Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skola Giovanni Curmi — Kors tal-Marketing

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk dawk l-istudenti li għażlu l-kors tal-marketing fl-iskola Giovanni Curmi, Naxxar ġewx aċċettati kollha? Jekk le, jista' jgħid meta se jkun hemm għalliema għal dawn l-istudenti li għad mhux qed jattendu għal dan il-kors?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għadu kif ġie ingaġġat għalliem biex ikun jista' jgħallem lill-istudenti li għażlu l-Marketing.

Pembroke — Triq Burma

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga l-periklu li jinsab ġewwa Triq Burma f'Pembroke peress li taħt l-imsemmija triq jinsab parkeġġ u bandli u kien hemm każi fejn karozzi li jkunu ġejjin minn Triq Burma spiċċaw li saħansitra waqgħu fuq din iż-żona, u għalhekk jidher li jeħtieġ li ssir crash barrier ġewwa Triq Burma?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li t-triq imsemmija hija waħda mit-toroq li ser tinbena bħala parti mill-program ta’ toroq li għandha l-Awtorita’ tat-Transport ta’ Malta għas-sentejn li ġejjien. Ix-xogħlijiet kollha meħtieġa jsiru waqt il-kostruzzjoni ta’ din it-triq.

Pembroke — Slipway

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema fażi waslet applikazzjoni numru 00754/06 għall-bini ta' slipway f'Pembroke?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni qegħda tistenna xi informazzjoni mitluba mill-applikant.

Pembroke — Triq William Harding

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema fażi waslet applikazzjoni numru PA260/04 għall-bini ta' ġnien ġewwa Triq William Harding, Pembroke?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bejn l-perit u l-MEPA peress li hemm il-ħsieb li tinbidel in-natura tal-proġett fid-dawl tà suġġerimenti li saru minn Nature Protection Unit (NPU) u li ma kienux inklużi fil-pjanti oriġinali.
Leg 10 PQ #20422 Sitting 429 2006-09-25 Oral · Final From: FRANCO GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Adults only clubs

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-kondizzjonijiet u kriterji li bihom adults only clubs jinħarġilhom il-permess? Kemm hawn minn dawn il-clubs?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Awtorità tat-Turiżmu ma toħroġx permessi għal operazzjoni ta’ adults only clubs.

Sptar San Luqa — Out-patients department

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma kemm hemm stennija għal appuntamenti fid-dipartiment ta' l-out-patients ta' l-isptar San Luqa fejn jidħlu każi ta' wġiegħ tal-ġebla (urology)?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma jeżisti l-ebda żmien ta' stennija għal każi ta' Acute Renal Colic minħabba l-kundizzjoni akuta tagħha. Il-persuna ikkonċernata tmur direttament id-dipartiment ta' l-Emerġenza u tiġi invistata direttament.

Sptarijiet ta' l-istat — Wards għal pazjenti b'mard infettiv

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb sabiex jinfetħu wards speċjalizzati separati fl-isptarijiet ta' l-istat fejn jiġu kkurati pazjenti li jkollhom mard infettiv?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Fl-Isptar San Luqa għandna żewġ wards għal pazjenti b'mard infettiv Sir Temi Żammit Ward (8 sodod) u General Dependency Ward (14 -il sodda). Dawn ser ikunu konsolidati f'ward waħda ta' 24 sodda fl-Isptar Mater Dei.

Skejjel — Tagħlim tar-reliġjon

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il siegħa tagħlim tar-reliġjon jingħata lit-tfal kull ġimgħa f'kull sena akkademika mill-iskola primarja sa dik sekondarja? X'arranġamenti hemm bejn id-dipartiment ta' l-edukazzjoni u l-awtoritajiet ekklesjastiċi sabiex jiġu approvati l-programmi ta' tagħlim tar-reliġjon fl-iskejjel kif ukoll sabiex jiġu ċċertifikati l-għalliema tar-reliġjon? X'arranġamenti hemm sabiex isir il-qrar u s-smiegħ tal-quddies fl-iskejjel primarji u sekondarji? Jiasta' jgħid jekk f'kull skola hemmx kappella?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-iskejjel primarji hemm 30 minuta kuljum (sagħtejn u nofs fil-ġimgħa) allokata għat-tagħlim tar-Reliġjon, waqt li l-iskejjel sekondarji hemm żewġ lezzjonijiet ta' 45 minuta kuljum (siegħa u nofs fil-ġimgħa). Il-ħatra ta' l-għalliema kif ukoll il-programmi ta' tagħlim tar-Reliġjon Nisrani fl-iskejjel huma approvati mill-Konferenza Episkopali li hija mmexxija mill-Knisja. Informat ukoll li l-amministrazzjoni ta' l-iskejjel jagħmlu l-arranġamenti li jidhrilhom meħtieġa mad-direttur spiritwali ta' l-iskejjel dwar ħtiġijiet spiritwali għal l-istudenti. L-iskejjel m'għandhomx kappelli.

Postijiet ta' divertiment

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ttieħdu u jittieħdu normalment sabiex jiġi kkontrollat l-istorbju eċċessiv (amplified music) f'postijiet ta' divertiment - b'riferiment dirett lejn l-istabilimenti f'oqsma ta' divertiment bħal Paceville, Wied il-Għajn jew Buġibba? X'parametri jintużaw sabiex jiġi stabilit li storbju huwa eċċessiv jew le billi fl-Ewropa l-istandard li jintuża huwa li ebda storbju ma jista' jinstema minn barra l-istabiliment? Hemm xi rekwiżiti ta' soundproofing għal postijiet ta' divertiment meta lil dawn jinħarġilhom permess? Jekk hemm dawn l-istandards, kif għad hemm dan l-istorbju eċċessiv f'bosta partijiet minn ċentri hawn fuq imsemmija? Kemm-il każ kien hemm tul l-aħħar sena li tressaq il-qorti fuq storbju eċċessiv? X'pieni ngħataw?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi dwar is-suġġett imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, il-Pulizija timxi skond kif provdut fir-Regolamenti ta' l-2006 dwar il-Liċenzji tal-Kummerċ. Dwar ir-rekwiżiti ta' soundproofing għal postijiet ta' divertiment meta lil dawn jinħarġilhom permess, nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat, stante li dawn il-liċenzji ma jinħarġux mill-Pulizija. Infurmat ukoll illi matul dawn l-aħħar tnax il-xahar kien hemm b'kollox 14-il persuna li tressqu l-Qorti fuq 21 każ ta' storbju ġewwa Paċeville u Buġibba, filwaqt li f'Wied il-Għajn ma kien hemm ħadd. Minn dawn il-każi li ġew deċiżi, il-persuni li nstabu ħatja ingħataw multa.

Adults only clubs — Ħruġ ta' permessi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma l-kondizzjonijiet u kriterji li bihom adults only clubs jinħarġulhom il-permess? Kemm hawn minn dawn il-clubs?

Response (BORG, TONIO)

Kif diġa' kelli l-okkażżjoni ninforma lill-Kamra, il-liċenzji tan-negozju, m'għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstant nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Malta Industrial Parks

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 19477, jista' il-Ministru jgħid x'użu qed tagħmel il-Malta Industrial Parks mill-proprjeta' imsemmija?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li tliet hangars li kienu jintużaw minn 'Baħħar u Sewwi' huma kollha allokati. Wieħed minnhom twaqqa' u nbena hangar ikbar li qiegħed jintuża minn Kumpanija fil-qasam ta' l-inġinerija ta' l-azzar. It-tieni hangar huwa allokat lil Kumpanija oħra simili. It-tielet hangar huwa allokat lil Kumpanija fil-qasam tal-metalerġija sakemm jinqata' l-Appell fil-Qrati ta' Malta.

Pembroke — Skola Primarja

Question

Filwaqt li wieħed japprezza x-xogħol għaqli u meħtieġ li qed isir fir-riġenerazzjoni ta' l-iskejjel tagħha, jista' il-Ministru jgħid meta se tinbeda u tinfetaħ l-iskola primarja ġdida ta' Pembroke?

Response (GALEA, LOUIS)

F'dan l-istadju m'għandix tagħrif ġdid x'inżid mat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 17203 f'Seduta 355.

Stamperija tal-Gvern

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema f'kull grad li jaħdmu fl-istamperija tal-gvern? Kemm kien hemm overtime imħallas matul l-2005? Kemm kien hemm ġranet sick leave fl-istess perijodu? X'sistema ta' time-keeping tintuża fl-istamperija? Jirriżultalu l-Prim Ministru jekk hemmx xi impjegati fl-istamperija (jew xi taqsima tagħha) bil-grad ta' acting manager jew simili?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ħaddiema f’kull grad li jaħdmu fl-Istamperija tal-Gvern huma: Direttur 1 Uffiċjal Prinċipali 3 Skrivan Anzjan 1 Skrivan 2 Messaġġier II 3 Messaġġier I 1 Grupp II 1 Uffiċjal Tekniku 1 Assitant Chief Printer 3 Press Inspector 10 Senior Printer 29 Printer 2 Security 1 Total 58 Overtime imħallas matul is-sena 2005 ammonta għal Lm52,014. Ġranet ta’ sick leave matul l-2005 kien ta’ 625 ġurnata. Fil-preżent is-sistema ta’ time-keeping hija dik ta’ l-Attendence Sheet. Ma hemm l-ebda impjegat fl-Istamperija tal-Gvern bi grad ta’ Acting Manager.

Stamperija tal-Gvern

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-ħaddiema ta' l-istamperija tal-gvern għandhomx xi inċentivi jew benefiċċji barra minn dawk tal-bqija tas-servizz pubbliku? Fil-każ ta' parkeġġ ta' karozzi tal-management u ħaddiema ta' l-istamperija, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi arranġamenti jew xi forma ta' żona fejn dawn il-vetturi jistgħu jitħallew? L-istamperija għandha, u fil-każ x'inhuma, vetturi għall-użu tagħha? Jirriżultalu l-Prim Ministru jekk hemmx xi stores jew bini ieħor li fih qed jiġu parkeġġjati xi vetturi? Fil-każ li fl-affermattiv, x'inhu dan il-bini u liema vetturi jistgħu jitħallew hemm?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-ħaddiema ta’ l-Istamperija tal-Gvern m’għandhomx inċentivi jew benefiċċji barra minn dawk tal-bqija tas-Servizz Pubbliku. Il-ħaddiema ta’ l-Istamperija tal-Gvern jużaw il-parkeġġ li hemm mal-madwar ta’ l-Istamperija. L-Istamperija għandha żewġ vetturi – karozza tad-Direttur u vann għall-użu ġenerali tad-Dipartiment. Il-vetturi li jiġu parkeġġjati fil-garaxx ta’ l-Istamperija huma l-karozza tad-Direttur, il-vann tad-Dipartiment (it-tnejn proprjeta’ tal-Gvern) u l-karozza ta’ l-Assistant Chief Printer li fil-preżent qed jassumi r-responsabbiltajiet ta’ Chief Printer, prattika li ilha fis-seħħ minn mindu l-Istamperija ġiet trasferita għall-Marsa fl-1995.

Ħal Far — Fire station

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 18065, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi forma ta' arranġament ma' enti kummerċjali dwar użu ta' art fiż-żona tal-fire station ta' Ħal Far, u b'mod speċjali fiż-żona fil-post fejn tinsab fire fighting school privata? Jekk iva, jista' jagħti dettalji? Jista' il-Viċi Prim Ministru fil-fatt jgħid liema huma ż-żoni f'Ħal Far li huma għall-użu tad-dipartiment tal-protezzjoni ċivili u tali enti privati? Hemm xi art f'Ħal Far li qiegħda għall-użu ta' enti privati li jixtiequ jagħmlu xi forma ta' taħriġ għall-kontra n-nirien jew simili? L-ismoke house f'Ħal Far minn min qed tintuża u għal xiex qed tintuża?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi parti mill-grounds fiz-zona tal-fire station ta' Ħal Far hija konċessa lill-Kumpannija Alberta Company Ltd. Din iz-zona tinkludi l-grounds, l-Ismoke House u bini ieħor li jinsab fiz-zona. Il-Fire Station ta' Ħal Far u l-art li tinsab fid-direzzjoni tal-Lvant hija proprjeta' tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Apparti minn dan, ma hemmx art oħra. L-Ismoke House tintuża kemm mill-Kumpannija Alberta kif ukoll mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'ħidma fil-komunita' qiegħda ssir mid-dipartiment tal-protezzjoni ċivili? Jista' in oltre jgħid jekk id-dipartiment huwiex qed jorganizza xi korsijiet bi ħlas għall-privat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn żmien għal żmien, isiru taħdidiet u eżerċizzji minn membri tal-Protezzjoni Ċivili kemm fi Istituzzjonijiet Edukattivi kif ukoll għand entitajiet oħra bħal Kunsilli Lokali bil-għan li titkabbar l-edukazzjoni tal-pubbliku f'suġġetti relatati mal-Protezzjoni Ċivili. Id-Dipartiment jorganizza korsijiet bi ħlas għall-privat skond kif jiġi mitlub. Fost l-entitajiet li jitolbu dawn il-korsijiet hemm id-Drydocks u l-SGS Malta.

Kumpannija "Baħħar u Sewwi"

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'użu qed isir mill-bini jew art li kienet qed tintuża mill-kumpannija "Baħħar u Sewwi"? Hemm xi pjani fi tħejjija għal din l-art?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-art in kwistjoni, flimkien ma' art oħra, għaddiet għand il-Malta Industrial Parks b'Avviż Legali Numru 73/92 tas-7/8/1992. L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lil Ministeru tal-Investiment, Industrija u Teknoloġija tal-Informazzjoni.

Holiday Inn

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'offerti ġew mitfugħa għall-bejgħ tas-sit tal-Holiday Inn f'Tigne'? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tat-tender?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-offerti li ġew mitfugħa għall-bejgħ tas-sit tal-Holiday Inn f'Tigne huma dawn: Imperial Point Co Ltd Lm23,300,000 Fort Cambridge Ltd Lm23,000,000 Nysir Malta Ltd Lm22,100,000 Hili Property Dev. Ltd Lm13,010,100 Schembri & Sons Ltd Lm12,800,000 Cambridge Const. Ltd Lm11,530,000 Cambridge Place Ltd Lm11,100,000 Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taż-żewġ avviżi u d-dokumenti tat-tenders.