Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'qed jingħataw jieklu u jixorbu bħala regola fuq bażi ta' jum b'jum l-immigranti klandestini fil-kustodja tal-qawwiet tas-sigurta' Maltin? Kemm hija stmata li tlaħħaq l-ispiża?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ikel għall-immigranti klandestini li qegħdin taħt il-kustodja tal-Pulizija jiġi ippreparat mill-kċina tal-Pulizija u jvarja minn ġurnata għal oħra, sabiex kemm jista' jkun l-ikel ma jkunx dejjem l-istess. Ikun ukoll preparat ikel għal dawk fuq dieta u għal dawk li huma veġetarjani. Ma kull ikla jingħata wkoll ilma u frott. Barra minn dan kull filgħodu jiġu ukoll servuti b'panina filwaqt li matul il-ġurnata jingħataw ukoll kafe diversi drabi. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra eżempju ta' l-ikel provdut fuq bażi ta' ġimgħa. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi l-ispiża sabiex ikun servut dan l-ikel, fil-preżent hija stmata li tlaħħaq Lm470 kull ġurnata.
Għal dak li jirrigwarda l-immigranti klandestini li qed jinżammu taħt il-kustodja ta' l-Armata, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.
Tista' il-Ministru tgħid kemm ingħataw flus mill-gvern matul is-snin 2000-2004 lill-għaqdiet mhux governattivi? Tista' tagħti rendikont kemm ħadet kull organizzazzjoni sena b'sena bejn l-2000-2004? Il-ministeru jitlob awditjar ta' kif intnefqu dawn il-flus?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'tip ta' relazzjonijiet diplomatiċi għandha Malta mas-Somalja, Congo, eċċ. (pajjiżi msemmija)? Jista' jgħid jekk qattx saru kuntatti diplomatiċi ma' dawn il-pajjiżi biex immigranti klandestini ta' nazzjonalita' ta' dawn il-pajjiżi jiġu ripatrijati lura?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Malta m'għandiex relazzjonijiet diplomatiċi mas-Somalja u mal-Kongo. Filwaqt li għad hemm diffikultajiet dwar kuntatti mas-Somalja, fejn għal żmien twil lanqas kien hemm Gvern Ċentrali. Issa li spiċċat il-gwerra, il Ministeru qed jikkonsidra li jagħmel kuntatt mal-Kongo fuq din il-materja.
Jista' il-Ministru jagħti raġuni għaliex Malta għad m'għandhiex ftehim mal-Libja, simili għall-ftehim bejn il-Libja u l-Italja, biex jintbagħtu lura immigranti illegali li jkun stabiliti li telqu mil-Libja?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Il-Libja qed tistudja abbozz ta' ftehim sottomess minn Malta fuq din il-materja.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm waslu immigranti llegali f'pajjiżna sena b'sena bejn l-1990 u l-aħħar tas-sena 2004? Jista' jgħid ta' liema nazzjonalita' kienu dawn l-immigranti klandestini? Kemm minnhom ingħataw status ta' refuġjat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant dwar kemm waslu immigranti illegali f'pajjiżna beda jinżamm taħt forma ta' statistika mill-1998 u huwa kif ġej:
1998
166
1999
229
2000
24
2001
57
2002
1,686
2003
502
2004
1,388
Fost il-pajjiżi li minnhom iddikjaraw li kienu ġejjin dawn il-persuni kien hemm is-Somalia, l-Eritrjea, l-Ethiopia, l-Eġittu, il-Congo, ic-Chad, il-Liberja u Kosta ta' Ivorju.
L-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati beda formalment il-ħidma tiegħu fl-1 ta' Jannar 2002. Ninsab infurmat illi l-għadd ta' persuni li ġew rikonoxxuti bħala refuġjati minn dan l-Uffiċċju minn dakinhar sa l-aħħar tas-sena 2004 kien hekk:
2002 - 22
2003 - 53
2004 - 49
Dawn in-numri jirriflettu l-għadd totali ta' persuni li ġew rikonoxxuti bħala refuġjati kull sena. Mhux l-applikanti kollha kienu daħlu Malta illegalment jew irregolarment. Barra minn dan hemm numru konsiderevoli ta' persuni li ingħataw protezzjoni umanitarja.
Sas-sena 2001, l-istatistika dwar in-numru ta' refuġjati kienet tinżamm mill-Kummissjoni Emigranti bħala l-Operational Partner tal-United Nations High Commissioner for Refugees (UNHCR) f'Malta.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm waslu immigranti klandestini f'pajjiżna matul is-sena 2004? Ta' liema nazzjonalita' kienu? Kemm minn dawn ġew ripatrijati? Ta' liema nazzjonalita' huma dawk ripatrijati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004 waslu Malta 1,388 immigranti klandestini. Fost il-pajjiżi li minnhom iddikjaraw li kienu ġejjin dawn il-persuni kien hemm is-Somalia, l-Eritreja, l-Eġittu, il-Congo, il-Palestina, is-Sudan, it-Tuneżija u l-Kosta ta' l-Ivorju. Minn dawn ġew ripartrijati 210 Eġizzjan, 6 Somali u 4 Tuneżini.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema ċentri kienu qed jintużaw għad-detenzjoni ta' l-immigranti klandestini f'pajjiżna fl-aħħar tas-sena 2004? Kemm kien hemm immigranti f'kull wieħed minn dawn iċ-ċentri?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' persuni fiċ-ċentri ta' detenzjoni għall-immigranti klandestini fl-aħħar tas-sena 2004 kien kif ġej:-
Ħal Far
80
Ħal Safi
360
Floriana
180
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti stima ta' kemm qed tiswa lill-Gvern Malti d-detenzjoni ta' l-immigranti klandestini f'pajjiżna jekk tieħu in konsiderazzjoni s-servizzi ta' ospitalita', servizzi ta' sigurta' u servizzi oħra neċessarji biex dawn jinżammu?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 2556.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm-il talba saret matul is-sena 2004 mill-immigranti klandestini fil-kustodja tal-Forzi Armati ta' Malta sabiex jittieħdu għall-kura f'xi ċentru tas-saħħa jew sptar tal-gvern, jew kemm-il darba nħasset il-ħtieġa li jsir hekk? Kemm kien hemm immigranti li nżammu għal xi żmien l-isptar u mhux sempliċement ittieħdu għal viżta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta’ talbiet li saru matul is-sena 2004 minn immigranti rregolari fil-kustodja tal-Forzi Armati ta’ Malta sabiex jittieħdu għall-kura f’xi ċentru jew sptar tal-Gvern kien madwar tletin persuna kuljum.
Minn dawn it-talbiet, madwar tmintax-il persuna li kienu jitqiesu ta’ prijorità aktar minn oħrajn inqas urġenti kienu jittieħdu f’ċentri tas-saħħa tal-Gvern sabiex jingħataw attenzjoni medika.
Matul is-sena kollha, tmienja u tletin immigrant irregulari kienu nżammu għal xi żmien l-isptar għal aktar kura.
Tajjeb li wieħed isemmi, li mit-3 ta’ Novembru 2004, tabib tal-Gvern tpoġġa għad-dispożizzjoni ta’ immigranti rregulari fil-Barrack ta’ Ħal-Safi sabiex ikunu jistgħu jirċievu kura fil-post fejn qed jinżammu. Minkejja dan, numru ta’ immigranti għadhom jiġu riferuti fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gvern.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'tip ta' kuntatt għandhom mad-dinja ta' barra l-immigranti llegali miżmuma fil-kustodja tal-qawwiet tas-sigurta' Maltin? Taħt liema kondizzjonijiet isir dan il-kuntatt? Membri tal-qawwiet tas-sigurta' ikunu preżenti waqt li jsiru dawn il-kuntatti? Jinżammu records ta' min iżur dawn l-immigranti? Jista' jgħid minn liema organizzazzjonijiet ġejjin dawk li jagħmlu dawn il-kuntatti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Immigranti li jkunu miżmuma taħt kustodja għandhom aċċess għall-aħbarijiet permezz tat-televiżjoni, kif ukoll ġurnali. Għandhom ukoll servizz tat-telephone li minn fuqu jistgħu jagħmlu u jirċievu telefonati kif u x'ħin iridu. Barra minn hekk isiru wkoll żjarat regolari minn membri ta' organizazzjonijiet tal-volontarjat li jaħdmu f'dan il-qasam, bħal ma' huma Jesus Refugee Service, il-Laboratorju tal-Paċi, il-Kummissjoni Emigranti, l-Organizazzjoni tas-Salib l-Aħmar. Ma' dawn isiru wkoll żjarat u servizzi reliġjużi kemm mill-Imam kif ukoll mill-kappillani tal-Pulizija u l-Armata. F'dawn iż-żjarat l-immigranti jistgħu jiltaqgħu u jitkellmu liberament mal-membri ta' dawn l-organizazzjonijiet, mingħajr ebda xkiel minn naħa tal-forzi tas-sigurta'. Ovvjament sabiex isiru dawn iż-żjarat irid jingħata pre avviż.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6969, jista' il-Ministru jgħid jekk fl-istima ta' Lm97,000 biex isir ix-xogħol meħtieġ fi Triq il-Mediterran, f'Pembroke hux inkluż li din it-triq tinqala' mill-qiegħ minħabba l-istat diżastruż li tinsab fih kif ukoll il-bdil tas-servizzi u tqegħid ta' bankini ġodda?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ix-xogħol maħsub fi Triq il-Mediterran jinkludi t-tqegħid ta' bankini ġodda n-naħa tad-djar, bdil ta' servizzi ta' l-ilma, crossings għal xi servizzi oħrajn, scarifying u xogħol ta' l-asphalt.
F'dawn l-aħħar ġimgħat saru reviżjoni tax-xogħolijiet wara li t-testijiet li saru indikaw li x-xogħhol jista' jsir b'mod aktar sempliċi.
L-istima reveduta tax-xogħol tammonta għal madwar Lm50,000.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 9726, jista' il-Ministru jgħid fuq liema indirizz ħa jsir ix-xogħol u kemm se jieħu kull operator?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 9734.
Jista' il-Ministru jagħti lista ta' konsulenti, PRs, PAs u persuni oħra li kienu engaged ma' l-MTA ukoll bħala consultants għall-aħħar ħames snin, u jista' jagħti wkoll id-dati ta' meta bdew u meta spiċċaw?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid l-MTA kemm tirċievi biljetti ta' l-ajru b'xejn mingħnad l-Air Malta? X'iinhuma l-kriterji biex jintużaw?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu ma tirċievi l-ebda biljetti b'xejn. Pero jeżisti barter agreement bejn l-Awtorita' u l-Airmalta, li permezz tiegħu l-Awtorita' tirċievi numru ta' biljetti ta' l-ajru bi prezz imnaqqas.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk hemmx xi inizjattivi sabiex isir dizzjunarju teżawru għal-lingwa Maltija li jaħdem fis-sistema tal-Windows Microsoft fid-dawl tal-problemi li hemm fuq it-traduzzjoni tal-lingwa Maltija?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-diffikulta' ewlenija li qed taffetwa l-interpretazzjoni tal-lingwa Maltija hi n-nuqqas ta' glossarju komplut biex jgħin lit-tradutturi Maltin fil-konsistenza tat-traduzzjonijiet tagħhom. Għaldaqstant l-Universita' ta' Malta qed tingħata għajnuna mill-Unjoni Ewropea fl-ammont ta' kważi kwart ta' miljun Euro. L-Universita' hi mistennija tixtri pakketti ta' software li jintużaw għat-taħriġ u tibni glossarju Malti dettaljat. Il-proġett mistenni jieħu madwar sentejn u hu iffinanzjat taħt il-programm tat-Transition Facility 2004.
Jista' l-Ministru jagħti r-riżultati li setgħu ħarġu mill-questionnaireta' l-istudenti li ġew jistudjaw l-Ingliż bejn Jannar u Diċembru ta' l-2003 li kien ingħata lill-kapijiet ta' l-iskejjel ta' l-Ingliż, maqsuma skond it-tabella mibgħuta separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif għadu ma wasalx tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-entitajiet li kkwalifikaw għall-Grant Scheme for Tourism Enterprises (European Regional Development Fund, Structural Funds Programme for Malta 2004-206)'?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli interpellant.