Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pulizija — Serq

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa serqiet matul Novembru 2004? Jista' jikklassifika s-serq? Jista' jgħid kemm ġew solvuti serq matul Novembru 2004?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul Novembru ta’ l-2004 il-każi ta’ serq li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher hawn taħt, filwaqt li matul l-istess xahar il-Pulizija solviet 175 każ ta’ serq. Hold up 6 Pick Pocketing 55 Snatch & grab 8 Serq minn dgħajjes 10 Serq ta’ dgħajjes 3 Serq ta’ karozzi 71 Serq minn karozzi 312 Serq minn residenzi 58 Serq minn barijiet / lukandi 45 Serq minn xtajtiet 2 Serq minn fabbriki 8 Serq minn ħwienet 46 Serq ieħor 243

Pulizija — Reati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa reati matul Novembru 2004? Jista' jikklassifika r-reati? Jista' jgħid kemm ġew solvuti reati matul Novembru 2004?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul Novembru ta’ l-2004 il-każi ta’ reati li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher hawn taħt, filwaqt li matul l-istess xahar kien hemm 122 persuna li ġew misjuba ħatja ta’ reati kriminali. Against morals/honour of family 2 Arson 4 Attempted offences 105 Bodily harm 75 Computer misuse 3 Administration of Justice etc 1 Damage 281 Drugs 11 Forgery 5 Fraud 24 Illegal immigration 5 Prostitution 3 Sexual offences 5 Theft 867 Threats and private violence 9 Violation of places of confinement 1 Violence against public officers 5

CCF — Taqsima ta' l-arti u ċ-ċeramika

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex iż-żieda fis-salarji ta' l-għalliema fit-taqsima ta' l-arti u ċ-ċeramika tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin għadha ma ġietx attwata? Jista' jara li l-għalliema f'din it-taqsima jingħataw il-finanzi opportuni mill-amministrazzjoni tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin tempestivament billi meta jiġu biex jixtru t-tafal mhux qegħdin isibu koperazzjoni biżżejjed?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ittra biex l-għalliem tal-pottery jitħallas bir-rata ta' Lm3.50 fis-siegħa waslet fis-7 ta' Lulju 2004. Dan beda jitħallas b'din ir-rata mill-ewwel ta' Lulju 2004. Sa llum għad m'għandniex approvazzjoni biex inħallsu b'xi rata oħra. Fir-rigward tax-xiri tat-tafal, ġejt infurmat li d-dewmien ma jkunx minn naħa ta' l-awtoritajiet tal-ħabs, imma minħabba ċirkostanzi oħra.

Pulizija — CID - Vetturi

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 9028, jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma li minkejja li hemm 15-il vettura assenjati espressament mas-CID xorta waħda l-ispetturi qegħdin jinqdew bi tliet vetturi biss?

Response (BORG, TONIO)

Kif diġa' għidt fit-tweġiba preċedenti dwar is-suġġett, kull Spettur stazzjonat fis-C.I.D. għandu vettura għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex ikun jista' jaqdi d-doveri tiegħu.

CCF — Taqsima ta' l-edukazzjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jispjega kif fit-taqsima ta' l-edukazzjoni tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin qegħdin isibu problemi biex ikollhom printer għall-uffiċċju tagħhom filwaqt li fl-uffiċċju ta' l-uffiċjal - id-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament - inxtara tv set? Jista' jgħid għal liema esiġenzi tas-servizz inxtara dan it-tv set? Kemm ġie jiswa t-tv set? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra rendikont tad-diversi esiġenzi tas-servizz kompjuti f'dan l-uffiċċju permezz ta' dan it-tv set?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi dan il-printer ġarrab ħsara li tammonta għall-Lm80. Ġie deċiż li s-sena d-dieħla jinxtara printer ġdid għal din it-taqsima. Sadanittant l-amministratur ingħata l-faċilita' li juża printer f'diversi uffiċini. Fir-rigward tat-TV set li jinsab fl-uffiċċju ta' l-uffiċjal imsemmi, ninsab infurmat li dan ilu hemm għal dawn l-aħħar 8 snin, u ċioe' qabel ma daħal dan l-uffiċjal f'dan l-uffiċċju. Li ġara huwa li l-control room kellhom bżonn screen akbar u għalhekk it-TV set li kien hemm fl-uffiċċju amministrattiv inbidel ma wieħed iżgħar mill-control room. Dan is-set jiġu użat biex jiġu iċċekkjati C.D.'s, C.D.R.'s u video tapes li jinġiebu lill-priġunieri. Minbarra dan, jintuża ukoll mas-sistema ta' sigurta'

CCF — Taqsima ta' l-edukazzjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'sar minnhom it-tlett monitors u video recorders li kienu ngħataw lit-taqsima ta' l-edukazzjoni fil-Faċilita' Korretiva ta' Kordin fl-1997? Jekk dawn ġew maħsuba biex jaqdu esiġenzi oħrajn fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin, ma jaħsibx li dawn għandhom jiġu sostitwiti b'apparat ieħor f'din it-taqsima?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi dawn l-oġġetti imsemmija mill-Onor. Interpellant ma kienux qegħdin jintużaw fis-sezzjoni edukattiva u għaldaqstant ingħataw għal użu mill-priġunieri fid-diviżjonijiet. Tħalla sett wieħed fl-iskola. Qatt f'dawn l-aħħar snin il-Co-Ordinator ta' l-iskola ma talab biex jiżdied dan l-apparat.

CCF — Taqsima ta' l-edukazzjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jispjega għaliex fit-taqsima ta' l-edukazzjoni tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin is-servizz tat-telefon dam 12-il ġurnata biex jissewwa u dan b'periklu kbir għall-għalliema li jkunu weħidhom mar-residenti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ħsara ġiet irrapurtata lill-uffiċjal responsabbli ħames t'ijiem wara li seħħet. Din ġiet imsewwija l-għada. Jumejn wara reġgħet ġrat l-istess ħsara li ġiet imsewwija dak in-nhar stess. Tajjeb wieħed jgħid li fiż-żewġ okkażjonijiet kienet ħsara ta' vandaliżmu (tqaċċiet tal-wire mit-terminal).

CCF — Għalliema

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ttieħdu fil-konfont ta' dawk l-uffiċjali tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin li deliberatament qaflu għalliema f'kamra mar-residenti u sofriet minn xokk kbir minħabba l-inċident?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-amministrazzjoni tal-ħabs qatt ma irċeviet xi rapport kemm uffiċjali jew le fuq dak li hemm allegat fil-mistoqsija.

CCF — Punching Machine

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 8979, jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti tagħrif u/jew dettalji tas-software li jgħid li huwa outdated? Jista' jgħid x'assessment jew studju sar biex jistabilixxi li l-ispejjeż biex iżomm is-sistema tal-punching machine kienet kibret ħafna? B'kemm kibret l-ispiża?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li s-software għall-punching machine il-qadima huwa Inova Master/MS DOS. Dan kien inxtara fl-1997. Mill-assessment li sar, irriżulta li din is-sistema kienet qed tiswa lid-dipartiment madwar Lm350 fis-sena għal cards, u madwar Lm150 fi spejjeż ta' manutenzjoni u cartridges u karti. Barra minn hekk din riedet tiġi estiża (upgraded) biex minn 256 user issir għall-400. Din is-sistema ma kienetx tipprovdi access control. L-ispiża biex titħaddem is-sistema l-ġdida hija ferm anqas, u dan għaliex din taħdem b'sistema ta' FOB's li għalkemm jqumu daqs il-cards li kienu jintużaw qabel, iservu ferm aktar, minbarra li s-software għall-access control li ma kellhiex is-sistema l-qadima qiegħed fis-sistema l-ġdida.

CCF — Punching Machine

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 8979, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min kien/u l-uffiċjali tal-faċilita' korrettiva ta' Kordin li talbu l-quotations inkwestjoni? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-quotations kollha li ġew ippreżentati? Min għamel l-għażla u għaliex saret l-għażla tad-ditta/soċjeta' li pprovdiet l-apparat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi wara li ġie deċiż li jinxtara apparat ġdid, id-Direttur inkariga lid-Dipartiment tas-Sigurta' fil-Faċilita' biex jiġbor il-quotations. L-għażla finali saret mid-Direttur. Għalkemm din kienet l-orħos fost it-tlett quotations, din intagħżlet għax kienet taqdi il-funzjonijiet li għandu bżonn id-dipartiment. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-quotations.

Ġustizzja u Intern — Safar

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti rendikont dettaljat tan-nefqa in konnessjoni ma' safar ta' delegazzjonijiet immexxija minnu matul is-snin 2003 u 2004 (sat-18 ta' Novembru 2004)? Jista' jagħmel breakdown għal kull safra? Jista' jagħti rendikont dettaljat tan-nefqa in konnessjoni ma' safar ta' delegazzjonijiet li ma kienx parti minnhom minn dekasteri li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu?

Response (BORG, TONIO)

Għal dak li jirrigwardja safar ta' delegazzjonijiet immexxija minni u dawk tad-dipartimenti li jaqaw taħt id-dekasteru tiegħi fl-2003, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 4286, filwaqt li għal dak li jirrigwardja safar fl-2004 mid-dipartimenti li jaqaw taħt id-dekasteru tiegħi, nirreferih għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 8904. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont tas-safar ta' delegazzjonijiet immexxija minni matul l-2004.

CCF — Uffiċjal

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma li l-uffiċjal - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - jieħu ruxxmata sigħat overtime fix-xahar fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin u lanqas biss jitniżżel fid-detail bħala uffiċjal li jkun ħa l-overtime? Jista' jispjega għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-uffiċjali li saret referenza għalih mill-Onor. Interpellant, huwa l-uffiċjal ewlieni inkarigat mis-sigurta' tal-ħabs. Is-sigurta' tirrikjedi attenzjoni 24 siegħa kuljum u għaldaqstant ma tistax tipprevedi il-ħinijiet jew il-bżonn li tkun meħtieġa l-preżenza tiegħu fil-ħabs. Minbarra dan ix-xogħol huwa ukoll ġie assenjat bir-responsabbilita' tal-Forensic Unit il-ġdida. Dan ix-xogħol ukoll jirrikjedi attenzjoni kontinwa biex jiġi żgurat li x-xogħol mitlub mill-kuntrattur isir skond il-ftehim u l-bżonnijiet tal-Unit.

CCF — Tender

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti rendikont dettaljat tat-tender tal-bibien u serraturi fil-bini l-ġdid tal-faċilita' korrettiva ta' Kordin, inklużi d-data meta nħarġet it-tender, min tefa' l-offerti, lil min ġiet assenjata u kemm kienet tiswa?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 36654 f'Seduta Nru. 812 tal-11 ta' Novembru 2002.

Pulizija — Sptar Monte Carmeli - cameras

Question

Jista' il-Viċi Prim Minstru jikkonferma li fil-Ward 10 il-ġdida fl-isptar Monte Carmeli ġew stallati aktar minn 12-il camera CCTV meta fil-ward m'hemmx aktar minn 12-il priġunier? Jista' jiġġustifika din in-nefqa? Min huma l-uffiċjali tal-faċilita' korrettiva ta' Kordin li huma nkarigat/i mill-aġġudikazzjoni tat-tender fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin?

Response (BORG, TONIO)

Fejn tidħol is-sigurta', in-numru ta' CCTV cameras meħtieġa biex ikopru kwalunkwe post ma huwiex regolat minn numri ta' persuni li jkunu ser jidħlu jew joħorġu minnu. Ninsab infurmat illi t-tender li jikkonċerna l-Forensic Unit inħareġ mid-Dipartiment tas-Saħħa u għaldaqstant nissuġerixxi lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-parti tal-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.