Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm studenti barranin l-Universita'? F'liema fakultajiet jinsabu? Kemm hu l-ħlas li kull student qed iħallas? X'sistemi jintużaw għall-ivvettjar taċ-ċertifikati ta' dawn l-istudenti meta jidħlu l-Universita'?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub qed jinġabar u tweġiba tingħata f'Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew imrobbija summien f'dawn l-aħħar ħames snin u kemm tħarrbu, sena b'sena?
Din il-mistoqsija qed issir fid-dawl li xi kaċċaturi informawni li l-kaċċaturi kollha qed iħallsu lira fis-sena għal dan il-għan.
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 11776.
Jista' il-Prim Ministru jikkonferma jekk xi dipartiment taħt id-dekasteru tiegħu huwiex qed jistaqsi lill-aġenziji ta' l-ivvjaġġar jew skejjel ta' l-Ingliż għal listi ta' liema host families ħadu studenti għandhom u kemm jiġġeneraw turnover? Jista' jispjega l-iskop ta' dan l-eżerċizzju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
Awtorita' Maltija għas-Servizzi Finanzjarji — Chairpersons/diretturi/kapijiet eżekuttivi
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk qatt sarx stħarriġ mir-Reġistratur tal-Kumpanniji jew l-Ispettorat għas-servizzi finanzjarji fi ħdan l-awtorita' Maltija għas-Servizzi Finanzjarji jew mill-bord ta' l-accountancy dwar xi irregolaritajiet relatati ma' każi fejn uffiċjali (chairpersons, diretturi jew kapijiet eżekuttivi) ta' kumpanniji jkollhom attivitajiet kummerċjali fi sħab direttament jew indirettament ma' l-istess awdituri ta' l-istess kumpanniji tagħhom? Jekk fl-affermattiv, kienx hemm każi relatati ma banek kummerċjali u x'passi ttieħdu? X'inhuma r-riperkussjonijiet ta' każi simili - b'mod speċjali fid-dawl tal-liġi tal-kumpanniji u tal-liġi dwar il-professjoni ta' l-accountancy?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma jirriżultax li qatt saru rapporti f’dan is-sens la lill-MFSA u lanqas lill-Accountancy Board. Li kieku l-MFSA u/jew ir-Reġistratur tal-Kumpaniji rċevew xi rapporti kienu jinvestigaw jekk il-fatti jammontawx għal xi ksur tal-liġijiet relevanti u jaġixxu skond il-liġi. Għar-rigward ta’ l-awdituri, l-Accountancy Board ħareġ Kodiċi ta’ Etika ġdid fejn l-awditur għandu jżomm l-indipendenza tiegħu fuq xogħolu f’każijiet bħal dawn billi ma jkunx parti mill-audit team.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-gvern għandux ħsieb li jilleġisla sabiex jagħti aktar trasparenza fil-qasam kummerċjali (kif sar fl-Istati Uniti u pajjiżi oħra) billi jillimita b'mod effettiv u deċiżiv l-attivitajiet tal-kumpanniji ta' awdituri f'oqsma bħal konsulenza, reġistrazzjoni ta' kumpanniji, I.T. jew żamma ta' kotba għall-klijenti tagħhom? Qed isir impact assessment mill-gvern, mill-Bank Ċentrali, mill-awtorita' Maltija għas-servizzi finanzjarji, mill-Accountancy Board jew minn entitajiet oħra ta' l-impatt li qed ikollhom interessi simili li xi kultant jistgħu jkunu konfliġġenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa għaddejja proposta ta’ Direttiva mill-Unjoni Ewropea eżattament dwar dawn is-suġġetti u għaddejjin diversi forom ta’ konsultazzjonijiet u proposti dwar aspetti diversi f’din il-materja. Bħala membru ta’ l-Unjoni Ewropea, Malta qegħda tieħu sehem attiv f’dawn id-diskussjonijiet tekniċi u finalment Malta tkun obbligata tadotta l-miżuri komuni li jkunu miftehma mill-Unjoni Ewropea. Dan l-eżerċizzju ma jinkludix impact assessment.
Minn naħa ta’ l-Accountancy Board sar studju fuq l-attivitajiet imsemmija fil-mistoqsija u nħareġ Kodiċi ta’ Etika ġdid din is-sena skond standard internazzjonali fejn jirregola dawn l-attivitajiet.
B'referenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 11656, jista' il-Minsitru jagħti lista ta' min huma l-full-time academic staff ta' l-Universita' li fil-fatt għandhom permess sabiex jagħmlu xogħol ieħor privat jew pubbliku? Kif qed tiġi kkumpensata l-Universita' talli dawn il-persuni qed jagħmlu xogħol a detriment ta' sħabhom, l-istudenti u r-riżorsi ta' l-Universita'?
Jista' jgħid x'inhuma l-kriterji li fuqhom jiġu kkunsidrati t-talbiet? Kemm-il talba ġiet miċħuda, sena b'sena, mill-1998? Xi jgħid il-collective agreement ta' l-istaff akkademiku dwar xogħol privat jew pubbliku? Jista' ipoġġi t-taqsimiet relevanti fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma nħossx li għandi nagħti informazzjoni ta' natura privata kif mitluba mill-Onor. Membru. Iżda ninsab assigurat li min għandu il-permess jagħmel xogħol ieħor dan ma jkunx ta' detriment għall-Universita'. Naf ukoll li b'hekk jingħata kontribut lis-settur ekonomiku u dak soċjali tal-pajjiż.
Informat li l-Ftehim Kollettiv jipprovdi li l-għoti tal-permessi meħtieġa jingħataw sakemm arranġamenti adekwati jiġu magħmula biex ix-xogħol barra l-Universita' ma jkollux effett negattiv fuq ix-xogħol akkademiku fl-Universita'.
B'referenza għal mistoqsija parlamentari preċedenti dwar University full-time academic staff li jaħdmu wkoll mal-privat jew mas-servizz pubbliku, jidhirlu l-Ministru jekk huwiex il-każ li din il-materja għandhiex tiġi regolata b'mod apert u trasparenti billi ċertu persuni jokkupaw karigi kemm pubbliċi u kemm privati li huma ta' relevanza nazzjonali li ħafna drabi jistgħu jkunu ta' konflitt mhux biss minħabba l-istatus tagħhom bħala uffiċjali mħallsa mill-kaxxa ta' Malta iżda, fuq kollox, moralment ipoġġu l-istess persuni - u l-gvern - suġġetti għal akkużi ta' nuqqas ta' sensittivita' lejn l-Universita' stess minħabba l-impenn neċessarju fix-xogħol magħżul?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija numru 11944.
Jista' il-Ministru jgħid jekk u kemm-il każ instab ta' staff akkademiku li kien qed jaħdem f'postijiet oħra bla permess tul l-aħħar ħames snin? Min hu responsabbli minn dan l-istħarriġ? X'inhi l-pożizzjoni uffiċjali tal-ministeru tiegħu dwar dan it-tip ta' xogħol fid-dawl tas-sitwazzjoni ta' l-ispejjeż ta' l-Universita', l-issue ta' l-istipendji u, fuq kollox, il-ħaqq soċjali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma hemm l-ebda struttura fl-Universita' responsabbli biex tistħarreġ jekk impjegati akkademiċi humiex qed jaħdmu privatament mingħajr permess.
Dwar il-pożizzjoni ta' l-Universita' u tal-Ministeru, fuq xogħol minn akkademiċi barra l-Universita', nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija numru 11944.
Awtorita' Maltija għas-Servizzi Finanzjarji — Użu ta' proprjeta'
Question
Jista' il-Prim Minsitru jgħid jekk l-awtorita' Maltija għas-servizzi finanzjarji jew il-Bank Ċentrali ta' Malta tul l-aħħar ħames snin kellhomx rapporti dwar - jew ikkonstatawx - l-użu mingħajr il-permessi jew liċenzji meħtieġa ta' proprjeta' bħala uffiċini ta' xi bank kummerċjali? F'każijiet simili, x'passi jittieħdu u x'inhuma l-implikazzjonijiet għall-bank jew banek in kwestjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
MEPA — Talbiet minn banek kummerċjali għal change of use
Question
Jista' il-Ministru jgħid liema kienu t-talbiet li saru mill-banek kummerċjali lill-MEPA għal change of use minn proprjeta' residenzjali għal proprjeta' għal użu bħala uffiċini fl-area tal-Mosta tul l-aħħar sitt snin? Jista' jgħid x'inhuma l-implikazzjonijiet fil-każ li proprjeta' residenzjali ġiet użata għall-għanijiet imsemmija mingħajr il-permessi meħtieġa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Skond is-sistema ta' l-informatika ta' l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) irċevejna applikazzjoni waħda mill-banek kummerċjali għal change of use minn propjetà residenzjali għal propjetà għal użu bħala uffiċini fl-area tal-Mosta tul l-aħħar sitt snin. In-numru ta’ din l-applikazzjoni huwa PA 01302/02.
Din l-informazzjoni ġiet maħruġa mis-sistema ta’ l-informatika ta’ l-Awtorità bil-kriterji hawn taħt imsemmija :
1. Dawk l-applikazzjonijiet li fil-proposta għandhom il-kelma bank jew li l-isem ta’ l-applikant jinkludi il-kelma bank.
2. Dawk l-applikazzjonijiet li irċevejna mill-ewwel ta’ Jannar tas-sena 1999.
3. Dawk l-applikazzjonijiet li l-kunsill lokali tagħhom huwa l-Mosta.
Awtorita' Maltija għas-Servizzi Finanzjarji — Chairpersons/diretturi/kapijiet eżekuttivi
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk qatt sarx stħarriġ mir-Reġistratur tal-Kumpanniji jew l-Ispettorat għas-Servizzi Finanzarji fi ħdan l-awtorita' Maltija għas-servizzi finanzjarji jew mill-board ta' l-accountancy dwar xi irregolaritajiet relatati ma' każi fejn uffiċjali (chairpersons, diretturi jew kapijiet eżekuttivi) ikollhom uliedhom jew qraba immedjati tagħhom fl-ingaġġ ta' l-istess awdituri tal-kumpannija tagħhom? Jekk fl-affermattiv, kienx hemm każi relatati ma banek kummerċjali u x'passi ttieħdu? X'inhuma r-riperkussjonijiet ta' każi simili - b'mod speċjali fid-dawl tal-liġi tal-kumpanniji u tal-liġi dwar il-professjoni ta' l-accountancy?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Ministrju jgħid jekk hux minnu li qed jinxtraw tiġieġ min ta' barra għall-isptar San Luqa? Jekk hu hekk, għalfejn mhux qed jinxtara tiġieġ Malti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li x-xiri ta' tiġieġ, bħal kull proviżjon ieħor għall-isptarijiet kollha ta' Malta, isir wara ħruġ ta' talba għall-offerti. F'dan il-każ it-talba għall-offerti ħarġet mid-Dipartiment tal-Kuntratti fit-23 ta' Lulju 2004.
Kien hemm disa' offerti. Ħames offerti kienu għal tiġieġ lokali bi prezzijiet li jvarjaw minn 71c5 sa 87c7 il-kilogramma u erba' offerti għal tiġieġ ta' barra bi prezzijiet li jvarjaw minn 61c sa 82c8 il-kilogramma. Wara t-testijiet tal-laboratorju neċessarji ittieħdet l-irħas offerta bil-prezz ta 61c il-kilogramma li kienet għal tiġieġ ta' barra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il turist taħt it-18-il sena għamel rapporti fuq serq matul is-snin 2003 u 2004 u liema kienu l-għases fejn saru r-rapporti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fis-sistema kompjuterizzata miżmuma għall-fini ta' statistika ma tindikax jekk il-persuna li tkun qed tagħmel ir-rapport tkunx turista jew le. Għaldaqstant it-tagħrif mogħti f'din it-Tweġiba jindika rapporti ta' serq magħmula minn persuni taħt it-tmintax-il sena li jidhru li huma ta' nazzjonalita' barranija. Dan it-tagħrif jinżamm skond id-Diviżjon tal-Pulizija u huwa kif jidher fuq it-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il appartament ġie mibni ġo Tas-Sliema (jeskludi ta' Qui-si-Sana u Tigne') li jħallsu il-commuted parking payment scheme mill-1991 sal-ġurnata tal-lum? Jista' jgħid ukoll kemm irid iħallas żviluppatur għal kull karozza?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tingħata f’Seduta oħra.
Bil-prezzijiet kurrenti taż-żejt, jista' il-Prim Ministru jikkompara l-prezz tal-petrol bil-lira Maltija u kemm kien ikun kieku Malta kienet qed tuża l-Euro?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9269 datata 19/11/2004 u cioe' jgħid jekk il-kondizzjonijiet ta' l-impjiegi ta' l-istaff akkademiku ta' l-Universita' jinkludux, u jekk fl-affermattiv jindika, x'inhuma n-numru ta' sigħat tax-xogħol u jekk hemmx xi benchmarks dwar kemm minn dawn is-sigħat għandhom jiġu wżati għal-lectures, tutorials, xogħol ra' riċerka, eċċ.?
Jista' ukoll jgħid x'arranġamenti jeżistu għal dawk il-membri ta' l-istaff akkademiku li jokkupaw karigi pubbliċi jew privati u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra il-pożizzjoni/grad ta' dawk il-membri ta' l-istaff akkademiku li huma awtorizzati li jokkupaw karigi pubbliċi u privati u x'inhuma dawn il-karigi?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-Mistoqsija hija definita fil-ftehim kollettiv dwar l-istaff akkademiku.
Informat li m'hemmx arranġamenti fissi rigward staff akkademiku li jkunu mitluba jagħtu servizz pubbliku jew privat, u kull każ jiġi ttrattat skond iċ-ċirkostanzi partikolari.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu fid-dawl li kien hemm żbalji fuq il-karta ta' l-eżamijiet ta' TEFL u min se jkun accountable għall-iżbalji li saru? X'se jsir mir-riżultati biex jiġu assessjati mod fair?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li wara li ddiskuta l-aspetti kollha tal-każ, il-Bord ta' Sorveljanza tat-Tagħlim ta' l-Ingliż bħala Lingwa Barranija, li huwa Bord awtonomu, ddeċieda li l-eżami bil-miktub jiġi kkoreġut, u l-marki għall-mistoqsijiet fejn kien hemm żbalji jitqassmu fuq sezzjonijiet oħra tal-karta. Iċ-Ċirkolari Numru EFL 4/2005 tat-30 ta' Marzu 2005 ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kopja tar-rapport dwar l-istħarriġ ta' dan il-każ magħmul mid-Direttur tat-Teknoloġija fl-Edukazzjoni s-sur Lawrence Zammit, tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra mat-tweġiba għal Mistoqsija numru 11625.
Jista' il-Prim Ministru jgħid f'liema stat wasal ix-xogħol fuq Dar Malta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-interior designs huma lesti u dawn jinkludu t-tqassim ta’ kmamar, sistemi ta’ sigurtà, telephones u IT. Dawn l-arranġamenti huma intenzjonati għall-bini kollu b’mod partikulari għall-Ambaxxata Maltija fil-Belġju u r-Rappreżentanza Permanenti.
B’dawn fil-post inkunu nistgħu naġġornaw l-applikazzjoni għall-permessi li kienu diġà ġew sottomessi mill-kuntratturi għal refurbishment minimu fuq standards kummerċjali. B’dawn il-permessi ġodda jkollna Ambaxxata u Rappreżentanza Permanenti ta’ livell xieraq.
Fil-frattemp, xogħolijiet bħal żarmar ta’ fittings u fixtures u ġarr ta’ terrapien li ma kellhomx bżonn permessi diġà saru. Ix-xogħol il-kbir u viżibbli jinbeda mal-ħruġ tal-permessi.
Jista' il-Ministru jagħti account ta' kemm inbnew appartamenti ġo Qui-si-Sana u Tigne' mill-1991 sal-ġurnata tal-lum u kemm minnhom taw il-commuted parking payment scheme u għal kemm jammontaw karozzi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tingħata f’Seduta oħra.