Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm każi fejn skejjel talbu għall-għajnuna ta' psychologists?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bejn Jannar u Diċembru 2004, kien hemm 403 każi fejn skejjel talbu għall-għajnuna ta' psikoloġisti. Bejn Jannar u Diċembru 2005, kien hemm 407 każi riferuti. F'Jannar u Diċembru 2006, kien hemm 124 każi riferuti. Dawn il-każi jinkludu każi ta' mġieba ħażina, problemi fl-edukazzjoni u fit-tagħlim, problemi ġejjin mill-familja, li jirriflettu ruħhom fl-iskola, kif ukoll ħafna talbiet għal Special Examination Arrangements għall-eżamijiet tal-Junior Lyceum, Common Entrance Examinations, S.E.C. u MATSEC.
Jista' il-Ministru jinformana jekk u meta se tinfetaħ Triq il-Qasam għal Wied Għomor għal two way traffic? Jista' jispjega x'inhuma l-argumenti kontra li Triq is-Sidra, Swieqi, issir one way mir-residenti? Jista' jinformana jekk jew meta se joħorġu t-tenders sabiex ikunu jistgħu jsiru t-toroq fil-Madliena u l-Ibraġġ?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta qed tistenna li tirċievi l-minuti tal-laqgħa ta' konsultazzjoni li saret mill-Kunsill Lokali Swieqi nhar it-Tnejn, 17 ta' april, 2006 sabiex tkun f'pożizzjoni li tevalwa sewwa x-xewqat tar-residenti kollha tas-Swieqi b'referenza għal talba tal-Kunsill Lokali li Triq is-Sidra issir one way.
Dwar it-toroq li jridu jsiru mill-ADT, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li uffiċjali tal-Ministeru u l-ADT spezzjonaw dawn it-toroq u bħalissa qed isiru l-istimi mill-periti tan-Network Infrastructure Directorate.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi forma ta' arranġament ma' enti kummerċjali dwar użu ta' art fiz-zona tal-fire station ta' Ħal Far? Jekk iva, jista' jagħti dettalji?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob l-Onor. Interpellant jindika aħjar liema parti qiegħed jirreferi għaliha.
Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-kumpanniji ta' l-assigurazzjoni li tagħmel użu minnhom l-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-kumpaniji ta’ l-assigurazzjoni li tagħmel użu minnhom l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta huma:
· Laferla Insurance Agency f’isem Middlesea Insurance plc;
· Citadel Insurance plc;
· Certain Underwriters at Lloyd’s rappreżentata minn Millennium Insurance Agency; u
· Atlas Healthcare Insurance Agency Ltd.
Jista' il-Ministru jgħid jekk riċentement kienx hemm xi nuqqas ta' stock ta' polio drops fil-poliklinika tal-Gżira?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dan l-aħħar kien hemm problema fejn l-aġent naqas milli jissuplixxi polio drops. Ninsab infurmat illi issa l-istock ta' polio drops wasal u s-sitwazzjoni dalwaqt terġa' għan-normal
Jista' il-Viċi Prim Ministru jindika jekk hemmx kunsilli lokali li għad ma ħadux id-delega għall-infurzar lokali? Kien hemm kunsilli li tilfu din id-delega minn mindu daħlet is-sistema?
Hemm xi standards ta' infurzar li għandhom jimxu magħhom il-kunsilli lokali jew kumitati konġunti fl-iffissar tar-rotot tal-wardens jew dwar l-imġieba jew rwol tal-gwardjan fil-lokal?
Hemm xi forma ta' quota ta' kontravvenzjonijet li tiġi imposta fuq il-gwardjani?
Kif jinqasam id-dħul mill-kontravvenzjonijiet?
Hemm xi persentaġġ li ma jmurx lejn il-kunsill lokali partikolari?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Kunsilli Lokali tal-Marsa u Birżebbuġa qatt ma ħadu d-delega għall-Infurzar Lokali. L-Imqabba li kien wieħed minn dawk li kellu d-delega kien tilifha matul is-sena 2005.
Rigward l-informazzjoni mitluba dwar ir-rotot tal-gwardjani lokali, ninforma lill-Onor. Membru li dawn jiġu iffissati mill-Authorised Officer, għax dawn isiru skond l-esiġenzi tal-Kunsilli u l-lokalita' tagħhom.
L-imġiba tal-Gwardjani Lokali, tiġi regolarizzata mir-Regolamenti tal-Gwardjani Lokali li jinkorporaw fihom Code of conduct, u fuq il-kwistjoni ta' kwota għandi assigurazzjoni li din ma tiġix imposta. Infurmat li l-Aġenzija tal-Gwardjani Lokali għandhom ukoll Bord li jinvestiga ilmenti li jsiru fuq gwardjani lokali.
Mid-dħul tal-kontravvenzjonijiet jitħallsu l-ispejjeż kollha tas-Sistema u milli jibqa' jamministrahom il-Kunsill skond il-ħtiġijiet tiegħu.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn gwardjani lokali liċenzjati? Kemm kien hemm każi li fihom gwardjani liċenzjati tilfu l-liċenzja tagħhom matul l-aħħar ħames snin?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti dettalji ta' min huma l-uffiċjali awtorizzati tal-kumitati konġunti responsabbli mis-sistema ta' l-infurzar tal-liġijiet (LES)? Jista' jgħid jekk hemmx minn dawn l-uffiċjali li huma kunsilliera?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Uffiċjali Awtorizzati tal-Kumitati Konġunti responsabbli mis-sistema ta' l-infurzar tal-liġi (LES) huma dawn li ġejjin:
1. Birkirkara Raphael Carabott
2. Ċentrali (Qormi) Tony Borg Caruana
3. Fgura John Bonavia
4. Għawdex Ina Zammit
5. Sliema David Soler
6. Tramuntana Raymond Grima
7. Valletta Ernest Tonna
8. Żejtun Paul Taliana
9. Żurrieq Dennis Vassallo
Kemm hu possibbli li nagħmlu mistoqsijiet parlamentari dwar l-operat tal-kunsilli lokali peress li dawn qed joperaw b'fondi pubbliċi?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li huma biss dawk il-Mistoqsijiet li jsiru dwar materja li tkun fil-kompetenza tal-Kunsilli Lokali u tirreferi speċifikament għal xi Kunsill Lokali partikolari fejn dawn iridu jsiru lill-Kunsill ikkonċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu mill-pulizija jew mill-kunsill lokali tal-Ħamrun minħabba problemi kkawżati minn sitwazzjonijet ta' konġestjoni ta' traffiku jew ta' parkeġġ double u triple li kważi ta' kuljum matul il-ġimgħa jkun hemm f'parti fi Triq il-Kappillan Mifsud, Ħamrun kif ukoll filgħaxijiet, in-naħa ta' Pjazza ta' Fra Diegu fi Triq il-Kbira San Ġużepp, dejjem fil-Ħamrun?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tagħmel ronda fl-inħawi msemmija sabiex l-abbużi msemmija jkunu mrażżna.
Għal dak li jikkonċerna l-Kunsilli Lokali, bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, dawn huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma l-kumpanniji liċenzjati li joffru servizzi ta' gwardjani lokali lill-kumitati konġunti? Attwalment, liema huma l-kunsilli li kull kumpannija qed tkopri?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-kumpaniji li qed joffru servizzi ta’ gwardjani lokali lill-Kunsilli Lokali huma il-“Guard and Warden Service House Ltd” u “Sterling Security Co. Ltd.”.
Il-“Guard and Warden Service House Ltd” qed toffri servizzi lill-Kumitati Konġunti imniżżlin hawn taħt:
a. Kumitat Konġunt Valletta magħmula mill-Kunsilli Lokali ta’ Valletta, Floriana u Marsa (il-Marsa m’għandiex delega);
b. Kumitat Konġunt Sliema - Pembroke, San Ġiljan, San Ġwann, Sliema, Swieqi,. Gzira u Ta’ Xbiex;
c. Kumitat Konġunt Birkirkara - Imtarfa, Attard, Balzan, Birkirkara, Dingli, Iklin, Lija, Mdina, Rabat u Santa Venera;
d. Kumitat Konġunt Ċentrali (Qormi) – Siġġiewi, Qormi, Zebbuġ, Hamrun, Msida u Pieta’;
e. Kumitat Konġunt Tramuntana – Għarghur, Mellieha, Mġarr, Mosta, Naxxar u San Pawl il-Baħar; u
f. Kumitat Konġunt Għawdex – Il-Kunsilli Lokali Għawdxin.
L-iSterling Security Co Ltd qed toffri tagħti s-servizzi tagħha lil dawn il-Kumitati Konġunti:
a. Kumitat Konġunt Żejtun – Ghaxaq, Gudja, Marsaxlokk, Żejtun, Paola u Santa Lucia u Tarxien;
b. Kumitat Konġunt Żurrieq – Birzebbuġa, Kirkop, Luqa, Mqabba, Qrendi, Safi u Żurrieq; u
c. Kumitat Konġunt Fgura – Birgu, Bormla, Fgura, Isla, Kalkara, Marsaskala, Xgħajra u Żabbar.
Jista' il-Ministru jikkonferma li l-istaff kollu ta' l-isptar għandu xi forma ta' uniformi? Jista' jgħid x'mezzi ta' identifikazzjoni huma maħruġa lill-personnel kollu ta' l-isptar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-impjegati kliniċi ta' l-Isptar kollha għandhom uniformi (inkluż labcoat jew whitecoat). Il-Messaġiera, Porters, Security Officers, Cleaners, l-Maintenance Staff, Customer Care Officials u l-Front Line Personnel ukoll għandhom uniformi. L-istaff amministrattiv u Klerikali l-maġġor parti tagħhom ma għandhomx uniformi.
F'Marzu tas-sena l-oħra sar eżerċizzju sħiħ biex inħarġu identification tags ġodda għal kull membru ta' l-istaff li huwa impjegat ma' l-Isptarijiet San Luqa u Sir Paul Boffa.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi programm, u x'inhi l-frekwenza, ta' manutenzjoni u żebgħa ta' trolleys, gurneys u apparat simili ieħor?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li apparat bħal trolleys li huma ta' l-istainless steel ma jirrikjedux żebgħa iżda hemm programm ta' manutenzjoni għalihom. Is-sodod variable height qed issirilhom manutenzjoni preventiva bi skeda u wħud minnhom qed jiġu miżbugħa mill-ġdid.
Jista' il-Ministru jgħid kif barranin iħallsu għas-servizz ta' l-isptar f'każi kemm normali kif ukoll ta' emerġenza? Jista jgħid kemm hemm kontijiet pendenti u x'valur għandhom? Jista' jagħti ageing ta' kemm ilhom dovuti dawn il-pagamenti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Pazjenti barranin li jkunu ċittadini ta' pajjiżi Membri ta' l-Unjoni Ewropea, għandhom jippreżentaw dokumenti maħruġa mill-pajjiż Membru li jeżentahom milli jħallsu għas-servizz li jingħata mill-isptar. Il-ħlas ta' dan is-servizz jiġi dovut mill-pajjiż Membru kkonċernat.
Pazjenti barranin li jkunu ċittadini ta' pajjiżi li m'humiex membri ta' l-Unjoni Ewropea, kif ukoll dawk il-persuni mill-Unjoni Ewropea li ma jkollhomx id-dokument meħtieġ, jiġu mitluba iħallsu deożitu ta' Lm30 (tletin lira Maltin) kif jirreġistraw, u wara li jieħdu s-servizz meħtieġ fid-dipartiment ta' l-Emergenza, iħallsu jew jiġu mogħtija lura d-differenza skond il-każ.
F'każijiet ta' persuni li jiddaħħlu bħala inpatients, isir il-kont, skond l-A.L.201 ta' 2004, li minnu jiġi mnaqqas l-ammont imħallas bħala depożitu.
Fil-każ ta' persuna li tiddaħħal l-Emerġenza f'kundizzjoni kritika jew fil-periklu li titlef ħajjitha, is-servizz jiġi mogħti minnufih mingħajr l-ebda talba għad-depożitu.
In-numru ta' kontijiet pendenti ta' l-2005 huma kif jidhru fit-tabella hawn taħt. Il-kontijiet pendenti għal 2006 huwa ta' 38 (tmienja u tletin) li jammontaw għal total ta' Lm12,127 (Tnax -il elf, mija u sebgħa u għoxrin Liri Maltin).
Kontijiet pendenti ta' barranin li użaw is-servizzi ta' l-isptar jammontaw għal 1,180 b'valur ta' Lm527,496.
Dawn il-pagamenti pendenti huma bejn is-sena 1991 u s-sena 2005 hekk kif spjegat fit-tabella t'hawn taħt.
Is-sena li nħareġ il-kont
Ammont Dovut
Lm
Numru ta' kontijiet
1991
13,269
5
1992
1,940
6
1993
1,204
8
1994
2,850
7
1995
11,035
16
1996
6,923
11
1997
26,547
45
1998
11,333
50
1999
31,655
60
2000
62,255
218
2001
78,298
180
2002
30,996
99
2003
82,611
92
2004
48,121
121
2005
118,459
262
Total
Lm527,496
1,180
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li tul l-aħħar tliet snin tpoġġew fuq probation? Kemm attwalment huma taħt is-sorveljanza ta' probation officer? Kemm hawn probation officers?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi tul dawn l-aħħar tliet snin, fi ħdan l-Uffiċċju tal-Probation ġie riferut dan l-ammont ta' Probation Orders.
Jannar - Diċembru 2003: 127 Probation Orders
Jannar - Diċembru 2004: 107 Probation Orders
Jannar - Diċembru 2005: 153 Probation Orders
Jannar - Marzu 2006 (sal-10): 23 Probation Orders
Total: 410 Probation Orders
Fi ħdan l-Uffiċċju tal-Probation fil-preżent hemm ħdax-il Uffiċjal tal-Probation. Preżentament dawn huma l-każijiet attivi li qegħdin taħt is-sorveljanza ta' dawn il-ħdax-il Uffiċjal tal-Probation:
Probation Orders: 286
Suspended Sentence Supervision Orders: 74
Community Service Orders: 4
Combination Orders (Community Service Orders + Probation Orders): 6
Provisional Orders of Supervision: 60
Pre-Sentence Reports and Social Inquiry Reports: 35
Total: 465 cases
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li rċevew sentenza sospiża mill-qrati tul l-aħħar tliet snin? Kemm minnhom kienu barranin? Kemm hawn persuni li llum għandhom sentenza sospiża eżekuttiva (jiġifieri li għadhom taħt il-perijodu tas-sentenza)?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi tul l-aħħar tliet snin, 788 persuna rċevew sentenza sospiża. Minn dawn kien hemm 205 barrani, filwaqt li n-numru ta' persuni li għadhom taħt il-perijodu tas-sentenza hu ta' 526.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-apparat immarket "Drager Evita Dura 2"? Kemm hemm units fl-isptarijiet? X'inhu l-prezz ta' kull unit?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-apparat Drager Evita Dura 2 huwa ventilator li jintuża għal kura tal-pazjenti fl-Intensive Therapy Unit (I.T.U.). Fl-Isptar San Luqa hemm żewġ units ta' Drager Evita Dura 2. Dawn il-units it-tnejn ingħataw bħala donation. Għandna wkoll 20 Unit ta' l-istess għamla li oriġinarjament dawn inxtraw għall-Isptar Mater Dei u li nġiebu l-Isptar San Luqa għal eventwalita li jkun meħtieġa għal xi emerġenza. Il-prezz ta' dawn il-units huwa kunfidenzjali minħabba n-natura kummerċjali tiegħu, u għalhekk ma jistax jingħata.
Jista' il-Ministru jgħid kemm l-isluice room hemm fl-isptar San Luqa? L-apparat f'dawn il-kmamar hu f'kundizzjon tajba? Iħossx il-Ministru li jista' ikun hemm alternattivi iżjed iġeniċi, ngħidu aħna, bedpans u l-użu ta' materjal disposable?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fl-Isptar San Luqa hemm sluice room f'kull sala jew departiment fejn hemm rikoverati l-pazjenti.
L-apparat f'dawn il-kmamar jinżamm f'kundizjoni tajba kemm jista' jkun u kwalunkwe ħsara tiġi rranġata mill-aktar fis possibbli. Invista tal-bini ta' l-Isptar l-ġdid mhux possibbli li jiġu introdotti alternattivi ġodda għax dan l-apparat ma jistax jiġi installat l-Isptar San Luqa u wara jiġi trasferit fl-Isptar Mater Dei.