Legislature:
Category:
Reset
Active:

White Rocks

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'qiegħed isir fuq is-sit tal-White Rocks? Jista' jgħid hux se jingħalaq il-fencing peress li hu miftuħ għal diversi perikli u abbużi u jekk il-pulizija humiex qegħdin imorru fuq patrols f'din l-area?

Response (BORG, TONIO)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħmel l-ewwel parti tad-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat. Rigward il-kwistjoni tal-fencing, ser jiġi studjat x'passi jistgħu jittieħdu biex għal darb'oħra jerġa' jingħalaq. Ninsab infurmat ukoll li jsiru patrols regolari fl-area tal-White Rocks f'San Ġiljan u fl-inħawi tal-madwar mill-pulizija distrettwali, fosthom ispezzjonijiet għal ksur tar-regolamenti tal-kaċċa, u kull abbuż ieħor.

Tas-Sliema — Pressa ta' l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma għandhiex ilmenti dwar il-pressa ta' l-ilma fiz-zona ta' Tas-Sliema? B'mod partikolari, għal kemm-il sular għoli l-korporazzjoni tagħti xi forma ta' garanzija għas-servizz?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li s-sistema tad-distribuzzjoni ta’ l-ilma tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma f’ tas-Sliema hi maqsuma fi tnax-il żona differenti u għaldaqstant jista jkun hemm differenzi fil-pressa bejn żona u oħra kif ukoll differenzi skond il-pożizzjoni ta’ kull triq u għoli tal-bini. F’xi inħawi din il-pressa tista titla sa 6 bar. Bħalissa l-Korporazzjoni qegħdha f’diskussjonijiet ma’ l-Awtorita’ Maltija tar-Rizorsi (MRA) biex tkun stabbilita’ l-pressa minima li għandha tkun assigurata fid-dħul ta’ kull meter privat. Din mistennija tkun bejn 1 u 1.5bar; li normalment ifisser pressa adekwata biex l-ilma jitla’ minn 3 sa 5 sulari. Madankollu jekk l-Onor Interpellant jaf b’xi problema partikolari, nitolbu jindikaha biex il-Korporazzjoni tkun tista tinvestigaha.

MEPA — Każi ta' enforcement

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ ta' enforcement hemm pendenti quddiem il-MEPA? Jista' jgħid kemm ilhom li nħarġu dawn il-każi sena b'sena? Jista' jgħid kemm huma l-każi li l-appelli kontrihom inqatgħu u li jinsabu f'punt li l-awtorita' tista' tieħu azzjoni diretta skond il-liġi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat lil -Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għandha total ta’ 6,398 każ ta’ enforcement pendenti. Dawn huma maqsumin sena b’sena kif jidher hawn taħt. Minn dawn fil-preżent hemm 272 każ pendenti għal azzjoni diretta b’sentenza maqtugħa mill-Bord ta’ l-Appell. Każi ta’ Enforcement Pendenti CaseYear 93 74 CaseYear 94 96 CaseYear 95 272 CaseYear 96 420 CaseYear 97 450 CaseYear 98 510 CaseYear 99 371 CaseYear 00 526 CaseYear 01 452 CaseYear 02 448 CaseYear 03 422 CaseYear 04 589 CaseYear 05 809 CaseYear 06 819 CaseYear 07 140 Total 6,398

MEPA — Konsulenti legali esterni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-MEPA għandhiex konsulenti legali esterni? Jekk fl-affermattiv, min huma u kemm tħallsu sena b'sena tul l-aħħar tlett snin? In vista li l-MEPA għandha uffiċċju legali intern, jista' l-Ministru jispjega x'inhuma r-rwoli li l-konsulenti legali esterni u interni tal-MEPA għandhom? Lil min jirrappurtaw il-konsulenti legali esterni? X'koordinament jeżisti bejn l-uffiċċju legali intern u l-konsulenti esterni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar; tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

MEPA — Permessi għal bini

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi tieħu l-MEPA sabiex tiżgura li meta tagħti permessi għal bini li għandu ogħli ta' aktar minn ċertu numru ta' sulari dan jista' jingħata l-għajnuna mid-dipartiment tal-protezzjoni ċivili fil-każ ta' ħruq jew emerġenza oħra? Fl-istess waqt, x'eżerċizzju jew konsultazzjonijiet isiru sabiex tiġi żgurata l-aċċessibbilta' għall-vetturi ta' emerġenza jew ambulanzi fi żviluppi bħal dawn?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-policies ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) jesiġu li f'każi ta' żvilupp ta' ċertu kobor jew żvilupp li jinvolvi iktar minn sular wieħed ta' parkeġġ taħt l-art jew parkeġġ aktar minn 25 karozza, l-iżviluppatur jintalab rapport tekniku minn inġinier li jitratta miżuri ta' sigurtà minn ħruq għall-iżvilupp kollu, konformi mal-linji gwida maħruġin mill-Building Industry Consultative Council (BICC). Meta żvilupp ma jkollux aċċess dirett mit-triq, il-policy tesiġi li jkun hemm arranġament adegwat għall-vetturi ta’ emergenza u mezzi oħrajn, normalment f'forma ta’ triq interna li twassal għar-residenzi kollha. F'dawn il-każijiet issir konsultazzjoni mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Kif jista’ jimmaġina l-Onorevoli Interpellant is-sistemi li jikkumbattu n-nirien f’binijiet mhumiex limitati biss ghal fire-engines.

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili — Fire engines

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għal kemm-il sular għoli huma mgħammra l-fire engines tad-dipartiment tal-protezzjoni ċivili f'każi ta' nirien jew emerġenzi? Jista' jgħid jekk id-dipartiment jiġix ikkonsultat f'każi fejn ikun qed jintalab permess għal xi żviluppi ta' torrijiet, proġetti residenzjali estensivi jew fit-tibdil ta' xi policies rigwardanti l-għoli tal-bini? X'inhi l-pożizzjoni tad-dipartiment fuq din il-materja u jekk qattx saru xi konsultazzjonijiet li fihom ħa sehem id-dipartiment sabiex kulħadd ikun qed jiġbed ħabel wieħed fejn tidħol is-sigurta' tal-proprjeta' u n-nies?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jippossjedi erba' vetturi kull wieħed mgħammar b'sellum mekkanizzat magħruf bħala 'turntable ladder'. Wieħed minn dawn jilħaq għoli ta' 37 metru jiġifieri għoli ta' 13-il sular, ieħor jlahhaq 32 metru, jiġifieri 10 sulari u tnejn oħra li jlaħħqu għoli ta' 24 metru jew 8 sulari. Hija proċedura normali li l-MEPA tikkonsulta lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili rigward ħruġ ta' permessi għall-iżvilupp ta' torrijiet, proġetti residenzjali estensivi jew rigward policies dwar l-għoli tal-bini. Id-Dipartiment dejjem jaghti l-kontribut tiegħu flimkien ma' suġġerimenti li jkunu meħtieġa f'kull każ partikolari. B'hekk kemm il-perit kif ukoll id-diżinjatur tal-binja jiġi mgħarraf dwar il-htiġjiet ta' dan id-Dipartiment bħal ma huma stallazzjonijiet ta' rising mains, enslosed staircase, fireman's lift, detection system u fixed installation li titfi in-nar awtomatikament. B'hekk jigi żgurat li persuna tad-Dipartiment jkollu aċċess ghall bini minn ġewwa, speċjalment fejn il-bini jlaħħaq aktar minn tlettax-il sular.

Tas-Sliema — Pressa ta' l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma għandhiex ilmenti dwar il-pressa ta' l-ilma fiz-zona ta' Tas-Sliema? B'mod partikolari, għal kemm-il sular għoli l-korporazzjoni tagħti xi forma ta' garanzija għas-servizz?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Naxxar — Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'toroq hemm pjanati għall-2007 biex isiru fin-Naxxar?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-preżent l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta qiegħda tibni numru ta' toroq fil-lokalita' tan-Naxxar. Dawn it-toroq kollha jiffurmaw parti mill-program ta' toroq li ħarġet l-istess Awtorita' u li huwa ppjanat li jitlestew sas-sena 2008. It-toroq li qed jinbnew bħalissa jew li se jibdew fil-ġimgħat li ġejjien huma :- Triq Baħar iċ-Ċagħaq, Triq Sir Harry Luke, Triq A De Contreras, p/o Triq Ġdida fi Triq San Mark, p/o Triq San Franġisk t'Assisi. Fil-ġimgħat li għaddew tlestew ukoll Triq Porzjunkola u Triq Ġdida fi Triq San Franġisk t'Assisi.
Leg 10 PQ #23668 Sitting 493 2007-02-12 Oral · Final From: FRANCO GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

VisitMalta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-investiment tal-gvern fuq is-site ta' VisitMalta? Billi kien hemm rapporti fuq il-media li dan is-sit kellu xi żbalji fih, jista' l-Ministru jgħid min kien responsabbli sabiex itella' u jawtorizza l-kontenut tas-sit? Jista' jgħid kemm u liema huma l-operaturi li taw links diretti sabiex isiru bookings online ta' lukandi, titjiriet jew servizzi oħra?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-investiment tal-Gvern fis-sit ta' visitmalta.com kien ta' Lm 49,500. Ta' min jirrimarka li s-sit fih 'il fuq minn tmien mitt paġna ta' informazzjoni dwar il-Gżejjer Maltin. Meta għandek sit daqstant vast, mhix haġa abnormali li jkun hemm xi żbalji żgħar jew ineżattezzi relativament inokwi, minkejja li jsir proċess metikoluż ta' proof reading. L-importanti huwa li kull meta jiġu identifikati, dawn jiġu irranġati mill-aktar fis. L-awtorizzazjoni biex jittella' l-kontenut ingħatat mill-MTA. Is-sit jaħseb biex jipprovdi links diretti kemm mill-partjiet li huma mfassla bħala direttorju, fejn ikun hemm elenkati l-operaturi kollha liċenzjati fil-qasam partikolari (eż. lukandi, aġenti tal-ivvjaġar, eċċ), kif ukoll mill-partijiet li jaqdu funzjoni ta' online booking. Minn dawn ta' l-aħħar, sa issa diġa irreġistraw, jew qegħdin fil-proċess li jirreġistraw, madwar ħamsin stabbiliment. Is-sezzjonijiet l-oħra se jiġu attivati fil-ġimgħat li ġejjin u għaldaqstant għad m'hemmx figuri eżatti f'dan ir-rigward. Fil-każ ta' l-online booking ta' titjiriet għal Malta, dan isir permezz ta' servizz ta' tfittxija fuq l-internet li huwa aċċessibli mis-sit innifsu għalkemm ipprovdut minn kumpanija li magħha ġie iffirmat kuntratt apposta.
Leg 10 PQ #23669 Sitting 493 2007-02-12 Oral · Final From: FRANCO GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Kiri ta' Proprjeta'

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-kriterju li bihom proprjetajiet jiġu liċenzjati biex jinkrew lit-turisti? Jista' jgħid kemm hawn proprjetajiet hekk liċenzjati u ta' x'tip huma? F'liema lokalitajiet jinsabu? Jista' jgħid jekk jiġux indagati l-proprjetajiet irriklamati għal kiri li jidhru fuq il-gazzetti u min hu responsabli għal dawn l-investigazzjonijiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu tilliċenzja proprjetajiet li jinkrew għat-turisti skond l-Avviż Legali 131 ta’ 2002 kif ammendat bl-Avviż Legali 86 tal- 2005. Dan l-avviż legali jistabilixxi l-kriterji u standards li dawn il-proprjetajiet għandhom ikollhom. Sa l-aħħar tas-sena 2006 f’Malta u Għawdex kien hawn 1103 proprjeta liċenzjata għal dan l-iskop kif turi t-tabella hawn taħt: Malta Appartamenti 584 Villel u ‘farmhouses’ 27 Ghawdex Appartamenti 222 Villel u ‘farmhouses’ 270 Total 1103 Il-lokalitajiet fejn jinstabu dawn il-proprjetajiet huma kif jidher fit-tabelli li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Id-Direttorat ta’ l-Infurzar fi ħdan l-Awtorita' tat-Turizmu jagħmel investigazjonijiet dwar djar u appartamenti li jinkrew lit-turisti biex jara jekk dawn għandhomx il-liċenzja meħtieġa biex jintuzaw għal dan l-iskop. L-investigazzjoni tinkludi wkoll ricerka fil-gazzetti.
Leg 10 PQ #23671 Sitting 493 2007-02-12 Oral · Final From: FRANCO GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Arti ta' mportanza storika

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux xi kuntatti sabiex jiġu rritornati lill-Malta artifatti ta' importanza storika jew nazzjonali li ġew meħuda mill-qawwiet Franċiżi jew Ingliżi tul is-snin? Speċifikatament, kien hemm xi tentattivi jew diskussjonijiet riċenti sabiex ix-xabla ta' La Vallette tiġi rritornata lil Malta mill-Gvern Franċiż wara li din kienet ġiet misruqa minn pajjiżna?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi ma saret l-ebda talba mill-Gvern Malti fis-snin riċenti għal ritorn ta' oġġetti ta' importanza storika meħuda minn Malta f'perjodu jew ieħor.

Hal Luqa — Dump yard

Question

B'riferenza għal rapporti fil-media dwar sit f'Hal Luqa fejn allegatament 103,600 metru kwadru ta' art ġew użati illegalment bħala dump yard u li fuqu l-MEPA kienet ħarġet enforcement order (ECF 1050/98), jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni ttieħdet sabiex is-sid jagħmel tajjeb għal ħsara ambjentali li għamel?

Response (PULLICINO, GEORGE)

B'riferenza għal rapporti fil-media dwar sit f'Hal Luqa fejn allegatament 103,600 metru kwadru ta' art ġew u¿ati illegalment bħala dump yard u li fuqu l-MEPA kienet ħarġet enforcement order (ECF 1050/98), jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni ttieħdet sabiex is-sid jagħmel tajjeb għal ħsara ambjentali li għamel? Tweġiba : Ninsab infurmat li s-sit indikat skond ECF 1050/98 jifforma parti minn art ikbar ta’ l-istess operatur fejn il-parti l-oħra tal-propjetà hija suġġetta għal Avviż ta’ Twettieq ieħor bir-riferenza ECF 837/02. Wara li kien ħareġ l-Avviż ECF 1050/98, u dan talli sar tħammil u nbidel l-użu ta' l-art għaż-żamma ta' scrap fuq parti mis-sit, kienet saret applikazzjoni għal żvilupp PA 5803/98 (outline) biex l-istess art tkun tista’ tintuża għall-ipparkjar t' ingenji. Din it-talba kienet ġiet rifjutata mid- Development Control Commission (DCC), liema deċiżjoni kienet ġiet ikkonfermata ukoll mill-Bord ta’ l-Appelli dwar l-Ippjanar. Però, l-iżviluppatur kien reġa’ appella l-każ tiegħu fil-Qrati Superjuri fejn il-Qorti ta' l-Appell qalbet id-deċiżjoni u talbet lill-Bord ta’ l-Appelli dwar l-Ippjanar biex jerġa’ jiftaħ il-każ. Kien f'dan l-istadju li ġie deċiz mill-Bord ta’ l-Appelli li għandha ssir applikazzjoni oħra mill-iżviluppatur PA 6138/02 (outline) li tipproponi master plan fuq l-art kollha milquta miż-żewġ Avviżi ta’ Twettieq imsemmija. Din l-art kollha tkopri ċirċa 20,073m2 u allura hija ferm iżgħar mill-ammont li semma’ l-Onorevoli Interpellant. Għaldaqstant, l-Awtorità trid tistenna l-eżitu kemm ta' l-applikazzjoni PA 6138/02 li għadha pendenti quddiem id-Direttorat ta' l-Ippjanar u kemm id-deċiżjoni mill-appell li għad hemm pendenti quddiem il-Bord ta' l-Appelli. Ikun dan il-Bord li finalment irid jiddeċiedi jekk jingħatax permess jew jekk jiġix ikkonfermat ir-rifjut minn PA 5803/98 fejn imbagħad jiskattaw il-proċeduri t'infurzar skond il-liġi u skond kif mitlub fiż-żewġ avviżi, ċioè ECF 1050/98 u ECF 837/02. Irid jingħad li fl-1993, 1994, 1996 u 1998, kienu nħarġu diversi permessi ta' żvilupp fuq partijiet minn din il-propjetà biex jinbnew uffiċini, garaxxijiet u mħażen għal użu kummerċjali.

Wales — Royal Welsh Agricultural Show

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ministeru huwiex se jipparteċipa fir-Royal Welsh Agricultural Show li se ssir fl-aħħar ġimgħa ta' Lulju 2007 ġewwa l-Builth Wells Powys, f'Wales?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 23622.

Royal Welsh Agricultural Show

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Malta kellhiex stedina mill-organizzaturi tar-Royal Welsh Agricultural Show u jekk il-Ministru hux qiegħed jipprepara biex jagħmel xi stand biex jippromwovi l-agrikoltura ta' Malta ġewwa Builth Powys f'Wales?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Ministeru tiegħi ma kellu ebda stedina għar-Royal Welsh Agricultural Show.
Leg 10 PQ #23624 Sitting 490 2007-02-05 Oral · Final From: FRANCO GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Royal Welsh Agricultural Show

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Malta kellhiex stedina mill-organizzaturi tar-Royal Welsh Agricultural Show ġewwa Builth Wells Powys f'Wales?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura ma rċieva l-ebda stedina mill-organizzaturi tar-Royal Welsh Agricultural Show.

Każijiet ta' meningite

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta' meningite bejn Settembru 2006 u Jannar 2007? Kemm minnhom kienu fatali u x'kienu l-etajiet ta' dawk milquta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba dwar in-numru ta' każijiet ta' meningite bejn Settembru 2006 u Jannar 2007 li jinkludu l-etajiet ta' dawk milquta qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Swieqi — Triq Josef Kalleja

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se ssir Triq Josef Kalleja fis-Swieqi? Meta se jsir l-ilqugħ tagħha u x'tip ta' ilqugħ se jsirilha mil-livell tal-wied biex it-terrapien ma jkomplix jaqa' ġewwa l-wied?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li fil-ġimgħat li għaddew l-Awtorita’ Dwar it-Trasport (ADT) intervjeniet biex jinħoloq aċċess temporanju mit-triq ta’ fuq għar-residenti ta’ Triq Josef Kalleja. Dan wara li l-aċċess li kienu qed jużaw minn fuq proprjeta’ privata ngħalaq mis-sid. Is-soluzzjoni permanenti hija l-ħolqien ta’ aċċess mit-triq ta’ taħt Triq il-Mensija liema xogħlijiet iridu jsiru skond l-iskema/pjanti approvati fil-Pjan Lokali taż-żona. Dan il-proġett huwa nkluż fil-programm ta’ bini ta’ toroq residenzjali għal perjodu 2006-2008.