Legislature:
Category:
Reset
Active:

Korp Diplomatiku – ex Ambaxxaturi u Heads of Mission

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il Ambaxxatur jew Head of Mission ġew mitluba jirritornaw Malta mill-elezzjoni ’l hawn u kemm sewa dan it-trasferiment lill-Gvern Malti?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dawn l-Ambaxxaturi jew Heads of Mission ġew mitluba jirritornaw lura minn żmien l-elezzjoni sal-lum: Joseph Cole, Godwin Montanaro, Joseph Cassar, Karl Xuereb, Colin Scicluna, Joseph Licari, Walter Balzan, Raymond Sarsero, Therese Cutajar, Charles Sultana u Ray Bondin. Dan it-trasferiment sewa €152,591.49 li minnhom €73,561.49 huma Terminal Benefits li jirriżultaw minn kuntratti li kien għamel Gvern preċedenti.

Korp Diplomatiku – ex Ambaxxaturi u Heads of Mission

Question

B’referenza għal kull persuna li kienet qed isservi bħala Ambaxxatur jew Head of Mission kif ukoll b’referenza għal kull persuna li qabel f’ħin jew ieħor serviet bħala Ambaxxatur jew Head of Mission u li kienet jew għadha tifforma parti mill-pool ta’ career diplomats u li issa ntalbet tiġi lura Malta mill-Elezzjoni Ġenerali ’l hawn, xi rwol preċiż qed taqdi kull tali persuna fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin?

Response (VELLA, GEORGE)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant huwa kif ġej: Is-Sur Joseph Cole qiegħed iservi bħala Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin. Is-Sur Charles Sultana huwa l- Head of Unit tal- Commonwealth u tan-Nazzjonijiet Uniti. Is-Sur Raymond Sarsero huwa l- Head of Unit tar-Relazzjonijiet Esteri, Affarijiet tal-Mediterran u tal-Mashreq. Is-Sinjorina Therese Cutajar tikkordina l-affarijiet li għandhom x'jaqsmu mal- Foreign Affairs Council jiġifieri li kull xahar tieħu ħsieb il-preparamenti ta' dokumenti billi tikkordina u tikklirja l- briefs u briefing notes għall-Ministru għall-Affarijiet Barranin.

TVM – statistika ta’ kemm dehru Ministri u kelliema tal-Oppożizzjoni fuq l-Aħbarijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2974 u jagħti statistika li turi xahar b’xahar kemm dehru Ministri fl-aħbarijiet tat-8 ta’ filgħaxija fuq TVM minn Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jagħti statistika li turi kemm kien hemm kummenti ta’ Ministri fl-aħbarijiet u jagħti l-istess informazzjoni għar-rigward ta’ kelliema tal-Oppożizzjoni?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata tweġiba f’seduta oħra.

TVW — aħbarijiet tat-8 ta’ filgħaxija

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra x’passi qed jieħu l-Gvern dwar l-ilmenti li qed isiru mill-Partit Nazzjonalista dwar l-iżbilanċ li qed ikun hemm kontra l-Partit Nazzjonalista, speċjalment fl-aħbarijiet tat-8 ta’ filgħaxija fuq TVM?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Membru li l-ilmenti ma jiġux indirizzati mill-Gvern i¿da mill-Awtorita' tax-Xandir. Minn informazzjoni li għandi, fl-aħħar xhur ma sar l-ebda ilment dwar l-aħbarijiet tat-8 ta’ filgħaxija fuq TVM mill-Partit Nazzjonalista mal-Awtorita' tax-Xandir.

PBS – Bord għar-riforma

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra meta se jitħabbar il-bord għar-riforma fil-Public Broadcasting Services (PBS) li kien imwiegħed mill-Partit Laburista u li kien issemma’ anke meta tħabbar il-bord il-ġdid?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali ried l-ewwel li jissetiljaw il-bordijiet il-ġodda tal-PBS biex imbagħad jitħabbar bord ta’ riforma. Il-bord tar-riforma se jkun qed jitħabbar sa l-aħħar tas-sena.

PBS – żbilanċ fix-xandir

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra x’inhi l-pożizzjoni tiegħu dwar il-fatt li l-aħħar ilment ta’ żbilanċ fix-xandir mill-Partit Nazzjonalista jirrigwarda l-fatt li l-Public Broadcasting Services (PBS) ħadu intervista lilu iżda ma ġabux reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Partit Nazzjonalista bagħat ilment dwar din l-intervista lil Kap tal-Aħbarijiet fl-10 ta' Lulju. Il-Kap tal-Aħbarijiet wieġeb lid-Direttur tal-Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista l-għada l-11 ta' Lulju. Nifhem li risposta li fiha ġie elenkat ir-rapport estensiv ta' x'qal l-Onor Kap tal-Oppozizzjoni fl-istess tema u fl-istess okkażjoni issodisfatt id-diriġenti tal-Partit Nazzjonalista li ma resqitx l-ilment quddiem l-Awtorità tax-Xandir.

PBS – policy fuq aħbarijiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra jekk il-bord editorjali tal-Public Broadcasting Services (PBS) bidilx il-policy li kienet titħaddem fl-aħbarijiet ta’ TVM fejn kienet tinġieb reazzjoni tal-parti l-oħra fi stejjer ta’ ċerta portata? Jekk le, jista’ jinforma lil din il-Kamra bil-passi li ttieħdu meta nkisret din il-policy? Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tax-Xandir kitbitx lill-PBS minħabba l-fatt li bl-aġir tal-PBS f’dan il-każ, inkisret il-liġi tax-Xandir li tgħid b’mod ċar li l-veduti tal-partijiet kollha jridu jkunu inklużi f’items li jkunu jinvolvu kontroversja politika?

Response (MALLIA, EMANUEL)

B’referenza għall-mistoqsija 3846 ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta hija kif ġejja: Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma sar l-ebda tibdil fil-policy mill-Bord Editorjali fir-rigward tal-aħbarjiet. Nitlob lill-Onorevoli Membru jispeċifika għal liema storja qed jirreferi. Pero ninfurmah li l-PBS ma kisret l-ebda policy u lanqas ircieviet notifika mill-Awtorita tax-Xandir minħabba dak li qed jallega l-interpellant ta' ksur tal-liġi tax-xandir. Nixtieq inżid ma’ dan li għidt, li għandi riservi kbar tiegħi kemm din il-Policy li qed jgħamel referenza għaliha l-Onorevoli Interpellant kienet titħaddem fl-aħbarijiet taħt l-aministrazzjoni preċedenti speċjalment fl-aħħar ftit xhur.

TVM — ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm irċieva lmenti TVM minn Marzu ̕ l hawn, dwar xiex kienu dawn l-ilmenti, min għamilhom, u jekk ingħatatx xi forma ta’ rimedju?

Response (MALLIA, EMANUEL)

B’referenza għall-mistoqsija ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn Marzu sat-8 ta’ Mejju ma nġabret l-ebda informazzjoni. Mit-8 ta’ Mejju l’hawn kien hemm għaxar ilmenti li minnhom id-direzzjoni tal-istazzjon aċċettat li tagħti dritt ta’ risposta f’TVPM u dritt ta’ rimedju fl-aħbarijiet tal-11pm. L-ilmenti kienu dawn: 1. Talba għar-rimedju minn Dr Natalino Fenech għall-kummenti li għamel is-Sur Saviour Balzan fil-programm ta’ TVAM. Id-dritt tar-risposta ngħata skond il-liġi. 2. Talba għar-rimedju mill-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista s-Sur Gino Cauchi li ried jidħol bit-telefon biex iwieġeb kliem li intqal fil-konfront tiegħu mis-Segretarju Ġenererali tal-PN. It-talba ma intlaqgħetx bis-Sur Cauchi jintalab jagħmel talba formali skont il-liġi biex tkun kunsidrata. 3. Talba tal-PN għar-rimedju fl-aħbarijiet tal-11pm dwar rappurtaġġ f’kawża ta’ libell tal-Onor Tonio Fenech li intlaqgħet. 4. Ilment mill-Assoċjazzjoni tad-Dentisti dwar intervent fil-programm TVPM tal-20 ta’ Mejju dwar informazzjoni li ngħatat dwar proċedura ta’ dental amalgam restorations . Il-PBS laqat it-talba għad-dritt ta’ risposta. 5. Ilment tal-PN fit-28 ta’ Mejju b’allegazzjoni ta’ rappurtaġġ selettiv mill-parlament. L-alleggazzjoni ġiet mċaħħda u mwieġba mill-PBS mingħajr ħtieġa ta’ rimedju. 6. Ilment u talba għar-rimedju mill-PN fl-4 ta’ Ġunju għall-intervista mal-kap tal-komunikazzjoni tal-gvern għall-intervista f’TVAM. Il-PBS spjega fit-tweġiba għaliex ma kienx hemm lok ghar-rimedju. 7. Ilment tal-PN dwar diversi punti fl-aħbarijiet li sar mill-PN fl-4 ta’ Ġunju li wkoll ma kienx hemm bażi biex jintlaqa kif ġie spjegat fit-tweġiba tal-PBS lil PN. 8. Ilment tal-PN fit-12 ta’ Ġunju dwar l-aħbarijiet dwar kolleggamenti diretti fl-aħbarijiet li ma intlaqax bir-raġunijiet spjegati bl-ittra tat-tweġiba mill-PBS lil PN. 9. Ilment tal-PN dwar l-aħbarijiet tas-17 ta’ Ġunju dwar il-Kumpanija China Communications Construction Company . Il-PBS wieġbet li mxiet b’konsistenza mal-proċeduri stabbiliti. 10. Ilment tal-PN rigward il-messaġġ tal-Prim Ministru fis-17 ta’ Gunju 2013. Il-PBS wiegbet li ma tarax li fl-intier tiegħu l-messaġġ tal-Prim Ministru lin-Nazzjon jimmerita dritt ta’ risposta kif titlob il-liġi.
Leg 12 PQ #2978 Sitting 34 2013-06-24 Oral · Final From: FRANCIS ZAMMIT DIMECH To: Ministeru għall-Finanzi

Każini Filarmoniċi – persentaġġ minn bejgħ mill-booths tal-lottu

Question

B’referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1775, jista’ l-Ministru jippronunzja ruħu rigward meta l-każini filarmoniċi se jirċievu l-persentaġġ dovut lilhom minn bejgħ mill-booths tal-lottu fil-każini rispettivi tagħhom?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħaraf lill-Onor Nterpellant illi l -pagament li qed jirreferi għalihom ħarġu u ċ -ċekkijiet inbagħtu bil-posta

Riżenja taċ-Chairman u tal-Assistenta personali

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk fil-ġimgħat li għaddew kellu mhux biss ir-riżenja taċ-chairman tal-Privatisation Unit imma wkoll tal-assistenta personali tal-istess chairman? Jista’ jinforma lill-Kamra dwar ir-raġunijiet wara ż-żewġ riżenji?

Response (CARDONA, CHRIS)

Huwa minnu li ċ-Chairman tal-Privatisation Unit u l-assistenta personali tiegħu irriżenjaw. Ir-raġuni għala ċ-Chairman irriżenja hija waħda personali . L-assistenta tiegħu ma tat l-ebda raġuni għar-riżenja tagħha.

Privatisation Unit – ingaġġ ta’ avukati/ditti ta’ avukati

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-Ministru indaħalx direttament biex jinbidel ir-riżultat li kien ippreżentat lill-Ministeru tiegħu għar-rigward tas-sejħa li saret mill-Privatisation Unit fuq ingaġġ ta’ avukati/ditti ta’ avukati fuq il-ħruġ ta’ liċenzji għal casino ġdid/casinos ġodda? Jista’ jinforma lill-Kamra dwar x’raġunijiet ta għal dan l-indħil? Jista’ jinforma lill-Kamra x’kien ir-rwol tas-Segretarju Permanenti fuq dan l-istess eżerċizzju? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kull korrispondenza u dokumenti oħra relatati mal-istess suġġett?

Response (CARDONA, CHRIS)

Assolutament mhux minnu li jien indħalt direttament sabiex jinbidel xi riżultat tas-sejħa li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant. Madankollu irrid infakkar li huwa d-dmir kemm tas-Segretarju Permanenti tiegħi kif ukoll tiegħi li nsegwu t-tmexxija tad-dipartimenti u entitjaiet li jaqgħu taħt il-Ministeru. Ta’ min wieħed jgħid li fil-każ tal-Privatisation Unit, taħt l-amministrazzjoni preċedenti, l-proċedura li kient tintuża għall-ingaġġ ta’ konsulenti legali kienet ibbażata fuq “quotations” minn numru ristrett ta’ ditti legali li kienu jkunu identifikati minn qabel u għalhekk ma kinitx qed tingħata l-opportunita’ lill-kulħadd biex jipparteċipa. Dan kien innutat mis-Segretarju Permanenti illi, sabiex tassigura iżjed trasparenza, tat il-parir li tinħareg sejħa pubblika miftuħa għall-avukati /ditti ta’ avukati kollha f’Malta biex kulħadd ikollu l-opportunita` li jieħu x-xogħol ta’ dan it-tip. B’dan il-mod jitneħħa kwalunwe dubju li seta’ jinħoloq li kieku is-sejħa baqgħet kif kien isir qabel, ristretta għal numru zgħir tal-istess ditti ta’ avukati. Barra li sistema bħal din hija ferm iżjed trasparenti, b’dan il-mod, kull avukat / ditta ta’ avukati jista’ jikkompetu għall-opportunita` biex jiksbu l-esperjenza fil-qasam tat-tip ta’ xogħol li tagħmel il-Privatisation Unit. Il-korrispondenza u dokumenti relatati mal-istess suġġett huma ta’ natura kummerċjali u, għaldaqstant, ma jistgħux jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra.

ARMS Ltd – uffiċjali b’responsabbilità mill-każijiet soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk mid-data tal-aħħar Elezzjoni Ġenerali ̕̕̕ l hawn, fl-ARMS Limited inħatarx xi uffiċjal jew uffiċjali b’responsabbiltà mill-każijiet soċjali? Jista’ jinforma lill-Kamra min hu jew min huma dawn l-uffiċjali hekk maħtura? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt jew kuntratti mogħtija lil dan l-uffiċjal jew lil dawn l-uffiċjali?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ARMS Ltd ma ħatritx uffiċjal jew uffiċjali responabbli esklussivamnet għal każi soċjali. Madanakollu, l-amministrazzjoni l-ġdida ta' ARMS Ltd sabet diversi problemi soċjali li bhala organizzazzjoni responsabbli, hemm bżonn li nieħdu ħsieb immedjatament. Bħalissa għaddej proċess li permezz tiegħu qed jiġu dentifikati l-prijoritajiet u l-problemi fis-sistemi ta' operat ta' din il-kumpanija, għall-ġid mhux biss tal-kumpanija iżda wkoll tal-konsumaturi.
Leg 12 PQ #2972 Sitting 33 2013-06-19 Oral · Final From: FRANCIS ZAMMIT DIMECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Sfilati tal-Karnival – għajnuna lill-parteċipanti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’għajnuna konkreta bi ħsiebu l-Gvern joffri lil dawk il-parteċipanti fl-isfilata tal-Karnival li reċentement sofrew danni kbar fl-imħażen tagħhom minħabba fit-traġedja li sofrew l-istess parteċipanti u dilettanti tal-Karnival?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat li s-Segretarjat Parlamentari qiegħed fil-proċess li jsib post alternattiv biex il-parteċipanti u dilettanti li soffrew danni fl-imħazen tagħhom ikollhom post alternattiv minn fejn jaħdmu.

Ftehim bejn PBS u l-Akkademja tal-Malti

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li kien irrapurtat li sar bejn il-Public Broadcasting Services (PBS) u l-Akkademja tal-Malti?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

TVM – statistika ta’ kemm dehru Ministri u kelliema tal-Oppożizzjoni fuq l-Aħbarijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti statistika li turi xahar b’xahar kemm dehru Ministri fl-aħbarijiet tat-8 p.m. fuq TVM minn Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jagħti statistika li turi kemm kien hemm kummenti ta’ Ministri fl-aħbarijiet u jagħti l-istess informazzjoni għar-rigward ta’ kelliema tal-Oppożizzjoni?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din l-istatitstika għadha qed tinġabar. Risposta tingħata f'seduta oħra.

Public Broadcasting Services – applikazzjonijiet għall-post ta’ editur

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk saritx sejħa għall-applikazzjonijiet għall-post ta’ editur tal-aħbarijiet fil-Public Broadcasting Services? Jekk ma saritx, għaliex? Jista’ jinforma lill-Kamra x’kienet ir-raġuni li tneħħa minn din il-kariga l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-post ta’ editur tal-aħbarijiet fil-Public Broadcasting Services ma jaqax taħt il-ftehim kollettiv u allura ma hemmx il-ħtieġa li tinħareġ sejħa għall-applikazzjoni. Madankollu, il-PBS għal din il-kariga ħares li jibni fuq l-esperjenza u r-rispett ta’ persuna li ilha taħdem fil-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS għal dawn l-aħħar 37 sena. Dan il-Gvern huwa marbut b’wegħda elettorali biex jirriforma l-PBS u jħares iktar lejn il-prinċipji ta’ bilanċ u l-imparzjalita’ fix-xandir tal-Istat, b’mod partikolari fl-oqsma tal-aħbarijiet u ġrajjiet kurrenti. B’hekk, anke fid-dawl tal-kritika li saret fost l-oħrajn li l-PBS kien ixaqleb favur il-Gvern, inħass il-ħtieġa li ssir bidla fil-persuna li kienet responsabbli mill-aħbarijiet u ġrajjiet kurrenti. Il-persuna kkonċernata ġiet infurmata u ċ-ċaqlieqa saret bi qbil magħha.

PBS – Bord Editorjali – Dritt ta’ risposta fuq l-istazzjonijiet tax-xandir

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra min bidel il-politika tad-dritt ta’ risposta fuq l-istazzjon nazzjonali tax-xandir u issa flok tinqara r-risposta skont il-liġi, qed jiddaħħlu telefonati live l-għada? Jista’ jinforma lill-Kamra jekk il-Bord Editorjali tal-Public Broadcasting Services hux konxju li fi programm ta’ TVM, flok ingħata d-dritt ta’ risposta, persuna tħalliet tinsulta lill-qassisin u lill-Knisja?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma kien hemm l-ebda tibdil fil-policy ta' dritt ta' risposta fuq l-istazzjon nazzjonali tax-xandir. Fil-każ li jidher li qiegħed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant, ma saritx talba formali għal dritt ta' risposta. Ittieħdu l-passi meħtieġa biex il-producer tal-programm jara li l-policy tiġi segwita kif inhi.

Privatisation Unit — Chairman - Riżenja

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2171 u jinforma lill-Kamra jekk irċeviex ir-riżenja taċ-chairman tal-Privatisation Unit u jekk fl-affermattiv, jistax jinforma lill-Kamra dwar ir-raġunijiet tal-istess riżenja?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nikkonferma li fit-13 ta’ Mejju 2013 irċevejt ittra ta’ notifika mingħand iċ-chairman tal-Privatisation Unit li xtaq jieqaf mix-xogħol b’effett mit-12 ta’ Ġunju 2013. Ir-raġuni mogħtija hi ta’ natura personali.
Leg 12 PQ #2878 Sitting 30 2013-06-12 Oral · Final From: FRANCIS ZAMMIT DIMECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Assistenza lil Bands Lokali

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2175, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-kuntratt ta’ ingaġġ tal-persuna indikata issa ġiex iffirmat u jekk le għaliex għadu ma ġiex iffirmat? Il-Gvern almenu abbozza dan il-ftehim, u f’dak il-każ jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-abbozz? Jekk ġie ffirmat jista’ jqiegħed kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kuntratt ta’ ingaġġ tal-persuna indikata għadu qiegħed jiġi diskuss. La darba jkun hemm qbil u jiġi iffirmat kuntratt dan ikun jista' jintalab biex jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Privatisation Unit — Ingaġġ ta' avukati

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2172, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar ir-riżultat tas-sejħa li saret għall-ingaġġ ta’ avukati/ditti ta’ avukati biex jassistu lill-Privatisation Unit għar-rigward ta’ ħruġ ta’ liċenzji għal casino ġdid jew casinos ġodda skont avviż li kien ippubblikat f’The Malta Independent u The Times of Malta fit-28 ta’ April 2013? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-riżultat?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninsab infurmat li kien hemm 14-il avukat/ditti ta’ avukati li wieġbu għas-sejħa li qed jirreferi għaliha l-Onor. Francis Zammit Dimech. Id-ditta tal-avukati li ntgħazlet hija Deguara Farrugia Advocates. Peress illi l-informazzjoni mitluba tinkludi dettalji fuq individwi li mhumiex uffiċjali pubbliċi, nħoss li mhux prudenti li l-informazzjoni mitluba titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.