Jista' l-Ministru jgħid preżentament:
a) kemm huma d-depożiti fil-banek;
b) kemm hu s-self mill-banek f'Malta u Għawdex separatament;
c) kemm huma l-kontijiet ta' depożiti u ta' self rispettivament?
Jista' jagħti breakdown tas-self maqsum f'overdrafts, home loans u self ieħor, f'Malta u Għawdex separatament?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Għar-rigward tas-sejħa għall-applikazzjoni għall-post ta' Emergency ambulance respondent, jista' l-Ministru jgħid:
a) Meta hemm il-ħsieb li jsiru l-intervisti biex issir l-għażla għal dan il-post;
b) Kemm kien in-numru ta' persuni li applikaw għal dan il-post;
c) Kemm hemm postijiet vakanti f'Malta; u
d) jekk hemmx postijiet vakanti f'Għawdex?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninsab infurmat li l-proċess beda u l-intervisti se jkunu qegħdin jibdew din il-ġimgħa stess. Total ta’ applikati kien ta’ tliet mija u tlieta u sebgħin (373) u dawk magħżula se jitqassmu skont il-ħtieġa.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża ta' ħatriet fuq bordijiet fis-sena 2012 u kemm hu stmat li tkun l-ispiża fis-sena kurrenti?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qegħda tinġabar.
Tajjeb illi l-Onor. Interpellant jiftakar illi kien hemm tibdil fid-dekasteri bejn l-2012 u l-2014 u għalhekk ir-responsabbilta` għal numru ta’ bordijiet li kienu jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru fl-2012 issa taqa’ taħt Ministeri oħrajn diversi.
Sptar Ġenerali t’Għawdex – trattament bil-kimoterapija
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10246, fejn fit-tweġiba tiegħu l-Ministru qal li skont il-ftehim mal-ispeċjalisti tal-Onkoloġija, dawk il-pazjenti Għawdxin li jkollhom bżonn trattament bil-kimoterapija li jinkludi 5-FU u Adjuvant Herceptin, liema pazjenti mill-bidu ta' din is-sena ammontaw għal 26, kollha ngħataw il-possibbiltà li jirċievu s-servizz tal-kimoterapija f'Għawdex, jista' jagħti tweġiba għall-mistoqsija parlamentari oriġinali u jgħid kemm fil-fatt kienu dawk il-pazjenti minn dawn is-26 li ngħataw is-servizz tal-kimoterapija fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex?
Response (MIZZI, KONRAD)
Dawn is-sitta u għoxrin (26) pazjent li qiegħed isemmi l-Onor. Interpellant kollha ngħataw il-Kimoterapija f’Għawdex.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10154, fejn il-Ministru qal li matul is-sena 2013 kien hemm 1,627 donatur tad-demm f'Għawdex filwaqt li matul l-ewwel sitt xhur tas-sena 2014 kien hemm 847 donatur, jista' jagħti tweġiba għall-mistoqsija oriġinali u jgħid kemm fil-fatt kien in-numru ta' donaturi tad-demm fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex (xahar b'xahar) minn Novembru 2012 sa Ġunju 2014?
Response (MIZZI, KONRAD)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra t-tagħrif mitlub.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 9866, fejn fit-tweġiba tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2014 il-Ministru qal li r-risposta se tingħata f'seduta oħra, jista' issa jagħti t-tweġiba tiegħu?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li persuni Maltin mhux residenti hawn Malta huma ntaxxati bir-rati għall-non residents u jekk xi d-dħul minn dividendi jaqa’ fit-threshold ta’ rata ta’ taxxa inqas minn 35% dawn huma ntitolati għar-rifużjoni (kollha jew parti minnha) ta’ taxxa miżmuma minn ras il-għajn fuq l-istess dividendi billi jiddikjaraw id-dħul mid-dividendi fir-rendikont tat-taxxa għas-sena li fiha jkunu rċivew id-dividendi.
Ir-Rabat (Għawdex) – Triq Borg Olivier – Irranġar ta’ Ħajt tal-Parkeġġ
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7686, li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex, fejn fit-tweġiba tiegħu l-Ministru talabni biex nirreferi l-mistoqsija lill-Ministru responsabbli mill-Kunsilli Lokali, jista' l-Ministru jara li l-ħajt tal-parkeġġ li hemm fi Triq Borg Olivier, ir-Rabat, Għawdex, liema ħajt jinsab fuq in-naħa ta' wara ta' dan il-parkeġġ, jiġifieri fi Triq San Ġużepp Labre, isirlu x-xogħlijiet meħtieġa peress li l-istess ħajt jidher li hu fi stat imminenti li jiġġarraf?
Response (BONNICI, OWEN)
Bħal ma jaf sewwa l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta’ Gvern lokali b’personalità legali distinta u fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom jaġixxu skont il-prijoritajiet, esiġenzi u l-mezzi tagħhom. Madanakollu ninforma lill-Onor. Interpellant li jiena għaddejt l-ilment lill-Kunsill Lokali kkonċernat.
Sptar Ġenerali t’Għawdex – trattament bil-kimoterapija
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' pazjenti Għawdxin li kellhom bżonn trattament bil-kimoterapija u li ngħataw dan is-servizz fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex stess mill-bidu ta’ din is-sena? Jista' jgħid kemm pazjenti Għawdxin ingħataw dan is-servizz f'Malta fl-istess perijodu?
Response (MIZZI, KONRAD)
Skont il-ftehim milħuq mal-ispeċjalisti tal-Onkoloġija, dawk il-pazjenti Għawdxin li jkollhom bżonn trattament bil-Kimoterapija li jinkludi 5-FU u Adjuvant Herceptin kollha ngħataw il-possibilità li jirċievu s-servizz f’Għawdex. Dawn kienu jlaħħqu s-sitta u għoxrin (26) pazjent.
Pazjenti oħra Għawdxin illi l-Ispeċjalisti ħassew li kellhom bżonn trattament bil-Kimoterapija fl-Isptar Boffa kienu jlaħħqu d-disgħa u erbgħin (49) pazjent.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien in-numru ta' donaturi tad-demm fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex (xahar b'xahar ) minn Novembru 2012 sa Ġunju 2014?
Response (MIZZI, KONRAD)
Matul is-sena 2013 kien hemm elf sitt mija u sebgħa u għoxrin (1627) donatur tad-demm Għawdex filwaqt li matul l-ewwel sitt (6) xhur tas-sena 2014 kien hemm tmien mija u sebgħa u erbgħin (847) donatur.
Dipartiment tal-Edukazzjoni — studentio tal-iskola Primarja ta' Għajnsielem
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Edukazzjoni għandux il-ħsieb li l-istudenti tal-iskola Primarja Anton Cassar f'Għajnsielem jiġu trasferiti għal skejjel oħra f'Għawdex?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li m’hemm l-ebda ħsieb li l-istudenti tal-iskola Primarja Anton Cassar f’Għajnsielem jiġu trasferiti għal skejjel oħra f’Għawdex.
Peress li meta koppja miżżewġa jiġu biex jimlew il-formola tat-taxxa u jirriżulta li l-komputazzjoni separata tkun taqblilhom aktar u allura dawn jistgħu japplikaw ir-rata ta’ persuna waħidha għal kull wieħed mill-koppja u peress li skont dokumenti maħruġa mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni din il-miżura tapplika għal dak l-income li jkun ġej minn impjieg, negozju jew pensjoni, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’inhi r-raġuni li meta koppji miżżewġin li jgħixu Malta u għandhom pensjoni ġejja mill-Awstralja, meta qed jitolbu biex id-dħul mill-pensjoni tagħhom jiġi maħdum fuq komputazzjoni separata qed jiġu nfurmati li fil-każ tagħhom din ma tapplikax?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li koppja miżżewġa li jgħixu hawn Malta u li għandhom pensjoni ġejja mill-Awstralia huma ntitolati għall-komputazzjoni separata sakemm il-pensjoni qed jirċevuha minħabba impjieġ tal-passat. Fejn pensjoni mhix qed tingħata minnħabba impjieġ tal-passat, dan id-dħul ma jikkwalifikax għall-komputazzjoni separata.
Meta xi ħadd jistalla pannelli fotovoltajiċi u jirriżulta li għandu jieħu ħlas tal-enerġija li jkun għadda lill-Enemalta, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan l-ammont ta’ flus li jingħata hux taxxabbli?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli nterpellant li ħlas mill-EneMalta ta’ enerġija ġġenerata minn pannelli fotovoltajiċi nstallati minn ndividwi privati, jiġifieri mhux kumpaniji, f’bini residenzjali ghall uzu domestiku mhumiex taxxabbli.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk persuni Maltin li jgħixu barra minn Malta u jinvestu f’shares f’banek lokali jew entitajiet oħra hawn Malta humiex intitolati li jitolbu għal rifużjoni (kollha jew parti minnha) mit-taxxa ta’ 35% li l-entitajiet imsemmija jkunu għaddew lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Dipartiment tat-Taxxi Interni – taxxa fuq id-dħul minn kera ta’ postijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tat-Taxxi Interni għandux xi ħsieb li dħul minn kera ta’ postijiet, jibda jiġi ntaxxat bir-rata fissa ta’15%?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli nterpellant li l-wegħda tal-Budget 2014 li dħul minn kirjiet ta’ bini residenzjali u garaxxijiet mhux kummerċjali rċevuti mill-1 ta’ Jannar, 2014 l-quddiem jiġu ntaxxati b’rati finali ta’ 15% ser tiġi mnedija dalwaqt.
MCAST – Diploma in Leadership and Management f’Għawdex
Question
Peress li jidher li hemm interess minn numru mhux ħażin ta’ persuni minn Għawdex li huma interessati li jsegwu l-kors offrut mill-MCAST Diploma in Leadership and Management u peress li dan il-kors qed jingħata biss mill-MCAST f’Malta, jista’ l-Ministru jara li dan il-kors, minn Ottubru li ġej, jibda jingħata ukoll mill-MCAST f’Għawdex?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-MCAST se tistħarreġ il-possibilta` li dan il-kors isir f’Għawdex matul is-sena skolastika li jmiss. Jekk il-konkorrenza għal dan il-kors tkun waħda tajba, l-MCAST ma ssib l-ebda diffikulta` li tagħti dan il-kors f’Għawdex, kif wara kollox, għamlet fuq korsijiet oħrajn matul dawn l-aħħar snin.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm qed tkun in-nefqa tal-Gvern ta' Malta biex jinkoraġġixxi it-tagħlim tal-Malti:
a. fi Brussel u l-Lussamburgu
b. fil-bqija tad-diaspora Maltija madwar id-dinja?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li kif miftiehem mal-Kummissjoni Ewropea, il-Gvern għandu l-obbligu li jissekonda edukaturi fl-iskejjel Ewropej skont kemm għandu studenti Maltin jattendu dawn l-istess skejjel. Dan direttament jgħin sabiex ikun ikkultivat it-tagħlim tal-Malti f’dawn l-iskejjel. Sal-lum hemm erba’ edukaturi ssekondati fl-iskejjel Ewropej imqassmin kif se nsemmi:
a) Brussell – żewġ Għalliema;
b) Lussemburgu – Għalliem u Assistent Kap ta’ Skola;
Rigward il-bqija tad-diaspora Maltija madwar id-dinja, infurmat li l-Ministeru tal-Edukazzjoni qed jgħin fix-xiri tal-kotba edukattivi iżda hemm diskussjonijiet għaddejja sabiex jinfirex l-inkoraġġiment tat-tagħlim tal-Malti f’dawn il-pajjiżi wkoll.
Uffiċċju tal-Prim Ministru – Direct orders fuq servizz ta’ trasport
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders fuq servizzi ta' trasport mill-Uffiċċju tal-Prim Minsitru minn Marzu 2013 sal-lum? Jista' jgħid min kienu l-kumpaniji li taw dan is-servizz u kemm kien l-ammont imħallas lil kull kumpanija?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Din it-tabella ma tinkludix r-risposta ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fejn jien infurmat li għadha qed tinġabar. Ngħarraf lill-Onoroveoli Interpellant li għal kull servizz ta’ transport intalbu tlett kwotazzjonijiet jew aktar, u l-approvazzjoni għad-direct order intalbet mill-Ministeru tal-Finanzi, għaliex hija meħtiega għal spi¿a li tkun ser teċċedi l-ammont ta’ €7,080 (€6,000 + VAT).
B'referenza għall-istqarrija għall-istampa ppubblikata fit-8 ta' Marzu 2014 fejn intqal li 170 intrapriza Għawdxija bejniethom se jħaddmu 357 persuna taħt l-iskema Gozo Employment Aid Programme, jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawn l-intrapriżi li qed jipparteċipaw f'din l-iskema, in-numru ta' persuni li kull kumpanija se timpjiega taħt din l-iskema u kemm se tkun l-għajnuna finanzjarja li kull intrapriża se tieħu (liema għajnuna hi ekwivalenti għal nofs il-paga ta' dawk l-impjegati ġodda)?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.