Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mata Enterprise — programmi ta' promozzjoni tal-investiment dirett barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Malta Enterprise matul is-sena 2014 implimentatx xi programm ta' promozzjoni tal-investiment dirett barrani f'Għawdex biex b'hekk jiġu attirati proġetti li mhumiex imfixkla mill-limitazzjoniet tal-gżira?

Response (CARDONA, CHRIS)

Iva.

Sptar Ġenerali t’Għawdex – donaturi tad-demm

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ donaturi tad-demm fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex matul is-sena 2012?

Response (MIZZI, KONRAD)

Matul l-2012 kien hemm elf, tmien mija u disgħa (1809) donaturi tad-demm fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Leg 12 PQ #11836 Sitting 198 2014-11-11 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għajnsielem – Xogħlijiet fuq id-dar tal-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li se jinbeda x-xogħol fuq id-dar tal-anzjani li hi ppjanata li tinbena f’Għajnsielem, Għawdex?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-pjani huma fi stadju avanzat, u fiż-żmien li ġej mistenni jibda x-xogħol fuq id-dar tal-anzjani.

Sptar Ġenerali t’Għawdex — refurbishment

Question

Jista’ l-Ministru x’investiment sar fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, fejn jirrigwarda refurbishment u titjib ieħor relatat ma’ servizzi, biex l-Għawdxin ikollhom sptar li tassew jixirqilhom?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninsab mgħarraf li fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex twaqqfu Day Care Unit, Chemotherapy Lounge, Paediatrics Ward, Detox Unit u Resuscitation Room at A&E/Casualty ġodda kif ukoll Changing Rooms ġodda għall-istaff. Sar rinnovar fis-sezzjoni amministrattiva ta’ Ibragg Wing, fil-Mental Health Wing, Mortwarja u fis-CSSD, b’tal-aħħar tinkludi tgħamir ġdid. Sar investiment f’tgħamir ġdid fl-Operating Theatres, Elderly Wards, flimkien ma’ għamara ġdida fil-Laboratorji. Qed isir ristrutturar tat-tagħmir tal-Maintenance Division. Twaħħlu għadd ta’ airconditioners fl-Isptar kollu, waterproofing tas-soqfa u tal-binja tal-Isptar, filwaqt li sar titjieb fuq l-Electrical Distribution Panel. Sar ristrutturar taż-żewġ kappelli u tlestew ix-xogħlijiet fil-kuriduri. Kien hemm titjib ieħor estensiv relatat ma’ servizzi ġodda fosthom tal-Kimpoterapija, fid-Day Care, fl-Endoscopy Suite fl-Operating Theatres li issa qed jiffunzjona kuljum, sessjonijiet waranofsinhar fl-Operating Theatres u fl-Outpatients, Twilight Service fir-Renal Unit sabiex jaqdi l-ħtiġijiet tal-pazjenti fuq djaliżi, Colorectal Cancer Screening u estensjoni tas-servizzi ta’ endoskopija; dawk marduta mal-Virtual colonoscopy, Pain Clinic, Rheumatology Outpatients. Saret estensjoni tas-servizzi tal-Kardjoloġija (tant li spiċċat il-waiting list) u dik tal-ortopedija, servizz ta’ ECG erbgħa u għoxrin (24) siegħa. Ġie introdott is-servizz ta’ Phlebotomy u ¿ieda fil-faxxa u numru ta’ consulenti fl-Isptar flimkien ma’ Discharge Liaison Service. Qed isir outsourcing tal-catering services għall-istaff u għall-pazjenti ta’ livell to a Grade A.

Sptar Ġenerali t’Għawdex – proġett ta’ mmodernizzar

Question

B’referenza għall-proġett ta’ mmodernizzar tal-kuriduri tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex u għall-mistoqisja parlamentari 11341, f’liema mistoqsija l-Ministru kien mitlub jgħid għal liema xogħol kien qed jirreferi meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari oħra bin-numru 10974, fejn it-tweġiba kienet tgħid li “il-ftit xogħol li kien twettaq lejliet l-elezzjoni ġenerali tal-2013 kien xogħol kożmetiku u mhux ta’ kwalità” u t-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 11341 kienet li “x-xogħol kożmetiku li rrefera għalih il-Ministru kien it-tibjid tal-kuriduri”, jista’ l-Ministru jgħid kif wasal għall-konklużjoni li jgħid li kien sar biss xogħol ta’ tibjid meta dokumenti uffiċjali jrui bil-provi li kien sar ħafna katar xogħol barra t-tibjid, fost oħrajn hemm ir-rapport annwali 2012 maħruġ mill-Ministeru għal Għawdex, fejn meta d-Direttur tal-Customer Care irreferiet għal dan il-proġett tgħid “This project involved the activities and components detailed hereunder, and is in an advanced state of competion: a. Lightning system; b. Fire alarm and detection system; c. Public address and background music; d. CCTV system; e. Water services – cold water mains, hot water main, chilled water mains, heating mains and fire fighting mains and new pump room; f. Corridor heating system; g. Tiling works, plastering, painting and related finishing works; h. Aluminium apertures; i. Timber door; j. Marble sills; k. False ceiling; u l. Bumper railing ?

Response (MIZZI, KONRAD)

Infakkar lill-Onor. Interpellant li fil-mistoqsija parlamentari tiegħu qed jirreferi għas-sena 2012 filwaqt li l-elezzjoni ġenerali seħħet is-sena ta’ wara, f’Marzu 2013.

Ir-Rabat Għawdex — Ċentru tas-saħħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għadx hemm il-ħsieb li ċ-ċentru tas-saħħa tar-Rabat Għawdex jiġi rilokat f'post ieħor? Jekk fl-affermattiv jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi xogħol relatat ma' din ir-relokazzjoni?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nikkonferma l-ħsieb li f’Għawdex ikun hemm Ċentru tas-Saħħa kif jixraq, mgħammar bis-servizzi kollha marbuta mal-kura primarja, kif hemm f’Ċentri tas-Saħħa f’Malta.

Sptar Ġenerali t'Għawdex — pjanijiet

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma x'inhu l-pjan tal-Gvern li għandu jwassal biex tiġi assigurata aktar awtonomija fit-tmexxija tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex?

Response (MIZZI, KONRAD)

Isptar Ġenerali ta’ Għawdex m’għadux jagħmel parti mill-Ministeru għal Għawdex iżda issa qed jifforma parti mill- Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa Ġie appuntat Chief Executive Officer flimkien ma’ tim ta’ tmexxija maniġerjali, fosthom Chief Operations Officer , Head Nursing Services u Assistant Head Nursing Services , li jirrapporta lill-awtoritajiet tas-saħħa bħall-entitajiet l-oħra kollha fid-Dipartiment tas-Saħħa. Dan it-tim għaddej bi sforzi kbar biex tiġi ristrutturata l-organizzazzjoni u hekk tiġi żgurata aktar trasparenza u konsistenza. Dan fi sfond ta’ Bord Strateġiku li jservi biex jiżgura li l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jimxi pari passu ma’ entitajiet oħra fid-Dipartiment tas-Saħħa u jiġi żgurat li s-servizzi offruti f’Għawdex ikunu tal-istess kwalità u standards bħal dawk f’Malta.

Skejjel — Proġetti ta’ tisbiħ u mmodernizzar

Question

Jista' l-Ministru jagħti breakdown tal-proġetti li saru minn Marzu 2013 sal-lum, ta' tisbiħ u mmodernizzar fl-iskejjel madwar Malta u Għawdex?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli bi tweġiba għal din il-mistoqsija. Tabella ‘A’ hija l-lista tat-tenders maħruġa mill-Fondazzjoni għall-iSkejjel ta' Għada għal proġetti ta' tisbiħ u mmodernizzar fl-iskejjel, filwaqt li Tabella ‘B’ tagħti breakdown tal-proġetti ta’ tisbiħ u mmodernizzar li saru fl-iskejjel tal-Istat madwar Malta u Għawdex minn Marzu 2013 sal-lum, ippreparata mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi.

Università f’Għawdex — korsijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn Marzu 2013 liema korsijiet żdiedu li jingħataw mill-Università f'Għawdex?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li minn Marzu 2013 ’l hawn, komplew isiru l-korsijiet kollha li qabel kienu jsiru Għawdex. Id-deċiżjoni dwar liema korsijiet għandhom jiftħu Għawdex tittieħed skont għadd ta’ kriterji, inkluż l-għadd ta’ applikanti li jkollhom il-kwalifiki meħtieġa għad-dħul fil-kors li għażlu u li jkunu jixtiequ jsegwu l-kors f’Għawdex. Fis-sena akkademika kurrenti hemm 117-il student Għawdxi li qed isegwu kors Għawdex.
Leg 12 PQ #11636 Sitting 197 2014-11-10 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għall-Finanzi

Dipartiment tad-Dwana – servizz ta’ proċessar ta’ dokumenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet r-raġuni li servizz ta' pproċessar ta' dokumenti li għandhom x'jaqsmu mad-Dipartiment tad-Dwana, liema servizz sa ftit taż- żmien ilu kien jingħata mill-MaltaPost lin-negozjanti u importaturi minn Għawdex f'Għawdex stess issa qed jingħata mill-Head Office tal-MaltaPost f'Ħal Qormi biss? Peress li din id-deċiżjoni qed toħloq inkonvenjent lill-klijenti minn Għawdex, jista' jara li dan is-servizz jerġa’ jibda jingħata minn Għawdex stess?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma kien hemm l-ebda kambjament fl-ipproċessar ta’ dokumenti li għandhom x’jaqsmu mad-Dwana f’Għawdex. L-aħħar kambjament sar f’Ġunju tas-sena 2013 meta pakketti b’valur ta’ inqas minn €420 jiġu pproċessati Malta, it-taxxi jitħallsu mill-posta u l-pakkett jiġi mqassam direttament id-dar li l-pakkett ikun indirizzat fih. Maltapost tiġbor it-taxxi li tkun ħallset mat-tqassim tal-pakkett lill-klijent. B’din is-sistema naqqasna residenti Għawdxin, li jmorru il-posta Għawdex biex jiġbru l-pakketti taghhom, dejjem meta id-dikjarazzoni tal-pakkett tkun tajba. Izda jista’ jkun hemm pakketti li jew ma jkollhomx dikjarazzjoni, jew ikun ċar li id-dikjarazzjoni ma hix korretta u dawn ma jkunux jistgħu jintbagħtu Għawdex imma jkollhom jinzammu Malta. Hafna drabi jkun il-kaz li jekk pakkett bħal dan imur Għawdex, jerġa’ lura hawn Malta. Dan joħloq konfuzjoni u dewmien zejjed lill-klijenti. Kemm jista’ jkun pakketti indirizzati għal Għawdex ma jinzammux Malta. Il-Maltapost f’Għawdex ma tinputtjax l-entries fis-sistema tad-Dwana, għaldaqstant meta pakkett ikollu valur ta’ aktar minn €420 dan ix-xogħol irid isir minn burdnar awtrorizzat Għawdex jew mill-posta ta’ Malta li meta tkun lesta l-entry twassal il-pakkett lejn Għawdex hi mingħajr il-bzonn li l-klijent jiġi hawn Malta.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u t-Twettiq tal-Manifest Elettorali — bordijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 11297 fejn fit-tweġiba tiegħu l-Ministru rreferieni għall-mistoqsija parlamentari 2683, liema mistoqsija kienet dwar lista ta' bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u min huma l-membri fuq kull bord, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11297 u ċjoè jgħid liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid għal kemm kienet tammonta l-ispiża tal-ħatriet fuq dawn il-bordijiet fis-sena 2012 u fis-sena 2013 u kemm hu stmat li se tkun l-ispiża fis-sena kurrenti?

Response (GRECH, LOUIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Sptar Ġenerali t’Għawdex – trattament bil-kimoterapija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqisja parlamentari W318 u ċjoè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10363, fejn fit-tweġiba l-Ministru qal li 26 pazjent Għawdxi mill-bidu ta' din is-sena kellhom bżonn trattament bil-kimoterapijali jinkludu 5-FU u Adjuvant Herceptin, jista' l-Ministru jgħid jekk dawn kinux jinkludui pazjenti li kienu qed jiġu kkurati bil-mediċina Aclasta u Zometa (zoledronic acid/ bisphosphonates) u Pamidronate Injection?

Response (MIZZI, KONRAD)

Is-sitta u għoxrin (26) trattament imsemmi kien apparti mit-trattamenti oħra li ngħataw tal- Aclasta u Zometa (zoledronic acid/ bisphosphonates) u Pamidronate Injection.

Għawdex – out-patients u in-patients

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 11344, jista’ l-Ministru jgħid kemm pazjenti li għandhom ir-residenza tagħhom f’Għawdex, irċevew servizzi ta’ out-patients u in-patients f’kull sptar tal-Gvern matul is-snin 2011, 2012 u 2013 separatament?

Response (MIZZI, KONRAD)

L-għadd ta’ out-patients u in-patient fi sptar f’Malta, fejn il-lokalità Għawdxija kienet irreġistrata bħala residenza kien kif ġej: fl-2011 sebat elef, mija u seba’ u sittin (7167); fl-2012 tmit elef u tletin (8030) u fl-2013 disat elef, mitejn u tlieta (9203).

Għawdex – ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10980 fejn fit-tweġiba ntqal li minn Marzu 2013 sa April 2014 in-numru ta' nies Għawdxin li kienu qegħdin jaħdmu fuq bażi full-time żdied b'570 li huma maqsuma 304 mas-settur privat, 63 ma’ entitajiet pubbliċi u 203 ma’ dipartiment tal-Gvern (total ta' 570) u b'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10992 fejn fit-tweġiba ntqal li fl-istess perjodu kien hemm 450 persuna minn Għawdex li l-impjieg tagħhom ġie tterminat u 77 biss minn dawn il-persuni sabu xogħol ieħor, jista' jagħti spjegazzjoni għad-diskrepanzi fil-figuri mogħtija?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10980 tirreferi għall-perjodu minn Marzu 2013 sa April 2014 filwaqt li r-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10992 hija għall-perjodu minn Marzu 2013 sa Awwissu 2014. Barra minn hekk, nixtieq niġbed l-attenzjoni għall-fatt li mhux kull min jitlef ix-xogħol minħabba redundancy imur għand l-ETC biex jirreġistra għax-xogħol. B’hekk il-figuri tat-tweġibiet mogħtija ma jistgħux jaqblu.

Għawdex — Proġett tal-Gozo Museum

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10993 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u li issa ġiet riferita lilu u jinforma lill-Kamra u jgħid meta hemm il-ħsieb li jinbeda x-xogħol fuq il-proġett tal-Gozo Museum li hu ppjanat li jsir fil-bini li qabel kien jintuża bħala Liceo Ninu Cremona fir-Rabat Għawdex?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat minn Heritage Malta li x-xogħol preparattiv sabiex il-bini msemmi jiġi ttrasformat f’Gozo Museum diġà beda, u dan qed isir b’kollaborazzjoni bejn Heritage Malta u l-Ministeru ta’ Għawdex.

Investimenti u inċentivi għal Għawdex

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 11115, fejn il-Ministru talabni nispeċifika għal-liema investiment u inċentivi qed nirreferi, jista' l-Ministru jgħid x'inċentivi ttieħdu jew se jittieħdu dwar il-Framework Specjali għall-Investiment f'Għawdex, konformi mar-regolamenti tal-Unjoni Ewropea, li jkun jinkludi inċentivi speċifiċi bil-għan li jiġi attirat aktar investiment li jiġġenera aktar xogħol produttiv u ta' kwalità aħjar f'Għawdex stess kif kien imwiegħed fil-manifest elettrorali tal-Partit fil-Gvern?

Response (CARDONA, CHRIS)

Il-Partnership Agreement mal-Unjoni Ewropea għadu kemm ġie ffirmat u qegħdin jiġu diskussi inċentivi u programmi partikulari li jistgħu jiġu ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea. Dawn jiġu konformi mal-Framework Speċjali għall-Investiment f’Għawdex. Għadu prematur li wieħed jitkellem fuq inċentivi taħt dan il-Framework partikulari f’dan l-istadju.

Ir-Rabat Għawdex – problema ta’ parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inizjattivi qed jittieħdu biex tinstab soluzzjoni effettiva kif titnaqqas il-problema tal-parkeġġ fir-Rabat Għawdex, b'mod li jiġu megħjuna kemm ir-residenti kif ukoll in-negozji?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li, f’din l-aħħar sena fil-ġranet meta ma jkunx hemm skola, il-parkeġġ li jinsab taħt l-iskola sekondarja tas-subien tar-Rabat jiġi miftuħ għall-użu ta’ parkeġġ għall-pubbliku flimkien mat-triq li tinsab bejn iż-żewġ skejjel sekondarji ta’ l-istess lokal.

Għawdex — Proġett ta’ Pixxina

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10984 fejn fit-tweġiba l-Ministru qal li l-Gvern qiegħed fil-preżent jistudja u jikkonsidra l-possibilitajiet kollha li jeżistu għall-bżonn ta' pixxina f'Għawdex, u meta wieħed jieħu in konsiderazzjoni x-xogħol kollu li sar fuq dan il-proġett mill-amministrazzjoni preċedenti, u anke l-wegħda fil-manifest elettorali fejn il-Gvern intrabat li jtejjeb l-faċilitajiet sportivi f'Għawdex bil-għan ukoll li nattiraw anki turiżmu sportiv lejn Għawdex, jikkonsidra l-Ministru li dawn weħidhom huma fatturi li juru l-bżonn li jsir dan il-proġett?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Kif ingħad fit-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 10984 li l-Onor. Interpellant irrefera tajjeb għaliha, nerġa’ ntenni li l-Gvern qiegħed fil-preżent jistudja u jikkonsidra l-possibiltajiet kollha li jeżistu għall-bżonn ta’ bini ta’ pixxina f’Għawdex. Rigward titjib tal-faċilitajiet sportivi f’Għawdex, il-Gvern hu kommess li jżomm il-wegħda elettorali tiegħu.
Leg 12 PQ #11464 Sitting 195 2014-11-04 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – Vot Kapitali– Item 713

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10985, jista' l-Ministru jagħti breakdown tal-ispejjeż li saru minn Diċembru 2013 sat-13 ta' Ottubru 2014 taħt Item 713 – Solid Waste Management li skont it-tweġiba jammontaw għal €35,792.00? Jista' jgħid jekk ix-xogħol involut tlestiex u jekk dan ammont imsemmi tħallasx?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab nfurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Jiena nfurmat ukoll li l-ammont imsemmi huwa mħallas fuq xogħol lest.