Legislature:
Category:
Reset
Active:

Swieqi/Madliena

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma t-toroq li hemm ippjanat li jsir xogħol fuqhom matul din is-sena fis-Swieqi u l-Madliena?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li fl-area imsemmija mill-Onorevoli Interpellant saru spezzjonijiet biex naraw x'kundizzjoni jinsabu fiha dawn it-toroq. Id-direttorat qed ihejji program għal bini ta' toroq ġodda, u t-toroq li jinħtiġilhom xogħol ser jiġu nkużi f'dan il-program skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Freeport — Soċjetajiet barranin

Question

Jista' il-Ministru jagħti informazzjoni lill-Kamra liema huma s-soċjetajiet barranin li qabel kienu jagħmlu użu mis-servizzi li jagħti l-freeport u li ma baqgħux jagħmlu użu minn dawn is-servizzi fl-aħħar tliet snin?

Response (GATT, AUSTIN)

L-informazzjoni mitluba għar-rigward tat-tliet snin ta' qabel il-privatiżżazzjoni tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Vetturi self drive/garage hire

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati vetturi bħala self drive (bl-ittra K) u vetturi garage hire (bl-ittri GY) separatament kull sena bejn l-1999 u l-2004? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawk li ġew reġistrati kull sena bejn l-1999 u l-2001 inbidlitilhom il-pjanċa minn dik tal-kiri għal waħda privata? Jista' jgħid x'kien il-mudell ta' dawn il-vetturi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Rigward il-vetturi li nbidlitilhom il-pjanċa minn dik tal-kiri għal waħda bejn l-1999 u l-2001, jammontaw għal 2061.
Leg 10 PQ #13518 Sitting 289 2005-07-11 Oral · Final From: FRANCO GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA — Reklamar fuq gazzetti Ingliżi

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 13347, jista' il-Ministru jgħid x'reklamar sar fuq gazzetti Ingliżi għall-perijodu Jannar sa Lulju 2005 mill-awtorita' Maltija għat-turiżmu? Kemm ġew iqumu f'kull każ, meta saru, fuq liema gazzetti saru u jista' jpoġġi kopja ta' dawn ir-riklami fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni mitluba għadha ma nġabritx u tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #13346 Sitting 287 2005-07-05 Oral · Final From: FRANCO GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Dħul mis-settur turistiku

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk id-dħul mis-settur turistiku li jidher fl-istatistika li tinħareġ kultant żmien jinkludix l-airport tax? Jista' jgħid kif kien id-dħul mit-turiżmu għal kull ras għall-perijodu Jannar sa l-aħħar ta' Mejju ta' l-aħħar ħames snin u jekk minn dan tnaqqsitx din it-taxxa? Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi porzjon ta' din it-taxxa li qed tmur għall-awtorita' Maltija għat-turiżmu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-istatistika li tinħareġ mill-NSO kull xahar dwar l-infieq tat-turisti, tinkludi fiha l-infieq tat-turist li jsir barra minn Malta meta jagħmel booking għal vakanza f'Malta u l-infieq li jsir f'Malta mit-turist waqt il-mawra tiegħu f'Malta. Għalhekk iċ-ċifra ta' l-infieq tinkludi l-airport tax. Iċ-ċifra ta' l-infieq tinkludi dħul għal Malta u anke flus li jibqgħu jew mmorru barra minn Malta, leakages. L-infieq tat-turist għal kull ras għal perjodu Jannar sa Mejju ta' l-aħħar erba' snin tinkludi ukoll l-airport tax. Jannar sa Mejju (Total Expenditure/Total Tourist Departures) 2005 - Lm 345 2004 - Lm 340 2003 - Lm 364 2002 - Lm 363 Jannar sa Mejju L-infieq tat-Turisti - Weighted Average 2005 - Lm 173 2004 - Lm 170 2003 - Lm 182 Dawn iċ-ċifri pubblikati mill-NSO huma bbażati fuq Tourstat Survey. Ċifri għal perjodu Jannar sa Mejju għas-sena 2001 ma kienux ipubblikati.
Leg 10 PQ #13347 Sitting 287 2005-07-05 Oral · Final From: FRANCO GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Reklami fuq gazzetti Ingliżi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġie jiswa kull reklam li nstab fuq gazzetti Ingliżi "Daily Telegraph" tal-14 ta' Ġunju u l-"London Sunday Times" tal-15 ta' Ġunju u jistax ipoġġi kopja tagħhom fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu ma kellha l-ebda reklam fil-ħarġa tal-14 ta' Ġunju tal-ġurnal Ingliż Daily Telegraph u lanqas fil-ġurnal London Sunday Times tal-15 ta' Ġunju. Fil-każ ta' dan ta' l-aħħar, id-data msemmija, il-15 ta' Ġunju, kienet il-ġurnata ta' l-Erbgħa mentri kif jindika ismu, dan il-ġurnal partikolari joħroġ nhar ta' Ħadd.

Freeport — Soċjetajiet barranin

Question

Jista' il-Ministru jagħti informazzjoni lill-Kamra liema huma s-soċjetajiet barranin li qabel kienu jagħmlu użu mis-servizzi li jagħti l-freeport u li ma baqgħux jagħmlu użu minn dawn is-servizzi fl-aħħar tliet snin?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Pembroke — Skola primarja

Question

Jista' il-Ministru jagħti resokont fiex wasal l-istħarriġ dwar il-ħajt li nbena f'parti ta' l-iskola primarja ta' Pembroke, fejn art pubblika ġiet mogħtija għal użu ta' klabb privat? Jista' jgħid x'passi dixxiplinarji jew ta' natura oħra se jittieħdu, u jekk dan il-ħajt hux se jitwaqqa?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Dipartiment ta' l-artijiet — Skola ta' Pembroke

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti resokont fiex wasal l-istħarriġ dwar il-ħajt li nbena f'parti ta' l-iskola primarja ta' Pembroke fejn art pubblika ġiet mogħtija għal użu ta' klabb privat? Jista' jgħid x'passi dixxiplinarji jew ta' natura oħra se jittieħdu u jekk dan il-ħajt hux se jitwaqqa"? X'involviment kien hemm f'dan il-każ tad-dipartiment ta' l-artijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern ma kienetx qiegħda tagħmel l-ebda stħarriġ fuq il-każ imsemmi mill-Onor. Interpellant. Peress li minn stħarriġ li sar, irriżulta li l-ħajt inbena fuq l-istruzzjonijiet tal-Kap ta' l-Iskola bl-għajnuna tal-Kunsill Lokali, l-Onor. Interpellant huwa mitlub jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Dipartiment ta' l-artijiet — Pembroke

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-art fejn hemm il-kamra tal-Characters li tinsab fuq tliet toroq f'Pembroke, Triq Cassino, Camilli Sciberras, L.Mifsud Tommasi, inqasmitx parti minnha lill-għaqda tal-MUSEUM billi hemm talba għal żvilupp u jekk il-parti rimanenti ta' l-art ingħatatx lil xi ħaddieħor għal użu separat? Jekk dan fil-fatt seħħ, ħarġet xi tender mid-dipartiment ta' l-artijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-art indikata mill-Onorevoli Interpellant hija proprjeta' tal-Gvern u l-ebda parti minnha m'hi allokata lil terzi. Fuq parti minn din l-art kienu ħarġu żewġ sejħiet għall-offerti mit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern sabiex jiġi żviluppat 'neighbourhood centre' fuq linji gwida maħruġa mill-MEPA. Din l-art pero' baqgħet mhux allokata għaliex ma kien hemm l-ebda offerent u għalhekk ser terġa' toħroġ sejħa għall-offerti fiż-żmien qarib. Fuq l-art ta' biswit, it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern irċeviet talba mingħand l-għaqda tal-MUSEUM sabiex jiġi żviluppat ċentru tad-duttrina nisranija, iżda sal-lum it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern għada ma allokatx din l-art. Infakkar li t-Taqsima ma tistax tikkunsidra talbiet għal użu speċifiku ta' art tal-Gvern qabel ma jkun hemm permess mill-MEPA għal tali użu, u fi kwalunkwe każ il-permess li jista' jinħareġ mill-MEPA ma jorbotx lit-Taqsima li tagħti din l-art għall-istess skop kemm jekk b'sejħa għall-offerti jew b'mod ieħor.

Importazzjoni ta' armi antiki

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma jekk daħlux kunsenji in bulk ta' armi antiki tul l-aħħar sitt snin? Kemm kienu l-armi tan-nar antiki li ġew liċenzjati għall-ewwel darba f'dawn l-aħħar għaxar snin? Jista' jgħid jekk hemmx xi bord li hu responsabbli mill-armi antiki, u jekk iva min serva fuq dan il-bord tul l-aħħar għaxar snin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub fl-ewwel parti tal-Mistoqsija mhux disponibbli taħt forma ta' statistika. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi mill-1996 l'hawn kien hemm 936 arma antika. Filwaqt li l-membri li servew fuq il-Weapons' Advisory Board kienu: 1996 - 2000 Is-Sur Harold Farrugia Is-Sur Mike Stroud Is-Sur Mario Gatt Is-Surġent Guido Aguis 2000 - 2003 Is-Sur Anthony Ghio Is-Sur Mike Stroud Is-Surġent Jesmond Cassar 2003 - Is-Sur John Spiteri Is-Sur P. Libreri Is-Sur S. Petroni Is-Supretendent N. Xuereb Il-Maġġur G. Galea Is-Surġent Jesmond Cassar

Persuni b'refugee jew humanitarian status

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-persuni li huma Malta b'refugee jew humanitarian status hux se jingħataw id-dritt tal-vot għal xi tul ta' żmien? Jista' jgħid xi drittijiet jew għajnuniet għandhom dritt għalihom persuni li jkunu Malta bħala refuġjati jew taħt id-definizzjoni ta' humanitarian protection?

Response (BORG, TONIO)

Il-vot hu marbut maċ-ċittadinanza u għalhekk min jiġi rikonoxxut bħala persuna protetta m'għandux vot. Id-drittijiet jew għajnuniet li għandhom dritt għalihom persuni li jingħataw status ta' refuġjat jew humanitarian protection huma bażikament dawk stabbiliti mill-Refugee Act.

Immigranti illegali

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'ikun l-impatt għal Malta tat-trattati ġodda li hemm maħsuba dwar is-salvataġġ fil-baħar u jagħti indikazzjoni ta' kemm huwa t-threshold li Malta tista' tiflaħ f'immigranti illegali f'detenzjoni jew f'ċentri miftuħa? Kemm huwa n-numru massimu ta' refuġjati jew overstayers li jista' jiflaħ ekonomikament jew soċjalment il-pajjiż?

Response (BORG, TONIO)

Qed issir evalwazzjoni, flimkien mal-partijiet konċernati, speċjalment l-Armata li hija responsabbli mis-sorveljanza marittima tal-kosta Maltija, dwar it-trattati ġodda li hemm maħsuba dwar is-salvataġġ fil-baħar. Dwar it-tieni parti tad-domanda Malta hija kommessa li tagħti għajnuna u protezzjoni lil min verament ikun ħaqqu u għalhekk qed isiru sforzi mill-Gvern biex Malta jkollha numru akbar ta' postijiet ta' akkomodazzjoni li jkollhom in-neċessitajiet bażiċi. Dan jinkludi il-bini ta' postijiet ta' akkomodazzjoni ġodda f'Ħal Safi.

Reġistrazzjoni ta' vetturi tax free

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn reġistrati vetturi bl-ittri (tax free)? Kemm kienu reġistrati vetturi bl-ittri TF kull sena mill-1996 'il hawn? X'inhuma l-kriterji li fuqhom wieħed jiddeċiedi jekk vettura għandhiex tkun reġistrata bl-ittri TF? X'inhuma l-ammonti li sid ta' vettura jiffranka kemm-il darba jirnexxielu jirreġistra vettura bl-ittri TF?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li bħalissa hawn 2953 vettura reġistrata bl-ittri TF. L-Awtorita’ dwar it-Trasport tirreġistra vettura bi pjanċi TF meta din il-vettura jew tiġi eżentata mill-ħlas ta’ dazju doganali mid-Dipartiment tad-Dwana jew tingħata eżenzjoni sħiħa jew parzjali fuq il-ħlas tat-taxxa tar-Reġistrazzjoni mill-Ministeru tal-Finanzi skond Artiklu 19 (2) tal-Att dwar Taxxa tar-Reġistrazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur, Kap 368 tal-liġi ta’ Malta. Fir-rigward tal-ammont tad-dazju doganali li wieħed jiġi eżentat nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat. Min-naħa l-oħra fir-rigward ta’ l-ammont ta’ taxxa tar-Reġistrazzjoni li tiġi ffrankata dan jiddependi skond l-eżenzjoni mogħtija mill-Ministeru tal-Finanzi u skond kif tiġi kklassifikata l-vettura mill-Awtorita’ dwar it-Trasport skond waħda mill-Kategoriji elenkati fit-Tieni Skeda ta’ l-Att dwar Taxxa ta’ Reġistrazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur, Kap 368 tal-liġi ta’ Malta. L-lista li turi n-numru ta' vetturi reġistrati bl-ittri TF kull sena mill-1996 l'hawn qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Financial management monitoring unit

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk bdietx tiffunzjona l-financial management monitoring unit li twaqqfet fi ħdan il-ministeru tas-saħħa? X'se jkunu l-funzjonijiet tagħha? Jekk twaqqfet u bdiet tiffunzjona, jista' jgħid jekk bediex isir xi stħarriġ dwar entitajiet tal-gvern? Tista' tghid x'inizjattivi se tieħu din it-taqsima biex ikun żgurat li ma jibqax jeżisti żbilanċ qawwi bejn is-salarji u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, użu tal-karozzi tal-kiri, użu tal-mobiles, eċċ., eċċ. ta' l-uffiċjali u mpjegati oħra fid-diversi entitajiet li fihom il-gvern għandu sehem ta' aktar minn 50%, inklużi awtoritajiet, korporazzjonijiet u aġenziji oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-financial management monitoring unit li twaqqfet fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi (u mhux kif elenkat fil-mistoqsija, fil-Ministeru tas-Saħħa) bdiet tiffunzjona f’Novembru tas-sena 2004. Il-funzjoni prinċipali hi li titfa’ lenti finanzjarja fuq l-entitajiet li fihom il-Gvern għandu ’l fuq minn ħamsin fil-mija (50%) ta’ l-ishma sabiex isir kontroll aktar bil-għaqal ta’ nfiq ta’ flus. Xi stħarriġ diġà beda jsir fost l-entitajiet kif ukoll ingħataw ċerti direttivi. Rigward is-salarji u l-kundizzjonijiet tax-xogħol l-FMMU tagħmel parti mill-Kumitat il-ġdid maħtur fi ħdan l-OPM, Recruitment and Redeployment Advisory Group (RRAG), li qiegħed jimmoniterja ċ-ċaqliq ta’ l-impjiegi/impjegati fl-entitajiet tal-Gvern. L-FMMU tirreferi għax-xogħol tal-Collective Bargaining Unit (CBU) rigward is-salarji u l-kundizzjonijiet tax-xogħol għaliex is-CBU għandha r-rwol li tqarrabhom aktar lejn xulxin. Rigward spejjeż kurrenti bħal użu tal-karozzi, mobiles eċċ qegħdin joħorġu direttivi kontinwi dwar l-użu bil-galbu tagħhom.
Leg 10 PQ #13188 Sitting 282 2005-06-21 Oral · Final From: FRANCO GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Host families — Tiġdid ta' permessi

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk kienx hemm host families li ma ġeddewx il-permess tagħhom għall-2005? Jista' jagħti rendikont ta' kemm kien hemm host families liċenzjati sena b'sena mill-2001?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li n-numri ta' Host Families liċenzati biex iżommu studenti magħhom bejn is-sena 2001 u s-sena 2005 kienu dawn: 2001 - 1,031 2002 - 1,097 2003 - 1,258 2004 - 1,691 2005 - 856 (sa llum) Naturalment, billi għadna f'Ġunju, hemm Host Families li kienu liċenzati s-sena l-oħra iżda li għadhom ma ġeddewx il-liċenza tagħhom għal din is-sena. Għalhekk, iċ-ċifra ta' 856 mistennija tiżdied fix-xhur li ġejjin kif jiġri kull sena.

Universtia' — Staff akkademiku

Question

B'riferenza għat-tweġibiet ta' mistoqsijiet parlamentari 11944, 11945, 11946, 12033, 11656 u 9269, jista' il-Ministru jikkonferma li m'hemm ħadd mill-istaff akkademiku full-time ta' l-Universita' li għandu peress jagħmel xogħol privat jew mhux uffiċjali waqt il-ħin tax-xogħol tiegħu b'eċċezzjoni għal dawk il-membri ta' l-istaff akkademiku li l-ħin tagħhom jiġi mħallas lill-Malta University Services? Jista' jagħti rendikont ta' liema arranġamenti għandha l-Malta University Services f'dan ir-rigward? Jista' jikkonferma li ma jinżammux rassenji għall-istaff akkademiku full-time ta' l-Universita' u li għaldaqstant m'hemmx kontroll jew rekord ta' l-attendenza? Jista' jikkonferma wkoll jekk huwiex minnu li tul l-aħħar ħames snin la kien hemm spezzjonijiet għal dan ir-rigward u wisq inqas ittieħdu xi passi kontra xi abbużi ta' din ix-xorta minn xi membru ta' l-istaff akkademiku full-time? Jikkonferma li l-istaff akkademiku ta' l-Universita' mhuwiex obbligat iżomm attendenzi ta' l-istudenti u li għaldaqstant dan jista' qed joħloq diżgwid kemm fl-għoti ta' credits ibbażati fuq attendenza kif ukoll bħala mezz ta' kontroll għall-istipendji? Fid-dawl ta' dawn il-mistoqsijiet, jista' il-Ministru jgħid jekk tinħassx il-ħtieġa li l-Universita' tassumi r-responsabbiltajiet tagħha quddiem il-poplu Malti u Għawdxi li qed dejjem iħallas aktar għat-tagħlim terzjarju kif ukoll għall-fatt li gvernijiet u ministri suċċessivi - b'mod speċjali l-gvern u l-ministru tal-lum - dejjem għamlu sforz kbir sabiex l-Universita' jkollha l-aħjar għajnuna u riżorsi?

Response (GALEA, LOUIS)

Rigward l-ewwel parti tad-domanda, nerġa nirreferi l-Onor Membru għat-tweġiba mogħtija għad-domanda numru 11944, u partikolarment għall-fatt li minn għandu permess biex jaħdem barra l-Universita' mhux qed jagħmlu a skapitu tax-xogħol ewlieni ta' l-Universita'. L-Universita' tassigura li kemm fuq din il-materja kif ukoll fuq il-punti l-oħra li semma dejjem imxiet b'responsabbilta' u għamlet użu tajjeb tar-risorsi fdati f'idejha. Informat li bħal f'Universitajiet oħra barra minn Malta, l-istaff akkademiku ma hux obbligat li jiffirma xi attendance sheet. Mhux korrett li jingħad li ma hemmx kontroll fuq l-attendenza għax dan isir fuq bażi regolari fil-livel ta' fakulta', dipartiment, eċċ. L-istess jista jingħad għar-rigward ta' l-istudenti.

CCF — Persuni ta' nazzjonalita' barranija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni miżmuma fiċ-ċentru korrettiv ta' Kordin? Kemm minnhom huma barranin? Jista' jagħti statistika sena b'sena mill-2001 sal-lum? Jista' jgħid kemm kienu l-każi ta' natura kriminali li ġew solvuti jew maqbuda mill-pulizija sena b'sena mill-2001? Kemm kien hemm persuni mressqa fuq dawn il-każi u kemm minnhom kienu ta' nazzjonalita' barranija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent, fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin, hemm mitejn u tmienja u tmenin (288) priġunier, li minnhom tnejn u tmenin (82) huma ta’ nazzjonalita’ barranija. Matul is-snin 2001 sal-2004 il-medja tal-popolazzjoni tal-ħabs kienet kif ġej:- 2001 255 medja kuljum 2002 277 medja kuljum 2003 281 medja kuljum 2004 277 medja kuljum Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa disponibbli mis-sena 2002 u huwa kif jidher hawn taħt: Sena200220032004 *Numru ta’ każi solvuti2,0692,1563,046 *Numru ta’ persuni mressqa l-Qorti1,8101,7202,087 *Dwar reati kriminali li għandhom piena ta’ aktar minn 6 xhur priġunerija. Infurmat ukoll illi tagħrif dwar in-nazzjonalita’ tal-persuni mressqa il-Qorti mhux disponibbli taħt forma statistika.