Jista' il-Ministru jgħid għalfejn hemm dan id-dewmien kollu biex l-ADT tipproċċessa t-talba tal-kunsill lokali ta' San Ġwann biex isiru l-pelican lights maġenb l-iskola fi Vjal Rihan, Naxxar Road? Jista' il-Ministru jara li jsiru dawn il-pelican lights minħabba l-periklu li hemm għat-tfal u l-ġenituri li jkunu jridu jaqsmu għall-iskola?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tad-Direttorat għall-Immaniġġjar tat-Traffiku irriżulta li t-talbiet tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann datati 27 ta’ Ottubru 2003 u 11 ta’ Gunju 2004, kienu biex il-Belisha Crossings eżistenti ħdejn il-flats tal-Gvern isiru Pelican Crossing. Din it-talba ġiet milqugħa u l-installazzjoni ta’ din il-Pelican Crossing qiegħda nkluża fil-lista’ ta’ prijorita ta’ l-Awtorita dwar it-Trasport għall-implimentazzjoni.
Bil-għan sabiex tittejjeb is-sigurta’ fil-viċinanzi ta’ l-iskola fuq imsemmija huwa propost li z-zebra crossing eżistenti kantuniera ma’ Vjal in-Naspli tkun imressqa aktar lejn l-iskola u li s-central strip tiġi estiża t-tul tat-triq.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li jimxi fuqhom il-ministeru tal-finanzi meta jiġi biex jiddeċiedi jekk vettura tikkwalifikax għal reġistrazzjoni bl-ittri TF? Dawn il-kriterji jagħmlu parti mil-liġi? Jekk ma jagħmlux, ma jħossx il-Prim Ministru li wasal iż-żmien u allura jagħti direttiva f'dan is-sens li dawn il-kriterji jifformaw parti mil-liġi għal aktar trasparenza, aktar u aktar fid-dawl tal-fatt li f'dawn l-aħħar snin kien hemm żieda qawwija fil-ħruġ tal-blue badge li suppost tinħareġ biss fir-rigward ta' persuni li jinsabu f'wheelchairs?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għar-rigward ta’ l-eżenzjonijiet li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni dwar il-kriterji applikabbli biex vettura tikkwalifika għal reġistrazzjoni bl-ittri TF fil-każ ta’ persuni b’diżabilità.
Dawn il-kriterji jitħaddmu bis-saħħa ta’ Art. 19(2) tal-liġi dwar Reġistrazzjoni ta’ Vetturi bil-mutur (Kap. 368) u jitħaddmu mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità. Nemmen li kull eżenzjoni qed tingħata b’mod ġust. Jekk l-Onorevoli Interpellant għandu xi każijiet fejn jaħseb li sar abbuż nitolbu jgħaddihomli.
Għar-rigward ta’ informazzjoni dwar il-blue badge, din toħroġ f’każijiet ta’ persuni li għandhom xi kundizzjoni medika jew fiżika li taffettwa severament il-mobilità tagħhom u mhux biss għal persuni li jkunu f’siġġu tar-roti.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma rapporti li saru fil-ġurnali xi jiem ilu fejn intqal li l-Assoċjazzjoni Medika Maltija tat direttivi lit-tobba sabiex ma jattendux fiċ-ċentri ta' detenzjoni billi kien hemm ilmenti fuq il-faċilitajiet fil-kliniċi u billi kien hemm immigranti li taw fastidju lil tobba femminili? Jistax jgħid x'passi ttieħdu f'dan ir-rigward u jekk sarux rapporti uffiċjali dwar harassment minn xi tobba nisa? Jekk fl-affermattiv, x'tip ta' azzjoni tista' tittieħed kontra xi immigranti li jinstabu ħatja?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi, għalkemm it-tobba ngħataw direttivi mill-Assoċjazzjoni Medika Maltija sabiex ma jattendux fiċ-ċentri ta' akkomodazzjoni għall-immigranti irregolari, il-Pulizija ma kelliex rapporti uffiċjali dwar harassment minn tobba waqt li kienu msejħa f'dawn iċ-ċentri. Ninsab infurmat ukoll illi f'kull ċentru ta' akkomodazzjoni amministrat mill-Pulizija, hemm kamra mgħammra b'faċilitajiet basiċi li wieħed isib fi klinika medika. Dawn il-kliniċi huma barra u separati mill-post fejn l-immigranti irregolari huma akkomodati. Meta immigrant irregolari fiċ-ċentru ikollu bżonn assistenza medika, il-vista mit-tabib issir f'din il-klinika. Il-Pulizija tinvestiga kull rapport li tirċievi u fejn jirriżulta li seta' kien hemm ksur ta' liġi, tieħu passi kriminali quddiem il-Qorti skond il-liġi.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-policy tal-gvern dwar shelters tal-gwerra li jinsabu fi proprjetajiet privati - speċjalment fejn hemm urban conservation zones? X'inhi l-pożizzjoni tas-suprintendent tal-wirt kulturali f'każi fejn dawn jistgħu jiġu meqruda fi żvilupp? Jikkonsidra il-Ministru li dawn ix-shelters għandhom jiġu mħarssa, billi aktar ma jgħaddi ż-żmien inqas hemm każi ta' shelters intatti u aktar ikollhom valur storiku?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ix-shelters tat-Tieni Gwerra Dinjija huma monumenti storiċi, u huma protetti taħt l-Att Dwar il-Patrimonju Kulturali (2002).
Il-pożizzjoni tas-Sovrintendenza hi li dawn il-monumenti storiċi għandhom jiġu imħarsa u ma għandux isirilhom ħsara, anki f’każ ta’ żvilupp ta’ art pubblika u privata.
Mit-twaqqif taghħa fil-2003 is-Sovrintendenza għall-Patrimonju Kulturali għamlet mill-inqas disa’ interventi biex jiġu mħarsa shelters tat-Tieni Gwerra Dinjija.
Dawn il-kazijiet kienu:
2005 – 2 każijiet (Mtarfa, Gzira)
2004 – 5 każijiet (San Pawl il-Bahar, Zejtun, Rabat, Victoria)
2003 – 2 każijiet (Hamrun, Mtarfa)
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-policy tal-MEPA dwar shelters tal-gwerra li jinsabu fi proprjetajiet privati - speċjalment fejn hemm urban conservation zones? X'inhi l-pożizzjoni f'każi fejn dawn jistgħu jiġu meqruda fi żvilupp? Jikkonsidra l-Ministru li dawn ix-shelters għandhom jiġu mħarsa billi aktar ma jgħaddi ż-żmien, inqas hemm każi ta' shelters intatti u aktar ikollhom valur storiku?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ix-Xelters tat-Tieni Gwerra Dinjija llum għandhom 65 sena u għalhekk jikkwalifikaw bħala antikitajiet għall-iskop tal-liġijiet Maltin permezz ta' Artiklu 3 ta' l-Att dwar il-Wirt Kulturali 2002 (qabel magħrufa bħala l-Att dwar il Protezzjoni ta' l-Antikitajiet, 1925), irrispettivament fejn jinstabu. F'każijiet ta' sejbien ta' xelters waqt żvilupp, anke f'propjeta' privata, l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tagħmel ħilitha sabiex ma' ssirx ħsara lil dawn ix-xelters. Ħafna mix-xelters jinsabu fiż-Żoni tal-Konservazzjoni Urbana peress li f'dawn iċ-ċentri antiki kienu jgħixu l-maġġoranza tal-Maltin. Uħud mix-xelters jinstabu taħt it-toroq u l-bini, oħrajn imħaffra fis-swar.
F'każ ta' sejbien ta' xelters waqt li jkun qed isir żvilupp l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar MEPA normalment tipprova tilħaq ftehim bejn il-partijiet konċernati, inkluż is-sid tal-propjetà, sabiex l-antikitajiet jiġu salvagwardjati. Fejn hu possibbli l-perit jintalab ibiddel parti mid-disinn ta' l-iżvilupp propost sabiex jikkonserva l-antikitajiet misjuba fil-post.
Dawn l-aħħar snin diversi xelters ġew irrestawrati u miftuħa għall-pubbliku bħala attrazzjoni edukattiva, kulturali u turistika. B'hekk, dawn ix-xelters kattru r-repertorju kulturali Malti minn żmien il-preistorja sal-passat riċenti.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-policy tal-MEPA dwar applikazzjonijiet għall-ippjanar fejn dawn l-applikazzjonijiet jistgħu joħolqu periklu lill-proprjetajiet tal-ġirien, b'mod speċjali f'każi li jinvolvu twaqqiegħ, ħitan komuni, skavar ta' basements, eċċ.?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Iċ-ċirkustanzi msemmija fil-mistoqsija mill-Onor. Interpellant huma koperti bill-provvedimenti stipulati fil-Kodiċi Ċivili. L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) f'kull permess li toħroġ tagħmilha ċara li l-approvazzjoni ta' l-iżvilupp huwa mingħajr preġudizzju għal kull dritt li terza persuna jista' jkollha fil-konfront ta' min qed jagħmel l-iżvilupp. Ta' min jinnota li kull żvilupp approvat mill-Awtorità irid isir taħt is-superviżjoni ta' perit li jkun qiegħed jiffirma u jaċċetta dan l-inkarigu fl-applikazzjoni sottomessa ma' l-Awtorità.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-MEPA dwar fdalijiet storiċi li jistgħu jinkludu shelters, ġibjuni, katakombi, eċċ li jinsabu fi proprjetajiet privati waqt xi xogħlijiet jew skavar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-politika ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) dwar sejbien ta' fdalijiet antiki tosserva dik diġa stabbilita skond Artiklu 3 ta' l-Att dwar il-Wirt Kulturali 2002 (qabel magħrufa bħala l-Att dwar il-Protezzjoni ta' l-Antikitajiet, 1925), jiġifieri li kull oġġett li għandu iktar minn ħamsin sena u li jinstab fil-Gżejjer Maltin u l-ibħra territorjali jitqies bħala 'antik' għall-iskop tal-liġijiet Maltin. F'każijiet ta' antikitajiet fi propjetà privata affettwati minn żvilupp, l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tagħmel ħilitha sabiex ma ssirx ħsara lill-antikitajiet imsemmija.
Fil-Pjan ta' Struttura l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għandha policies dwar il-protezzjoni ta' antikitajiet.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'passi se jittieħdu dwar ħlas ta' taxxi mill-host families u/jew mill-iskejjel? Jista' jgħid jekk sarx cross-checking bejn in-numru ta' familji liċenzjati u l-ammont ta' l-arrivals li ġew dikjarati mill-iskejjel? Jista' jgħid x'inhu d-dħul mhux taxxabbli għal kull familja f'dan il-qasam?
Response (GONZI, LAWRENCE)
F’dan l-istadju d-Dipartiment qiegħed jiġbor kemm jista’ jkun informazzjoni. Għar-rigward ta’ passi li ser jittieħdu dwar ħlas ta’ taxxa, id-Dipartiment ser japplika l-proċedura stabbilità bħas-soltu.
Jista' il-Ministru jgħidilna jekk għas-sena kurrenti hux ser ikun hemm fondi disponibbli għall-EU familiarisation lill-korpi kostitwiti kif kienet ir-regola bejn l-1999 u l-2004, u jekk ir-review ta' l-iskema li ġiet indikata wara li ngħataw il-fondi fl-2004 saritx, u fil-każ li iva, l-eżitu ta' l-istess review?
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati vetturi bħala self drive (bl-ittra K) u vetturi garage hire (bl-ittri GY) separatament kull sena bejn l-1999 u l-2004? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawk li ġew reġistrati kull sena bejn l-1999 u l-2001 inbidlitilhom il-pjanċa minn dik tal-kiri għal waħda privata? Jista' jgħid x'kien il-mudell ta' dawn il-vetturi?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn reġistrati vetturi bl-ittri (tax free)? Kemm kienu reġistrati vetturi bl-ittri TF kull sena mill-1996 'il hawn? X'inhuma l-kriterji li fuqhom wieħed jiddeċiedi jekk vettura għandhiex tkun reġistrata bl-ittri TF? X'inhuma l-ammonti li sid ta' vettura jiffranka kemm-il darba jirnexxielu jirreġistra vettura bl-ittri TF?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li jimxi fuqhom il-ministeru tal-finanzi meta jiġi biex jiddeċiedi jekk vettura tikkwalifikax għal reġistrazzjoni bl-ittri TF? Dawn il-kriterji jagħmlu parti mil-liġi? Jekk ma jagħmlux, ma jħossx il-Prim Ministru li wasal iż-żmien u allura jagħti direttiva f'dan is-sens li dawn il-kriterji jifformaw parti mil-liġi għal aktar trasparenza, aktar u aktar fid-dawl tal-fatt li f'dawn l-aħħar snin kien hemm żieda qawwija fil-ħruġ tal-blue badge li suppost tinħareġ biss fir-rigward ta' persuni li jinsabu f'wheelchairs?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inħarġu visas lil ċittadini Ċiniżi kull sena bejn l-2000 u l-2004? Kemm minn dawn inħarġu bl-iskop li jiġu jistudjaw f'Malta? Kemm hu l-perijodu li tkopri l-visa ta' kemm persuna tista' tibqa' f"Malta? Kemm kien in-numru ta' Ċiniżi li fil-fatt daħlu Malta kull sena fl-istess perijodu? Kemm kien in-numru ta' Ċiniżi li ħarġu minn Malta kull sena fl-istess perijodu? Kemm minn dawk li daħlu b'visa baqgħu ma ħarġux minn Malta, minkejja li skaditilhom il-visa? Ma jarahiex stramba l-Viċi Prim Ministru li kważi kuljum fil-gazzetti jidhru reklami minn ċittadini Ċiniżi javżaw li tilfu l-passaport?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' applikazzjonijiet għal visa minn ċittadini Ċiniżi li ġew approvati mill-Pulizija, bejn is-snin 2000 u 2004 kienu, 537, 962, 1,435, 2,279 u 2,646 rispettivament, pero' ir-raġuni mogħtija fit-talba ma tinżammx taħt forma kompjuterizzata. Normalment visa tingħata għall-perijodu ta' xahar, li tista' tiġi estiża wara li ssir talba u tkun ikkunsidrata r-raġuni mogħtija għall-ħtieġa ta' l-estensjoni. Infurmat ukoll illi kull meta l-Pulizija ssir taf li jkun hawn xi barrani, Ċiniż jew ta' kull nazzjonalita' oħra li jkun Malta illegalment, il-Pulizija tieħu l-passi meħtieġa sabiex jitneħħa minn Malta. Fil-fatt matul din is-sena kien hemm 20 persuna ta' nazzjonalita' Ċiniża li tneħħew minn Malta wara li nstab li kienu Malta rregolarment.
Jista' il-Ministru jgħid kemm inħarġu visas lil ċittadini Ċiniżi kull sena bejn l-2000 u l-2004? Kemm minn dawn inħarġu bl-iskop li jiġu jistudjaw f'Malta? Kemm hu l-perijodu li tkopri l-visa ta' kemm persuna tista' tibqa' f'Malta?
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk bdietx tiffunzjona l-financial management monitoring unit li twaqqfet fi ħdan il-ministeru tas-saħħa? X'se jkunu l-funzjonijiet tagħha? Jekk twaqqfet u bdiet tiffunzjona, jista' jgħid jekk bediex isir xi stħarriġ dwar entitajiet tal-gvern? Tista' tghid x'inizjattivi se tieħu din it-taqsima biex ikun żgurat li ma jibqax jeżisti żbilanċ qawwi bejn is-salarji u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, użu tal-karozzi tal-kiri, użu tal-mobiles, eċċ., eċċ. ta' l-uffiċjali u mpjegati oħra fid-diversi entitajiet li fihom il-gvern għandu sehem ta' aktar minn 50%, inklużi awtoritajiet, korporazzjonijiet u aġenziji oħra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm każi rapportati lill-pulizija li jinvolvu b'xi mod ksur ta' liġijiet jew regolamenti dwar iż-żamma ta' annimali, per eżempju, attakki minn annimali, annimali protetti jew mhux endemiċi miżmuma bla permess, moħqrija lejn annimali, eċċ. mill-2003 sal-lum? X'kienu l-ispeċi ta' annimali in kwestjoni? X'kienu r-regolamenti miksura? X'kien l-eżitu tat-taħrikiet jew sentenzi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant, mhux disponibbli taħt forma ta' statistika.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm każi ta' pazjenti li ddaħħlu għal kura fl-isptarijiet ta' Malta u Għawdex bħala riżultat ta' attakki minn annimali jew ġrieħi kkawżati minn annimali, sena b'sena mill-2003 sal-lum?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-Dipartiment ta' l-Emerġenza fl-Isptar San Luqa ma jżommx din l-informazzjoni
Nirriferi lill-Ministru għall-comparative return of expenditure report għall-perjodu bejn l-1 ta' Jannar u t-28 ta' Frar 2005 kif ġie pubblikat fuq il-gazzetta tal-gvern. Tista' il-Ministru tagħti informazzjoni kif fl-2004 l-ispiża għal social security benefits għall-perjodu kienet Lm31,736,056 u din is-sena Lm40,558,450 għall-istess żmien?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li ż-żieda fl-ispiża bejn l-ewwel xahrejn tas-sena l-oħra u dawk ta' din is-sena fil-ħlas ta' benefiċċji u pensjonijiet taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali tirriżulta mill-fatt li f'Jannar ta' din is-sena kien hemm pagament iżjed ta' Pensjonijiet għall-Irtirar u ta' Għajnuna Soċjali. Iż-żieda fl-ispiża rriżultat ukoll kemm miż-żieda fir-rati ta' benefiċċji u pensjonijiet biex tirrifletti ż-żidiet għall-għoli tal-ħajja kif ukoll miż-żieda ta' numru ta' pensjonanti.
Jista' il-Ministru jgħid għalfejn hemm dan id-dewmien kollu biex l-ADT tipproċċessa t-talba tal-kunsill lokali ta' San Ġwann biex isiru l-pelican lights maġenb l-iskola fi Vjal Rihan, Naxxar Road? Jista' il-Ministru jara li jsiru dawn il-pelican lights minħabba l-periklu li hemm għat-tfal u l-ġenituri li jkunu jridu jaqsmu għall-iskola?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm nefaq flus il-ministeru tat-turiżmu mill-1 ta' Jannar sat-tieni ġimgħa ta' Mejju? Fiex intnefqu dawn il-flus? Jista' jagħti breakdown ta' dan l-infiq?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.