Jista' il-Ministru jagħti breakdown ta' l-arrivals per destination mill-1 ta' Jannar sa l-aħħar ta' April u jagħti l-average duration ta' kull arrival?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor interpellant.
Jista' il-Prim Ministru jikkonferma jekk xi dipartiment taħt id-dekasteru tiegħu huwiex qed jistaqsi lill-aġenziji ta' l-ivvjaġġar jew skejjel ta' l-Ingliż għal listi ta' liema host families ħadu studenti għandhom u kemm jiġġeneraw turnover? Jista' jispjega l-iskop ta' dan l-eżerċizzju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-ebda dipartiment taħt id-dekasteru tiegħi ma qatt talab għall-informazzjoni msemmija fid-domanda ta’ l-Onorevoli Interpellant.
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tat-Taxxi Interni biss qed jitlob informazzjoni lil skejjel ta’ l-Ingliż dwar ħlasijiet lil host families. Is-sistema ta’ self assessment li topera f’Malta tinkludi fiha sistema ta’ verifika biex jiġi żgurat li kulħadd iħallas it-taxxa dovuta minnu. Għal din ir-raġuni l-Kummissarju tat-Taxxi Interni għandu l-fakultà li jitlob informazzjoni u dan jagħmlu mhux biss dwar dan is-settur imma wkoll setturi oħrajn.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-pjanta li kienet flimkien mas-sejħa għat-tender 33, immarkata P.D.2005-29 u kopja ta' l-istess tender maħruġ fil-25 ta' Frar?
Response (BORG, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra 25 kopja tat-tender Numru 33 maħruġa mit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern fil-25 ta' Frar 2005 flimkien mal-pjanta relattiva, kif ukoll kopja waħda kompluta bil-permess tal-MEPA.
Jista' il-Ministru jgħid x'xogħol qed isir sabiex il-queues fid-dipartiment tal-liċenzji jittaffa darba għal dejjem?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposti li kont tajt għad-domandi parlamentari 10786 u 11051. Jekk il-poplu jsegwi s-suġġerimenti mogħtija, dawn il- queues jiġu mnaqqsa drastikament.
L- Onorevoli Interpellant għandu jkun infurmat ukoll li l-Awtorita' dwar it-Trasport ħadet dawn il- miżuri:
1. L- Awtorita' qed tiżgura li jkun hemm clerk f’kull counter li hemm fis-swali A u B biex il-pubbliku jinqeda aktar malajr;
2. Dan ix-xahar, l- Awtorita' introduċiet kunċett ta’ fast lane f’sala A biex dawk in-nies li jiġu biex iġeddu liċenzja waħda jew tnejn jinqdew aktar malajr;
3. Ġiet introdotta sistema fejn l-impjegati ta’ l-Awtorita’ li m’humiex parti tad-Direttorat tal-Liċenzji ġew mgħallmin is-sistema ta' kif jinħaddmu l-liċenzji biex tiżdied il-flessibililta’ meta jkun hemm bżonn;
4. L- impjegati tad-Direttorat tal-Liċenzji ġew mgħallmin id-diversi sistemi li hemm biex ikunu jistgħu jiċċaqalqu minn sala għall-oħra skond l- eżiġenzi;
5. Il-Managementqed jiżgura li kull impjegat qed jiġi utilizzat fil-massimu tiegħu jew tagħha, dan billi regolarment jivvalutaw rapporti fuq it- transazzjonijiet li qed jipproċessaw kull impjegat kull siegha.
Barra min hekk, fil-futur immedjat l-Awtorita' sejra tieħu miżuri oħra f’dan ir-rigward. Fosthom hemm dawn msemmija hawn taħt:
· Qegħdin jitbiddlu il-proċeduri kif entitajiet bħall-Insurance Agencies, Brokers, Sub-Agents, u Public Service Garages jiddepożitaw id-dokumenti tagħhom biex jiġu moqdija separatament mill-pubbliku ġenerali;
· Bħalissa għaddejin xogħlijiet sabiex tiġi ntrodotta sistema elettronika bbażata fuq l-internet. Din ħa tkun tipprovdi faċilita’ fejn l-individwu jkun jista’ jġedded il-liċenzja tal-karozza mingħand l-Insurance Agencies jew anke mill-kumdita’ ta’ daru;
· Qed isir studju professjonali intern fejn qed jiġu evalwati s-sistemi u proċeduri kollha bil-għan li jiġu iktar effiċjenti u streamlined;
· Qed tissaħħaħ il-funzjoni ta’ Customer Care sabiex tkun tista' tiffoka aktar fuq il-problemi tal-pubbliku qabel ma dawn jibdew il- queue fis-swali, u b’hekk jingħata servizz aħjar lill-pubbliku.
· Qed jittieħdu miżuri fejn il-ħin neċessarju sabiex tipproċessa kull transazzjoni fis-sistema kompjuterizzata tiġi mnaqqsa kemm jista’ jkun.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm kirurgi speċjalisti li jagħmlu operazzjonijiet tal-kataretti fl-isptar San Luqa? Kemm hi l-waiting list għal kull speċjalista? Kemm saru operazzjonijeit tal-kataretti f'kull xahar għal dawn l-aħħar tliet snin?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant fuq il-Mejda tal-Kamra.
Nirriferi lill-Ministru għall-comparative return of expenditure report għall-perjodu bejn l-1 ta' Jannar u t-28 ta' Frar 2005 kif ġie pubblikat fuq il-gazzetta tal-gvern. Tista' il-Ministru tagħti informazzjoni kif fl-2004 l-ispiża għal social security benefits għall-perjodu kienet Lm31,736,056 u din is-sena Lm40,558,450 għall-istess żmien?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub qed jinġabar u Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hija l-waiting list għal kull konsulent fl-isptar San Luqa? Jista' jispjega jekk huwiex minnu jew sew li pazjent ta' 19-il sena għandu jistenna mill-inqas sitt xhur għal operazzjoni tal-curciate ligaments ta' l-irkoppa u f'dan il-perjodu ma jkunx jista' jimxi jew jaħdem?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dwar kemm hija serja u urġenti l-operazzjoni dejjem kien u għandu jibqa l-konsulent li jiddeċidi u ħadd iżjed.
Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-pilloli tal-qalb Vastarel humiex out of stock? Jekk dan huwa minnu, meta se jkun hemm kunsinna oħra? Il-għala spiċċaw out of stock? Hemm pilloli alternattivi f'każ ta' ħtieġa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-pilloli Trimetazidine Hydrochloride 20mg huma out of stock. Il-kunsinna li jmiss għandha tasal Malta sa l-aħħar ta' dan ix-xahar.
Il-konsum ta' din il-mediċina kien diġa żdied b'wieħed u tletin fil-mija bejn is-sena 2003 u 2004. Fl-ewwel xahar ta' din is-sena s-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern kienu diġa ħarġu ħamsa u għoxrin fil-mija tal-konsum tal-2004 lill-klijenti tagħhom minħabba li l-konsum baqa' dejjem tiela'.
Is-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern ma jaħżinx mediċini oħra f'din l-istess kategorija.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti rendikont ta' kemm ġiet tiswa sal-lum is-sistema tal-wardens (f'sistemi, nies, aġenziji, authorised officers, tribunali, eċċ.) għall-gvern u għal kull entita' jew kunsill lokali li joperaw fuqha? Min kienu l-kumpanniji li magħhom saru xi kuntratti u kemm dawn ġew imħallsa flus s'issa? X'kien id-dħul attwali mis-sistema?
Response (BORG, TONIO)
Is-Sistema ta' l-Infurzar Lokali (Local Enforcement System) hija waħda kumplessa ħafna li tinvolvi diversi partijiet, fosthom: l-Uffiċjali Awtorizzati, l-Aġenziji tal-Gwardjani Lokali, il-Kumitati Konġunti li jinkorporaw numru ta' Kunsilli Lokali, l-iskrivani fit-Tribunali Lokali, il-Kummissarji tal-Ġustizzja u l-Prosekuturi.
Ninsab infurmat illi biex l-Onor. Interpellant jingħata t-tagħrif mitlub hu rikjest eżerċizzju vast ħafna li jirrikjedi l-ġbir ta' l-informazzjoni mid-diversi entitajiet imsemmija.
Minħabba li dan l-eżerċizzju hu wieħed kumpless ħafna u li jieħu fit-tul għar-raġunijiet indikati hawn fuq, ma nħossx li għandna niddedikaw ir-riżorsi limitati fuq hekk.
Kontravenzjonijiet tat-traffiku — Local enforcement system
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'tip ta' kontrolli hemm fuq is-sistema tal-local enforcement system sabiex jiġi żgurat li ebda ċitazzjoni ma tista' tiġi mibdula jew imħassra mis-sistema?
Jista' jgħid x'tibdiliet saru fis-sistema tal-local enforcement system tul iż-żmien li ilha topera minn dak li kien ġie mitlub fit-tender oriġinali tas-sistema?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-regola ġenerali hi li ġaladarba ikun ingħata Avviż ta' Kontravvenzjoni (ticket) tali ċitazzjoni ma tistax tiġi mibdula jew imħassra mis-sistema.
L-eċċezzjoni hi biss fil-każijiet eċċezzjonali meta il-Gwardjan Lokali joħroġ Avviż ta' Kontravvenzjoni u jinduna li jkun ħa żball. F'dan il-każ, l-istess Gwardjan Lokali għandu jieħu affidavit li fih jagħti r-raġunijiet għalfejn dak l-Avviż għandu jkun ikkanċellat. Il-proċedura sħiħa dwar kif isir it-tħassir jew korrezzjoni tad-dettalji ta' l-Avviż tal-Kontravvenzjoni kienet ġiet indikata lill-Kunsilli Lokali kollha permezz taċ-ċirkolari Nru 5/2003 maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali fil-11 ta' Frar 2003.
Għar-rigward tal-parti tal-mistoqsija dwar tibdiliet fis-sistema tal-Local Enforcement System minn meta din bdiet titħaddem, peress li saru diversi 'upgrades' fis-sistema biex jirriflettu ż-żidiet fil-funzjonijiet ta' l-infurzar lokali, tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.
Nirriferi lill-Ministru għall-comparative return of expenditure report għall-perjodu bejn l-1 ta' Jannar u t-28 ta' Frar 2005 kif ġie ppubblikat fuq il-Gazzetta tal-Gvern. Jista' il-Ministru jagħti informazzjoni kif fl-2004 l-ispiża tal-ministeru tiegħu għall-istess perjodu kienet Lm460,721 u din is-sena hija Lm1,269,712 għall-istess żmien?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra analiżi komparattiva tal-perijodu msemmi fil-mistoqsija.
Ninforma lill-Onor Interpellant li matul is-sena 2004 il-fondi taħt Contributions to Government Entities kienu amministrati mill-Ministeru għaż-Żgħażagħ u Kultura. Dawn il-fondi ġew trasferiti lill-Ministeru tiegħi minn din is-sena.
Bil-prezzijiet kurrenti taż-żejt, jista' il-Prim Ministru jikkompara l-prezz tal-petrol bil-lira Maltija u kemm kien ikun kieku Malta kienet qed tuża l-Euro?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-prezz kurrenti tal-petrol bla ċomb huwa Lm0.381 il-litru. Dan huwa ekwivalenti għal 88c5 (Euro cents), skond ir-rata tal-kambju 0.4305.
Awtorita' Maltija għas-Servizzi Finanzjarji — Użu ta' proprjeta'
Question
Jista' il-Prim Minsitru jgħid jekk l-awtorita' Maltija għas-servizzi finanzjarji jew il-Bank Ċentrali ta' Malta tul l-aħħar ħames snin kellhomx rapporti dwar - jew ikkonstatawx - l-użu mingħajr il-permessi jew liċenzji meħtieġa ta' proprjeta' bħala uffiċini ta' xi bank kummerċjali? F'każijiet simili, x'passi jittieħdu u x'inhuma l-implikazzjonijiet għall-bank jew banek in kwestjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li f’dawn l-aħħar ħames snin ma jirriżultax li qatt sar xi rapport f’dan is-sens. Jekk ikun il-każ, l-MFSA tieħu l-miżuri xierqa skond il-poteri u provvedimenti tal-Banking Act 1994.
Awtorita' Maltija għas-Servizzi Finanzjarji — Chairpersons/diretturi/kapijiet eżekuttivi
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk qatt sarx stħarriġ mir-Reġistratur tal-Kumpanniji jew l-Ispettorat għas-Servizzi Finanzarji fi ħdan l-awtorita' Maltija għas-servizzi finanzjarji jew mill-board ta' l-accountancy dwar xi irregolaritajiet relatati ma' każi fejn uffiċjali (chairpersons, diretturi jew kapijiet eżekuttivi) ikollhom uliedhom jew qraba immedjati tagħhom fl-ingaġġ ta' l-istess awdituri tal-kumpannija tagħhom? Jekk fl-affermattiv, kienx hemm każi relatati ma banek kummerċjali u x'passi ttieħdu? X'inhuma r-riperkussjonijiet ta' każi simili - b'mod speċjali fid-dawl tal-liġi tal-kumpanniji u tal-liġi dwar il-professjoni ta' l-accountancy?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 11951.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 11620, billi l-abbozz ġie pubblikat fis-sena 2000, iħoss il-Ministru li wasal iż-żmien li l-MEPA tippubblika abbozz aġġornat tal-pjan lokali għall-portijiet tat-tramuntana sabiex wieħed ikun jista' jirregola ruħu mat-tibdiliet li seħħew? Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra x'kienu t-tibdiliet li seħħew tul dawn il-ħames snin kemm bħala riżultat tal-konsultazzjoni u kemm bħala riżultat ta' żviluppi approvati?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Skond il-provvedimenti tal-liġi, il-proċess tat-tfassil ta' pjan lokali ma jikkontemplax li jiġi ppubblikat abbozz ieħor. Il-pjan lokali din id-darba jkun il-verżjoni definittiva u jibda jseħħ malli jiġi approvat.
Kif tħabbar pubblikament waqt il-varar tad-DC 2005 nhar it-12 ta' April 2005, huwa mistenni li sa tmiem din is-sena, il-pjani lokali kollha jitlestew b'mod definittiv.
Skond il-provvediment ta’ l-Att XX1 tal-2001 fl-artiklu 27, il-proċess tal-konsultazzjoni pubblika jrid jiġi ppubblikat flimkien mal-pjan lokali approvat.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 11944, jista' il-Ministru jindika kemm hemm staff akkademiku part-time u full-time f'kull fakulta' ta' l-universita' u xi grad jokkupaw? Jista' jindika kemm minn dan l-istaff full-time għandhom permess sabiex jokkupaw karigi pubbliċi u kemm għandhom permess jokkupaw karigi privati? Jista' jindika min hu responsabbli biex skond il-ftehim kollettiv jagħti dawn il-permessi u jgħid x'inhuma l-kriterji wżati biex jiġi żgurat li tali permess ma jkollux effett negattiv fuq l-operat ta' l-universita"?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li fuqhom studenti universitarji jingħataw stipendju? L-attendenza għal-lectures hija rekwiżit? Jekk iva, x'sistema ta' rassenji jinżammu? Fil-każ li lecturer ma jeħux attendenza jew ifalli, x'jiġri? Hemm obbligu tal-fakultajiet li jagħtu numru minimu ta' lectures għal credits? Iħoss li wasal iż-żmien li jkun hemm sistemi moderni ta' żamma ta' l-attendenza (bl-użu forsi tal-biometrics) kemm għall-istudenti u għall-istaff ta' l-Universita'?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-kriterji li fuqhom l-istudenti universitarji jingħataw l-istipendju huma stipulati fir-'Regolamenti dwar Għotjiet ta' Manteniment għal Studenti Post-Sekondarji u Terzjarji' (L-Avviż Legali 165 ta' l-1999, kif emendat bl-Avviżi Legali 171 ta' l-1999, 180 ta' l-2000, 193 ta' l-2001 u 204 ta' l-2003). Ser ngħaddi s-suġġerimenti ta' l-Onor. Membru għall-konsiderazzjoni fil-kors tar-riformi li qed jinħassbu għas-settur ta' l-Edukazzjoni ogħla.