Forzi Armati ta’ Malta – persuni li applikaw għar-reklutaġġ
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 30632 fejn fit-tweġiba tagħha ngħadd li għall-aħħar sejħa għar-reklutaġġ għal suldati mal-Forzi Armati ta' Malta applikaw 498 kandidat, jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn l-498 għaddew mill-ewwel parti tal-e¿ami (Physical Efficiency test )?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi 366 kandidat għaddew mill-Physical Efficiency Test.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu maħsub li jkunu ngaġġati rekluti ġodda minn l-aħħar sejħa li ħarġet għar-reklutaġġ għal suldati mal-Forzi Armati ta' Malta?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li huwa maħsub illi mill-aħħar sejħa għar-reklutaġġ li ħarġet u li tagħha l-proċess ta’ selezzjoni għadu għaddej, il-fuq minn mitt rekluta ġdid se jiġu ngaġġati matul din is-sena.
Uffiċjali Priċipali fis-Servizz Pubbliku — sejħa għall-post
Question
B'referenza għall-aħħar sejħa għall-post ta' Uffiċjal Priċipali fis-Servizz Pubbliku ta' Malta, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienu dawk li għaddew mit-tieni parti li kienet tikkonsisti f'intervista strutturata? Jista' jgħid kemm hemm postijiet vakanti f'dan il-grad?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-riżultati għall-post ta’ Uffiċjal Prinċipali ħarġu u huma pubbliċi.
Il-vakanzi jimtlew skont il-prioritajiet tal-amministrazzjoni wara li saru b’serjeta HR plans għat-tlett snin li ġejjien. Dawn ir-rizultati huma validi għal sentejn.
Estimi Finanzjarji għas-sena 2016, Vote XII Capital Item 7215 — Gozo (Construction works and equipment at the Gozo General Hospital
Question
B'referenza għall-Estimi Finanzjarji għas-sena 2016, Vote XII Capital Item 7215 - Gozo (Construction works and equipment at the Gozo General Hospital ) fejn kienu ġew ivvutati miljun ewro, jista' l-Ministru jgħid jekk dawn il-finanzi ġewx użati kollha? Jista' jgħid fuq liema xogħlijiet jew apparat intefqu?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-figura li qed jagħmel referenza għaliha hu, hija mill-estimi approvati tal-2015 u mhux tal-2016.
Diskors tal-Baġit 2016 – twaqqif ta’ fond għall-ħaddiema
Question
B'referenza għad-Diskors tal-Baġit 2016 (Paġna 19) - fejn intqal li l-Gvern, fuq medda ta' żmien raġonevoli, se jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jindirizza l-anomaliji fuq diversi kategoriji ta' ħaddiema, fosthom il-ħaddiema tal-eks-Korpi tax-xogħol, tal-Electricity Board u Sea Malta, - u b'referenza għad-diskors tal-Bagit 2017(Paġna 45) - fejn intqal li ġew allokati €8miljun għat-twaqqif ta' fond li minnu se jsiru l-ewwel ħlasijiet lil ex-ħaddiema tal-korpi, ex-impjegati tal-Malta Electricity Board, il-każ tal-overtime tal-pulizija, u ex-ħaddiema tax-Xatt, jista' l-Ministru jgħid, matul is-sena 2017, liema minn dawn il-kategoriji ta’ ħaddiema se jieħdu ħlasijiet minn din l-allokazzjoni ta' €8 miljun u kemm se jkun hemm allokat għal kull kategorija?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Waqt li napprezza l-interess li llum qed juri l-Onor. Interpellant f’dak li għidt jien fid-Diskorsi tal-Baġit 2016 u 2017, ma nifhimx kif meta hu stess kien Deputat f’din il-Kamra f’bosta leġislaturi ma wera ebda heġġa biex jinstab tarf l-anomaliji tad-diveri kategoriji ta ħaddiema li issa mistennija jibenefikaw mill-fond imsemmi.
Nixtieq madankollu nserraħ ras l-Onor. Interpellant li l-allokazzjoni u t-tqassim ta dan il-fondi lill-ħaddiema eliġibbli se jsiru fil-ħin xieraq u bl-aktar mod ġust u trasparenti.
Jista' l-Ministru jara li jiġi rrimedjat inkonvenjent li Clubs tal-football qed jesperjenzaw meta d-dwal li hemm fil-ground ta' ħdejn l-Iskola Sekondarja tar-Rabat Għawdex, qed jintfew wara ftit minuti u dan wara li l-clubs kienu ħallsu €25 biex ikunu jistgħu jużaw dan il-ground għal 90 minuta? Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni li l-clubs qed iħallsu l-istess ammont biex jużaw il-ground ta’ ħdejn l-Iskola Primarja tax-Xewkija u d-dwal jibqgħu ma jinxtegħlux?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat illi kienet ittieħdet deċiżjoni interna li t-timer ikopri l-ħin mill-17:00 sad-21:30 fix-xitwa, u bejn is-18:30 sal-22:00 fis-sajf. Dan sar minħabba li kien mifhum li dan l-arranġament kien jissodisfa l-bżonnijiet, u minħabba li ma waslet l-ebda talba lid-Dipartiment tal-Eżamijiet sabiex jiġi mibdul il-ħin tat-timer. Madankollu, id-Dipartiment lest li dan jinbidel jekk hemm il-ħtieġa li dan isir.
Nindika wkoll bħala punt ta’ informazzjoni li ġejt mgħarraf li l-ispejjeż tad-dawl qed jitħallsu mid-Dipartiment tal-Eżamijiet.
Forzi Armati ta’ Malta – persuni li applikaw għar-reklutaġġ
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li applikaw għall-aħħar sejħa li ħarġet għar-reklutaġġ għal suldati mal-Forzi Armati ta' Malta? Jista' jgħid kemm hu maħsub li jkunu ngaġġati rekluti ġodda minn din is-sejħa?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fis-sejħa li ħarġet għar-reklutaġġ għal suldati mal-Forzi Armati ta’ Malta applikaw 498-il kandidat.
Id-Dipartiment tal-Eżamijiet m’għandux informazzjoni dwar kemm hu maħsub li jkunu ingaġġati rekluti ġodda minn din is-sejħa.
Servizz Pubbliku – Post ta’ Uffiċjal Prinċipali – persuni li applikaw
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li applikaw, u kienu eliġibbli, għall-aħħar sejħa għall-post ta' Uffiċjal Prinċipali fis-Servizz Pubbliku ta' Malta? Jista' jgħid kemm minn dawn għaddew mill-ewwel parti li kienet tikkonsisti f'test fl-abilità ġenerali? Jista' jgħid kemm ressqu għat-tieni parti li kienet tikkonsisti f'intervista strutturata? Jista' jgħid kemm hemm postijiet vakanti f'dan il-grad?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għall-post ta’ Uffiċjal Prinċipali fis-Servizz Pubbliku ta’ Malta applikaw 883 persuna. Minn dawn, 603 ġew meqjusa eliġibbli u ġew mistiedna għat-test tal-Abilità Ġenerali, u 285 kisbu marka li kienet minn 60 ‘il fuq u għaldaqstant ġew meqjusa li għaddew.
Id-Dipartiment tal-Eżamijiet ma kienx responsabbli għat-tieni parti ta' dan l-eżami u lanqas għandu informazzjoni dwar kemm hemm postijiet vakanti f’dan il-grad.
Servizz pubbliku – post ta’ Uffiċjal Prinċipali – marki tal-kandidati
Question
Rigward tal-aħħar sejħa li kien hemm għall-post ta' Uffiċjal Prinċipali fis-Servizz Pubbliku, jista' l-Ministru jgħid kemm kandidati ġabu iktar minn 70% u bejn is-60% u s-70%, separatament, fit-test dwar l-abilità ġenerali? Jista' jgħid kemm kandidati weħlu mill-ewwel parti? Jista' jgħid kemm kandidati għaddew mill-ewwel u t-tieni parti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-aħħar sejħa kien hemm 100 kandidat li ġabu iktar minn 70%, u 185 kandidat li ġabu bejn is-60% u s-70% fit-test dwar l-abilità ġenerali.
Kien hemm 275 kandidat li ġabu inqas minn 60%, u li għaldaqstant m’għaddewx. Huwa nnutat ukoll illi kien hemm 43 kandidat li ġew mistiedna għat-test dwar l-abilità ġenerali u kienu assenti.
B’kollox għaddew 285 kandidat mit-test dwar l-abilità ġenerali. Id-Dipartiment tal-Eżamijiet ma kienx responsabbli għat-tieni parti ta' dan l-eżami.
Servizz tal-ambulanza tal-ajru bejn Malta u Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ntuża s-servizz tal-ambulanza tal-ajru bejn Malta u Għawdex minn meta kien inawgurat fil-5 ta' Awwissu li għadda?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz tal-ambulanza tal-ajru ntuża sabiex ikun jista jkompli jingħata t-taħriġ neċessarju lill-ħaddiema li ser ikunu parti mit-tim li jitrasferixxi pazjenti mill-isptar Ġenerali ta’ Għawdex għal sptarijiet oħra f’Malta. Sa issa saru 29 titjira ta' taħriġ.
B'referenza għall-Estimi Finanzjarji għas-sena 2017, Vote 47 Recurrent Item 5896 (Gozo Private-Public Hospital) fejn ġew ivvutati €1.2 miljun jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra u jgħid għal-liema skop hu pproġettat li jintużaw dawn il-finanzi?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont imsemmi f’din il-mistoqsija parlamentari ser ikun qed jintuża għal-proġett ta’ Barts Medical School.
B'referenza għall-Estimi Finanzjarji għas-sena 2017, Vote 47 Recurrent Item 5862 (HospitalConcession Agreement - Gozo General Hospital) fejn ġew ivvutati t-€12.5 miljun, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra u jgħid x'inhu l-iskop li għalihom ġew ivvutati dawn il-finanzi?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-line item imsemmi minnu jirreferi għall-operat tal-Isptar Ġenerali t' Għawdex u jinkludi ħlas ta' dawl u ilma, pagi tal-ħaddiema tal-kuntrattur, mediċini u disposables u spejjeŻ relatati oħra fil-kuntest tal-agreement mal-kuntrattur.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li tneħħa l-kurċifiss mill-kamra tas-security tal-Head Office tal-Enemed Ltd. u tmexxa għall-uffiċċju ieħor, liema kurċifiss kien ilu hemm għal għexieren ta’ snin? Jista' jgħid jekk kienx hemm xi tibdil fil-policy dwar kurċifissi fl-uffiċini tal-Enemed? Jista’ jgħid x'ser tkun il-policy dwar kurċifissi fis-security u uffiċini oħra tal-Enemed Ltd, meta din tiċċaqlaq għall-istallazzjoni l-ġdida f'Ħas-Saptan?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-kurċifiss imsemmi fil-mistoqsija tiegħu flimkien m’affarijiet oħra li kien hemm fil-kamra tas-security kellhom jinqalgħu sabiex ikunu jistgħu jsiru l-manutenzjoni u r-refurbishment neċessarji b’mod urġenti sabiex l-impjegati jkunu jistgħu jaħdmu f’post tax-xogħol komdu. Ninsab informat li l-Enemed m’għandha ebda policy dwar kurċifissi.
Rabat Għawdex – Pjazza Indipendenza — ċitazzjonijiet
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 29270, jista' l-Ministru jgħid kemm, matul is-sena 2016, ingħataw ċitazzjonijiet mill-pulizija dwar parkeġġ illegali fiż-żona pedonali li hemm viċin Pjazza Indipendenza, fir-Rabat Għawdex?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat illi matul is-sena 2016, ingħataw mitejn u wieħed u sittin (261) ċitazzjoni mill-pulizija permezz ta’ traffic offence ticket, dwar parkeġġi illegali fiż-żona pedonali li hemm viċin Pjazza Indipendenza, fir-Rabat Għawdex
B'referenza għat-tabella li hemm fi Pjazza Indipendenza Rabat Għawdex (quddiem il-Knisja ta' San Ġakbu), li fuqha hemm indikat PEDESTRIAN ZONE - NO VEHICLES EXCEPT FOR UN/LOADING 07:00 - 10:30 = 15:00 - 17:00 -- BLUE STICKER CARD HOLDERS AND RESIDENTS, ACCESS FOR TAXI STAND AND MTA AUTHORIZED VEHICLE, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li persuni li għandhom il-Blue Sticker Card qed jingħataw ċitazzjonijiet minn uffiċjali tal-Pullizija meta jidħlu f'din iż-żona bejn l-10.30 u t-15.00?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
B'referenza għat-tabella li hemm fi Pjazza Indipendenza Rabat Għawdex (quddiem il-Knisja ta' San Ġakbu), li fuqha hemm indikat PEDESTRIAN ZONE - NO VEHICLES EXCEPT FOR UN/LOADING 07:00 - 10:30 = 15:00 - 17:00 -- BLUE STICKER CARD HOLDERS AND RESIDENTS, ACCESS FOR TAXI STAND AND MTA AUTHORIZED VEHICLE, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li persuni li għandhom il-Blue Sticker Card qed jingħataw ċitazzjonijiet minn uffiċjali tal-Pullizija meta jidħlu f'din iż-żona bejn l-10.30 u t-15.00?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat illi l-Pulizija tagħti ċitazzjonijiet ta' parkeġġ illegali lil kull vettura, inklużi dawk li għandhom Blue Sticker u li jkunu pparkjati fiż-żona pedonali li tinsab fi Pjazza Indipendenza. Dan peress li mhux permess ipparkjar f’din iż-żona, ħlief fil-parkeġġ riservat għat-Taxis u għal MTA. Fl-istess żona m’hemm l-ebda parkeġġ riservat għal min għandu Blue Sticker.
Il-Pulizija ma tagħtix ċitazzjonijiet lill-
Blue Sticker holders
waqt li jidħlu u joħorġu mill-istess żona.
B'referenza għad-Diskors tal-Bagit għas-sena 2017, fejn intqal li nfetħu djar fil-komunità għall-persuni b'diżabilità fis-Siġġiewi, Victoria u ż-Żurrieq, u anke li se jinfetħu għaxra oħra, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm residenti fid-djar diġà miftuħa tas-Siġġiewi, iż-Żurrieq u Victoria, separatament?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa:
- fid-Dar tas-Siġġiewi għandna erba’ klijenti;
- ġewwa d-Dar Residenzjani taż-Żurrieq, millum 21 ta’ Novembru ser jidħlu żewġ residenti;
- rigward id-Dar Residenzjali ġewwa r-Rabat Għawdex, għaddejjin bi tranżizzjoni ta’ żewġ klijenti.
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant, illi in vista tal-istandards il-ġodda, il-proċess ta' tranżizzjoni għad-djar fil-komunita' jinvolvi xogħol fejn qed ikun assigurat li r-residenti prospettivi ikunu sejrin f’ambjent li huwa kompatibbli mal-bżonnijiet u n-neċessitajiet tagħhom. Barra minn hekk qegħdin naraw li jkun imfassal programm individwali kif ukoll programmi oħra komuni għar-residenti kollha. Qegħdin nagħmlu fiċ-ċert ukoll li d-distakk minn mal-familja u mill-ambjent li jkunu mdorrijin jgħixu fih isir b’mod gradwali. Il-proċess ta’ tranżizzjoni qed isir minn tim multi dixxiplinarju.
B'referenza għall-ġest nobbli li għamel is-saċerdot minn Sannat Għawdex li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, meta wara l-mewt tiegħu li ġrat f'Lulju 2016, ħalla ġismu lill-Università ta' Malta biex jintuża għar-riċerka, jista' l-Minisiru jgħid jekk fil-gżejjer Maltin qattx kien hemm persuni oħra li wara mewthom għamlu l-istess għotja?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li iva, matul is-snin, kien hemm diversi persuni oħra li wara mewthom ħallew ġisimhom lid-Dipartiment ta’ l-Anatomija fl-Università ta' Malta sabiex jintuża għar-riċerka u l-istudju ta’ l-Anatomija. Dawn id-donaturi kienu kollha residenti fil-gżejjer Maltin u kien hemm numru minnhom li kienu ta’ nazzjonalità Maltija, kif ukoll barranin.
Tourism Promotion and Product Development – Vote 16 – Recurrent Line Item 5585
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28042, fejn is-sena li dwarha ntalbet l-informazzjoni, bi żvista, ġiet indikata 2017 minflok 2016, jista' l-Ministru jgħid fl-liema promozzjoni turistika ntefqu s-€700,000 li kienu ġew approvati taħt il-vot tal-Estimi Finanzjarji għas-sena 2016, eżattament Vote 16 Recurrent - line item 5585- Tourism promotion and Product development?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Persuni minn Għawdex maqtugħa mir-reġistru tax-xogħol
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28047, fejn fit-tweġiba ngħad li f'Għawdex, fis-sena 2015 u 2016 kien hemm, rispettivament 1,648 u 1,218 persuni minn Għawdex li nqatgħu mir-reġistru tax-xogħol u peress li dan għal Għawdex jidher li hu numru esaġerat jista' l-Ministru jgħid jekk dawn il-figuri humiex tajba u jekk fin-negattiv jista' jwieġeb il-mistoqsija oriġinali u jgħid kemm kienu l-persuni minn Għawdex li matul is-sena 2015 u 2016 (separatament) inqatgħu mir-reġistru tax-xogħol? Kemm kienu dawk li nqatgħu għax sabu xogħol? Jista' jgħid x'kienet ir-raġuni li nqatgħu l-oħrajn li ma sabux xogħol?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li ċ-ċifri li ngħataw fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 28047 huma korretti u jinkludu lil Għawdex biss.
Filwaqt li ċ-ċifri tal-qgħad mogħtija fl-aħħar tax-xahar juru numru ta’ persuni jirreġistraw b’mod uniku, meta tingħata informazzjoni dwar iċ-ċaqliq jew tibdil fir-reġistrazzjoni tal-qgħad, persuna tista’ tingħadd aktar minn darba skont kemm ’il darba l-istess persuna tkun daħlet jew ħarġet mir-reġistru (flow).