi sa Ħaż-Żebbuġ? Jista' jgħid jekk huwiex possibbli li dik il-parti ta' Mdina Road fejn hemm in-negozji, ħdejn l-impjant ta' Vassallo Vibro Blocks, tiġi maħduma mmedjatament?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ix-xogħolijiet li qed isiru f'Mdina Road, Żebbug (bejn Shopwise Supermarket u r-Roundabout tas-Siġġiewi) huma maqsumin f'erba' fażijiet. Skond il-programm tax-xogħol li għamel il-kuntrattur l-asfaltar tal-parti msemmija huwa programmat li jinbeda fit-tieni ġimgħa ta' Diċembru. Mhux għal kollox minnu li l-karreġjata nqalgħet kollha f'daqqa. It-trufijiet, jiġifieri ix-xogħolijiet tar-roundabouts ta' ħdejn is-shopwise u r-roundabout li tgħati għas-Siġġiewi beda żewġ ġimgħat ilu. Dan sabiex jitnaqqas l-inkonvenjent għall-industriji msemmija. Fil-bidu tas-sena d-dieħla l-kuntrattur mistenni jibda l-karreġjata l-oħra. Dan kien l-aħjar phasing tax-xogħolijiet meta wieħed iqis iċ-ċirkustanzi kollha u l-alternattivi ta' traffic management li jeżistu.

Awtorita' dwar it-trasport — Konsulenti legali

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma l-konsulenti legali ta' l-awtorita' dwar it-trasport? Jista' jgħid meta ġew ingaġġati mill-awtorita' dwar it-trasport? Saret sejħa għall-offerti jew il-konsulenza ngħatat b'direct order? Kemm ħallset l-awtorita' dwar it-trasport għal din il-konsulenza sena b'sena?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Il-konsulenti legali ta’ l-Awtorita’ dwar it-Trasport huma Sapiano & Associates. Dawn ġew ingaġġjati mill-Awtorita’ mill-ewwel ta’ Jannar ta’ 2003. L-Onor Membru għandu jkun informat li saret sejħa għall-Expression of Interest għall-konsulenti legali ma l-Awtorita’. Dan l-avviż deher fil-gazzetti lokali kif inhu mniżżel hawn taħt : The Times April 25, 2002 Business Weekly April 25, 2002 In-Nazzjon April 25, 2002 L-Orizzont April 25, 2002 Malta Independent April 25, 2002 Malta Today April 28, 2002 Business Times Mejju 1, 2002 L-Awtorita’ dwar it-Trasport ħallset Lm20,700 fis-sena 2003 u Lm15,930 sa Settembru tas-sena 2004.

Seduta tas-sanita'

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex għadhom ma ttieħdux proċeduri kriminali għas-seduta tas-sanita' fil-konfront tal-persuna - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - u dan wara li sar rapport permezz ta' interpellanza legali fl-4/10/04 minn persuni - id-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament - liema interpellanza ġiet ukoll faxed lill-istess dipartiment tas-sanita' fit-18/10/04?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-Ispetturi tas-Saħħa għamlu spezzjoni fil-fond inkwestjoni fl-20 t' Ottubru, 2004 u l-ilment bil-miktub li dan id-Dipartiment irċieva fis-7 t'Ottubru ma ġiex ikkonfermat waqt din l-istess spezzjoni. Nissuġerixxi li l-ilment dwar ħsejjes li ħerġin mill-fond indikat, kif ukoll l-ilment dwar shaft li allegatament mhux skond il-liġi għandhom jiġu riferuti lid-Dipartiment konċernat peress li tali lment ma jaqgħux taħt ir-responsabilita' tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika. Madankollu, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta bil-miktub ser timgħata fl-iqsar żmien possibbli.

Korp tal-Pulizija — Membri li rriżenjaw

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm irriżenjaw pulizija mill-korp din is-sena? Kemm minn dawn telqu għax għamlu l-25 sena servizz jew aktar? Kemm telqu qabel iż-żmien?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena spiċċaw 71 membru mill-Korp tal-Pulizija. Minn dawn kien hemm 50 li kellhom 25 sena servizz jew aktar.

Awtorita' dwar it-trasport — Konsulenti legali

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma l-konsulenti legali ta' l-awtorita' dwar it-trasport? Jista' jgħid meta ġew ingaġġati mill-awtorita' dwar it-trasport? Saret sejħa għall-offerti jew il-konsulenza ngħatat b'direct order? Kemm ħallset l-awtorita' dwar it-trasport għal din il-konsulenza sena b'sena?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-Twġiba tingħata f'seduta oħra.

Faċilita' Korrettiva ta' Kordin — Priġunieri taħt l-Influwenza ta' Droga/Alkaħol

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma li lejn l-aħħar ta' Mejju 2004 il-priġunieri f'diviżjoni partikolari kienu taħt l-influwenza qawwija ta' droga jew alkoħol? X'passi ttieħdu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fl-ebda perijodu tas-sena ma jirriżulta li f'xi diviżjoni partikolari l-priġunieri kienu instabu jew kienu taħt influwenza ta' droga jew alkoħol. Jekk ikun il-każ, naċċerta lill-Onor. Interpellant li jittieħdu l-passi dixxiplinari kontra dawk involuti.

Faċilita' Korrettiva ta' Kordin — Christmas Party

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux veru li matul il-Christmas party tas-sena 2003 il-maġġoranza tal-priġunieri kienu fis-sakra? X'passi ttieħdu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-party tal-Milied tal-priġunieri jkun maqsum f'żewġ partijiet. L-ewwel parti hija dik ta' l-entertainment fejn jiġu mistiedna kantanti, għanejja u entertainers oħra. Dan idum għal madwar siegħa u nofs u ma jitqassam l-ebda tip ta' ikel jew xorb. It-tieni parti hija dik fejn il-priġunieri jingħataw borża bil-ħelu u tazza minerali waqt li dawn ikunu fid-diviżjoni tagħhom. Dan kollu jsir fil-preżenza ta' uffiċjali tal-ħabs SRT u membri tal-Bord tal-Viżitaturi. Fir-rigward tal-party tal-2003, ninsab infurmat illi ma kien hemm l-ebda rapport li xi priġunier kien fis-sakra kif allegat fil-mistoqsija.

Faċilita' Korrettiva ta' Kordin — Overtime

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma li l-uffiċjali tal-pulizija, li isimhom qiegħed jintbagħat separatament, qed jagħmlu 100 siegħa overtime fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin kull wieħed fix-xahar? Jista' jgħid jekk dan huwiex aċċettabbli għalih? Jista' jgħid x'xogħol sar minn dawn l-uffiċjali waqt dan l-overtime kollu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li għalkemm il-figura msemmija fil-mistoqsija ma hijiex korretta, dawn iż-żewġ uffiċjali jagħmlu ammont sostanzjali ta' overtime. L-ewwel uffiċjal li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, minbarra li jieħu ħsieb is-sigurta' ġenerali tal-Faċilita', qiegħed jieħu ħsieb il-proġett tal-Forensic Ward il-ġdid ġewwa Mount Carmel. Rigward it-tieni uffiċjal li saret referenza għalih, dan, minbarra li għandu r-responsabbilita' tal-uffiċċju amministrattiv, jieħu ħsieb l-iskwadra tal-S.R.T. Huwa ukoll għandu d-dmirijiet diretti mogħtija mid-Direttur tal-Ħabs. L-overtime li jagħmlu dawn l-uffiċjali huwa regolat mill-bżonnijiet ta' dawn id-doveri.

Faċilita' Korrettiva ta' Kordin — Vettura involuta f'inċident

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-vettura Hyundai Lantra li tintuża fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin kenitx involuta f'xi inċident u ġarrbet ħsarat estensivi? Jista' jispjega ċ-ċirkostanzi ta' dan l-inċident? X'passi ttieħdu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-vettura msemmija kienet involuta f'inċident tat-traffiku fejn ġabret ħsarat żgħar fuq in-naħa tax-xellug. Bħal ma jiġri dejjem f'każi bħal dan, sar rapport lill-pulizija. Il-parti l-oħra involuta għamlet dikjarazzjoni li lesta biex tħallas l-ispejjeż tal-vettura tal-gvern. Il-vettura kienet fuq xogħol tal-Faċilita' u l-każ għadu qed jiġi mistħarreġ.

Faċilita' Korrettiva ta' Kordin — Ħwejjeġ tal-Priġunieri

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma li x-xogħol ta' xiri ta' ħwejjeġ u bżonnijiet tal-priġunieri fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin li kien jagħmlu gwardjan, issa qiegħed jagħmlu surġent tal-pulizija? Jekk iva, jaqbel il-Viċi Prim Ministru li dan ix-xogħol ma jispettax lill-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-uffiċjal li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, ġie inkarigat mid-Direttur tal-Ħabs biex jorganizza t-tuck shop il-ġdid. Riżultat ta' dan ix-xogħol, illum il-priġunieri qegħdin igawdu minn xelta vasta ta' oġġetti u bi prezzijiet ferm orħos. Riżultat ieħor pożittiv kien li d-dipartiment iffranka l-uffiċjal li ta kuljum kien jintbgħat jixtri l-bżonnijiet tal-priġunieri minn barra. Ix-xiri ta' oġġetti ma jsirx minn dan is-surġent kif allegat fil-mistoqsija, iżda dejjem sar minn uffiċjala gwardjana tal-ħabs.