Jista' il-Ministru jsemmi dawk l-iskejjel li ntegraw il-prinċipju ta' "ICT Across the Curriculum" bħala parti mill-iSchool Development Plan tagħhom? Jista' jgħid x'inhi l-istrateġija u l-linji gwida tad-dipartiment ta' l-edukazzjoni fejn jidħol "ICT Across the Curriculum"?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi talba minn xi immigrant biex jixtri proprjeta' f'Malta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma jirriżultax li kien hemm xi talba għal xi akkwist ta’ proprjetà immobbli minn xi immigrant għall-fini ta’ l-Att dwar l-Akkwist ta’ Proprjetà Immobbli minn Persuni Mhux Residenti.
Ngħarraf lill-Onorevoli li ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea li f’xi żmien kien residenti f’Malta għal ħames (5) snin kontinwi u mhux interrotti jista’ jixtri kwalunkwe proprjetà mingħajr il-ħtieġa ta’ xi permess taħt l-imsemmi Att.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'vetturi nxtraw għall-armata f'dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Matul dawn l-aħħar għaxar snin, il-vetturi fil-lista ta’ hawn taħt inxtraw mill-Forzi Armati ta’ Malta:
Sena
Marka
Tip
Kwantità
1995
Kia Mentor
Saloon
1
1999
Marutti
Van (Jeep)
4
2000
Marutti
Kia Shuma
Van (Jeep)
Saloon
5
1
2002
Iveco
Wheeled Troop Carrier
4
2003
Iveco
Wheeled Troop Carrier
1
2004
Volkswagen Bora
Saloon
2
2005¹
Iveco
Mini Bus
2
_______________________________
¹ Għadhom ser jiġu kkonsenjati, wara li diġà ġie awarded it-Tender.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi pjani biex il-bouncers ta' postijiet ta' divertiment ikollhom liċenzja li biha juru li huma trained f'sigurta', fire fighting u first aid?
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il uffiċjal tal-liġi - pulizija - inqabdu jaħdmu bħala bouncers ġo postijiet ta' divertiment fil-ħin liberu tagħhom bejn l-2000 u l-2005?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mis-sena 2000 l'hawn kien hemm tmien membri tal-Korp tal-Pulizija li nstabu li kienu qed jagħmlu xogħol ta' security f'postijiet ta' divertiment mingħajr permess.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm-il uffiċjal tal-liġi - armata - inqabdu jaħdmu bħala bouncers ġo postijiet ta' divertiment fil-ħin liberu tagħhom bejn l-2000 u l-2005?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mis-sena 2000 sal-lum ma kien hemm l-ebda uffiċjal ta’ l-Armata li nqabad jaħdem ta’ bouncer ġo postijiet ta’ divertiment fil-ħin liberu tiegħu.
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk l-insurance companies għandhomx aċċess għall-files kunfidenzjali tal-pazjenti fl-isptar San Luqa? Peress li għandna l-liġi dwar id-data protection, kif qiegħda tinżamm il-kunfidenzjalita'?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-Policy tal-Isptar dwar l-aċċess għar-records tirrekjedi li l-isptar jkollu talba bil-miktub mill-pazjenti nnifishom. Talbiet minn insurance companies ma humiex ta' eċċezjoni. Normalment il-pazjenti jkun taw il-permess tagħhom meta timtela l-claim form.
Kull talba tiġi rekordjata.
Tista' il-Ministru tgħid kemm-il każ ta' separazzjoni kien hemm bejn l-1991 u l-2005 bejn Maltin miżżewġin ma' barranin u kemm minnhom qed jieħdu social benefits?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li ebda dipartiment jew entita' li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi ma jżomm l-istatistika mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma jekk hux qed jingħataw permessi għal artistic dancers u xi tfisser eżattament din it-terminoloġija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li normalment talbiet għal ħruġ ta' liċenzji ta' impjieg għal 'entertainers', inklużi 'dancers', jintlaqgħu.
Dawn iżda, joħorġu bil-kundizzjoni li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu dritt iwaqqaf kwalunkwe spettaklu (show) jekk isiru xi atti indiċenti jew jekk jintuża ilbies mhux xieraq.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi studji li jindikaw fiex waslet Malta fit-taħdidiet bejn Malta, il-Libja u t-Tuneżija dwar il-linja tat-territorju Malti għat-tiftix taż-żejt?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li t-taħdidiet bejn Malta u l-pajjiżi ġirien dwar il-qsim tal-blata kontinentali għadhom għaddejjin u meta jkun hemm bżonn li jingħata xi tagħrif, dan jingħata f'waqtu.
Tista' il-Ministru tgħid kemm ingħataw flus mill-gvern matul is-snin 2000-2004 lill-għaqdiet mhux governattivi? Tista' tagħti rendikont kemm ħadet kull organizzazzjoni sena b'sena bejn l-2000-2004? Il-ministeru jitlob awditjar ta' kif intnefqu dawn il-flus?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li bejn is-sena 2000 u 2004, it-total tal-flus mogħtija lill-NGOs mill-fondi pprovduti apposta għal sapport lil dawn l-NGOs kien Lm3,276,941. Dettalji ta' kif tqassmu dawn il-fondi jidhru fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninsab infurmata wkoll li l-NGOs li jingħataw għajnuna mill-fond imsemmi, huma obbligati li jagħtu rendikont ta' kif intefqu l-flus. Dan jagħmluh permezz ta' rapport ta' evalwazzjoni darbtejn fis-sena. Dawk l-għaqdiet li jingħataw Lm1,000 jew aktar, huma obbligati wkoll li jibgħatu kopja ta' l-Audited Income and Expenditure Accounts għas-sena relattiva. Dan minbarra li, fejn hemm kuntratt li jirregola x-xiri ta' servizzi mingħand xi NGO, l-NGOs Project Selection Committee, imwaqqaf taħt il-Ministeru tiegħi, għandu wkoll dritt li jitlob evalwazzjoni minn imkejjen oħra jew jibgħat rappreżentant tiegħu biex jara li l-flus ikunu ntefqu kif stipulat fil-kuntratt.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi pjani biex in-numru ta' bouncers ġo postijiet ta' divertiment ikun in ratio ma' kemm jesa nies il-post u jekk ikunx obbligatorju li jiġu stallati CCTVs?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent m'hemmx xi pjanijiet kif imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-armata jew il-pulizija joffrux servizzi bi ħlas għas-servizzi ta' sigurta' f'postijiet bħall-proprjetajiet privati, fabbriki, lukandi u postijiet ta' divertiment?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Korp tal-Pulizija joffri servizz ta' sigurta' bi ħlas lil terzi persuni li jitolbu għalih, sakemm is-servizz mitlub ikun relatat ma' xogħol tal-Pulizija. Fir-rigward tal-Forzi Armati, nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm suldati tal-forzi armati ta' Malta stazzjonati fil-barracks ta' Ħal Safi? Kemm minn dawn jagħmlu xogħol ta' għassa ma' l-immigranti klandestini? Kemm kien ikun hemm suldati ta' l-AFM għassa diretta ma' l-immigranti klandestini fil-barracks ta' Ħal Safi at any one time qabel seħħew l-inċidenti tat-13 ta' Jannar 2005? Kemm hemm għassa wara li seħħew dawn l-inċidenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ suldati stazzjonati fil-barracks ta’ Ħal-Safi huwa 191, inklużi l-fizzjali.
Minn dan in-numru, 48 jagħmlu xogħol ta’ għassa ma’ l-immigranti irregolari. Barra minn dawn hemm 17-il suldat ieħor li wkoll jagħmlu għassa ma’ l-immigranti irregolari, iżda dawn jiġu minn Units oħra. Tajjeb li wieħed isemmi li hemm aktar suldati li jaħdmu indirettament ma’ l-immigranti rregolari fosthom kokijiet, xufiera u oħrajn.
In-numru ta’ suldati li jagħmlu għassa diretta ma’ l-immigranti irregolari fil-barracks ta’ Ħal-Safi baqa’ 17, kif kien qabel l-inċidenti tat-13 ta’ Jannar 2005.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li fiċ-ċentri tar-refuġjati m'hemmx ħalib għat-trabi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi għalkemm fil-preżent m'hemmx trabi fiċ-ċentri ta' detenzjoni għall-immigranti irregolari, meta kien il-każ kien ġie provdut il-ħalib meħtieġ, anke minn xi NGO's.