Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati nies b'contract of service mill-PBS mid-9 ta’ Marzu 2013 'il quddiem, min huma, x'inhu xogħolhom u kemm qed jitħallsu kull wieħed minnhom?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninfomra lil Onorevoli Interpellant li b’kollox ġew ingaġġati ħames persuni b’contract of service fejn tlieta minnhom huma Jurnalisti, persuna Sales Executive u persuna Coordinator Finance.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’inhu l-ħlas totali li qed isir lil kull membru tal-MCCA minn wara l-aħħar elezzjoni ġenerali?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Bord tal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti għandu dawn ir-remunerazzjonijiet:-
Ħlas kull erba’ ġimgħat
Ċermen
Ewro 1075.08
Viċi Ċermen
Ewro 720.30
Membri
Ewro 215.02 kull wieħed
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien jitħallas id-direttur tal-Malta Arts Festival qabel intemm l-inkarigu tiegħu? Jista’ jinforma lill-Kamra min huma l-persuni li ssosstitweh fl-inkarigu tiegħu u kemm qed jitħallsu individwalment? Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra fuq liema attivitajiet dawn il-persuni qed jaħdmu individwalment, fuq liema bażi kienu ingaġġati u jekk saritx sejħa pubblika biex jintgħażlu? Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm huwa l-ħlas li qed isir lid-diretturi ta’ Notte Bianca, l-Għanafest, u l-Jazz Festival?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-direttur tal-Malta Arts Festival kien jitħallas Eur11,800 [vat inluza] fis-sena. Għall-Malta Arts Festival 2014 twaqqaf tim magħmul minn Mavin Khoo, Ruben Zahra, Toni Attard u Sigmund Mifsud immexxi miċ-ċermen tal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti Albert Marshall. L-ebda membru tat-tim mhu jirċievi ħlas għal dan ix-xogħol u l-programmar qed isir b’mod konġunt.
Il-ħlas għad-diretturi ta’ Notte Bianca, l-Għanafest, u l-Jazz Festival hu ta’ Eur11,800 [vat inluza], Eur5,900 [vat inluza] u Eur5,000 [gross] rispettivament.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hu l-budget allokat għal Għanafest, il-Jazz Festival, l-Arts Festival u n-Notte Bianca għas-snin 2013 u 2014?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Budgettotali allokat għal dawn l-attivitajiet għas-snin 2013 u 2014 huwa kif ġej:
Għanafest: Eur 95,000
Jazz Festival: Eur 285,000
Arts Festival: Eur 750,000
Notte Bianca: Eur 350,000
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-budget għall-Arts Fund din is-sena kienx ridott għal €200,000 kif indikat miċ-ċermen tal-MCCA fl-intervista tiegħu ma’ ‘The Times’ fit-2 ta’ Frar 2014?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-baġit ta’ din is-sena għall-Malta Arts Fund huwa l-istess kif kien fis-sena finanzjarja preċedenti.
Fil-fatt il-baġit tal-Malta Arts Fund għal din is-sena huwa ta’ €330,000 b’allokazzjoni ta’ €230,000 mill-baġit rikorrenti (vot 5527) u €100,000 mill-baġit rikorrenti allokat lill-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kultura (vot 6032).
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’inhuma l-pjanijiet tal-Gvern għal diversi istituzzjonijiet tal-akbar importanza fil-qasam kulturali ta’ pajjiżna, b’mod partikolari għal-Librerija Nazzjonali, għall-Mużew tal-Arti, u għar-rigward tal-iżvilupp tal-Palazz Presidenzjali ladarba l-Parlament jibda jiffunzjona mill-bini ġdid tiegħu?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi rigward il-Mużew tal-Arti, il-Gvern qiegħed jaħdem fuq il-proġett ‘MUŻA’ fejn il-mużew ser jiċċaqlaq mis-sit preżenti ġewwa Triq Nofs Inhar għall-Berġa tal-Italja ġewwa Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta. Bħalissa hemm miftuħa s-sejħa għall-interess tad-design brief ta’ din il-binja u li tagħlaq nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Frar 2014. Wara li jiġi aġġudikat dan il-brief jibdew il-proċessi għax-xogħlijiet kollha neċessarji.
Dwar il-Palazz Presidenzjali, qed jiġu studjati il-possibilitajiet kollha relatati ma’ dan il-proġett. Intant bħalissa qed isiru xogħlijiet ta’ restawr fuq il-binja u artefatti oħra li jinsabu f’dan is-sit u għaddejjin studji oħra bħal fotometrija li huma relatati mal-konservazzjoni tal-binja.
Rigward il-Librerija Nazzjonali ninforma lill-Onor. Interpellant illi din ma taqax taħt id-dekasteru tal-Ministeru għat-Turiżmu.
Jista’ l-Ministru jispjega b’mod dettaljat x’inhu l-budget għall-V18 u jista’ l-Ministru jagħti lill-Kamra breakdown dettaljat tad-dħul u nfiq previsti fuq V18 għal din is-sena u l-erba’ snin li ġejjin?
Response (VELLA, KARMENU)
Il-budget maħsub mill-Gvern għaż-żamma ta’ Valletta 2018 ilaħħaq mat-€48 miljun fuq medda ta’ disa’ snin (2012-2020). Dan il-budget kien maqbul mal-Kummissjoni Ewropea u l-kumitat ta’ esperti mwaqqaf minnha. Hekk kif inhu elenkat fil-ktieb ta’ kandidatura sottomess f’Settembru 2012 mill-Fondazzjoni lill-Kumitat ta’ Selezzjoni, it-tqassim tal-ispejjeż tal-Fondazzjoni, u tal-entitajiet kulturali u governattivi li ser ikunu qed isostnu t-tħejjijiet flimkien mal-Fondazzjoni, qed isir bejn tliet oqsma primarji. Dawn huma dawk tal-amministrazzjoni, tal-programmar u tal-komunikazzjoni. Aktar minn nofs l-ispiża totali sejra fuq l-iprogrammar; madwar terz tmur fuq l-amministrazzjoni; filwaqt li bejn 10% u 15% tmur fuq il-komunikazzjoni.
Fid-dawl ta’ dikjarazzjonijiet mill-Gvern li jrid jaħdem mal-komunità, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra liema artisti qed jintgħażlu u fuq liema kriterji, sabiex il-komunitajiet ikunu jistgħu jinkoraġixxu lill- artisti li jaħdmu magħhom jaspiraw għall-ogħla livelli artistiċi possibbli?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma għal attività, parteċipazzjoni u għarfien kulturali mal-komunita’ bi sħab mas-setturi kulturali u kreattivi huma prijorita’ fil-pjan ta’ azzjoni tal-Gvern. Il-fondi pubbliċi eżistenti li permezz tagħhom qed iseħhu għadd ta’ proġetti f’dan il-qasam għandhom linji gwida u kriterji ppubblikati fuq siti elettroniċi. Skont dawn il-kriterji jintgħażlu l-benefiċjarji minn evalwaturi esperti u indipendenti.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hux se jinħatar direttur artistiku għall-V18? Se jkun hemm sejħa pubblika għal din il-kariga u meta?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Direttur Artistiku għal Valletta 2018 se jinħatar fiż-żmien opportun. Kif ser issir l-għażla u meta se jinħatar direttur artistiku , jiġu deċiżi mill-Fondazzjoni Valletta 2018.
Kunsill Malti tal-Kultura u l-Arti – ħatra ta’ CEO
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hux se jinħatar CEO ġdid għall-Kunsill Malti tal-Kultura u l-Arti (MCCA), jekk hux se jkun hemm sejħa pubblika ta’ applikazzjonijiet u meta?
Response (VELLA, KARMENU)
Permezz tal-Kapitlu 444 tal-liġijiet ta’ Malta nħoloq il-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kultura. Minn eżami ta’ l-istess att jirriżulta li d-direzzjoni eżekuttiva mhix vestita f’CEO imma f’Direttur Eżekuttiv.
Il-ħatra ta’ Direttur Eżekuttiv ser titħabbar fil-jiem li ġejjin flimkien ma’ direzzjoni ġdida u strateġika għall-istess kunsill. Strateġija intiża sabiex l-istess Kunsill jimplimenta kif imiss il-funzjoni lilu mogħtija mill-istess att.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ġew ingaġġati nies ġodda mal-MCCA, x’kariga jew funzjoni ingħataw u x’inhu l-ħlas li qed isir lil kull wieħed jew waħda minnhom?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti ngaġġa żewġ (2) impjegati ġodda. Persuna (1) ġie mpjegat bħala ‘Project Manager’ u huwa intitolat għal salarju massimu fi Skala 7, kif ukoll għandu allowance ta’ karozza ta’ 2,320 Ewro fis-sena. Il-kariga l-oħra hija ta’ xufier għaċ-ċermen u għandu salarju massimu fi Skala 18.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk għadux isegwi l-politika kulturali kif imnedija fl-2011?Jista’ jinforma lill-Kamra x’inhi l-linja ta’ policy li l-Gvern preżenti qed jieħu fil-qasam kulturali, u b’mod partikolari xi strateġiji qed isegwi għar-rigward tas-setturi kulturali speċifiċi biex tkun implimentata l-politika kulturali nazzjonali?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-linja ta’ policy li l-Gvern preżenti qed jieħu fil-qasam kulturali hija mfassla fuq il-Manifest Elettorali li jirrifletti wkoll il-prinċipji bażiċi tal-politika kulturali nazzjonali. Il-qafas ta’ governanza kulturali, l-edukazzjoni kulturali u kreattiva, il-proċess ta’ professjonalizazzjoni, il-ħidma mal-kommunitajiet u d-diversità kulturali, flimkien mal-proċess ta’ promozzjoni internazzjonali, huma integrati f’dan il-pjan. Dawn huma bbażati fuq il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali għall-espressjoni kreattiva u l-aċċess tal-kultura għall-kulħadd. B’żieda ta’ finanzjament ta’ 12% mill-baġit tal-2013, il-Gvern huwa impenjat b’ħidma strateġika għas-setturi kulturali u kreattivi.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kif il-Gvern beħsiebu jippromwovi l-arti u l-professjonalizazzjoni fis-settur kulturali?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-promozzjoni tal-arti u l-professjonalizazzjoni fis-setturi kulturali u kreattivi huma integrati fi programm ta’ azzjoni usa’ li fuq livell immedjat qed jindirizza:
• Governanza kulturali aktar effiċjenti u dinamika bi prijorità favur ir-rwol strateġiku tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kultura li taħt l-aħħar amministrazzjoni kien qed jaħdem fuq festivals u mhux fuq l-aspetti mitluba bil-liġi.
• Business plans mill-entitajiet kulturali kollha biex il-programmi tagħhom jirriflettu l-pjan nazzjonali għall-kultura.
• It-twaqqif ta’ Direttorat għall-Kultura fi ħdan il-Ministeru għall-implimentazzjoni, il-moniteraġġ, u t-tiġdid tal-politika kulturali, kif ukoll il-kollaborazzjoni u l-ħidma kulturali tal-Gvern fuq livell interministerjali.
• L-investiment f’edukazzjoni kulturali u kreattiva, fosthom bidu ta’ programm ta’ taħriġ f’oqsma tekniċi minn entitjajiet bħall-Fondazzjoni Ċentru għall-Kreattivita’ u l-Fondazzjoni Valletta 2018.
• Il-programmi ta’ fondi għal proġetti kulturali fl-iskejjel u għall-partecipazzjoni kulturali fost l-istudenti li qed jingħaqdu ma’ programm ta’ taħriġ għall-għalliema u l-artisti interessati jaħdmu f’dan il-qasam.
• Għajnuna lill-intrapriżi kulturali u kreattivi permezz ta’ konsolidazzjoni ta’ finanzjamenti pubbliċi li jħarsu l-interessi tas-setturi kollha kulturali u kreattivi u servizz ta’ brokerage lill-industrija permezz ta’ one-stop shop li ser iseħħ fil-Kunsill. Dan jinkludi wkoll il-ħidma fuq l-ekonomija kreattiva.
• L-iżvilupp ta’ festivals u attivitajiet kulturali ġodda biex jinkoraġġixxu parteċipazzjoni akbar mill-operaturi kulturali.
• Il-ħolqien ta’ Hub Kulturali mħabbar fil-Baġit 2014 li ser joffri spazji u opportunitajiet lill-artisti u organizazzjonijiet kulturali fl-iżvilupp tax-xogħol tagħhom.
• Ħidma fuq livell internazzjonali permezz ta’ programmi bilaterali, parteċipazzjoni attiva f’networks internazzjonali mill-entitajiet pubbliċi kulturali u impenn akbar lejn l-involviment ta’ msieħba Maltin fil-programm Ewropa Kreattiva.
• It-twaqqif ta’ Kumpanija Nazzjonali taż-Żfin u l-proġett ta’ Spazju Internazzjonali għall-Arti Kontemporanja mħabbra fil-Baġit 2014. Dawn il-proġetti importanti huma mnebbħa mill-aspirazzjonijiet internazzjonali ta’ Malta.
Jista’ l-Ministru jispjega kif min-naħa waħda s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kultura qed jgħid li se jżomm ’il bogħod (arms length) mill-qasam kulturali u fl-istess ħin iħabbar li beħsiebu jorganizza diversi festivals?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi filwaqt li s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kultura jħaddan il-prinċipju ta’ arms length fit-tiswir u l-implimentazzjoni ta’ proġetti kulturali bħall-festivals, qed jagħti l-għajnuna kollha possibbli fit-tnedija ta’ inizjattivi ġodda bil-għan li eventwalment dawn jitmexxew mill-entitajiet kulturali fi ħdan id-dekasteru tiegħu.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-ispejjeż li saru mill-fondi allokati għall-V18 fuq marketing’inkluż reklami, b’elenku ta’ kemm u lil min saru l-ħlasijiet differenti?
Response (VELLA, KARMENU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
B’referenza għall-intervista li ċ-ċermen tal-MCCA ta lil ‘The Times’ fejn qal li qed jipprepara dokument importanti ħafna – il-pjan strateġiku għall-2014 - imma fl-istess intervista jgħid ukoll li l-MCCA qed jibdel l-istruttura tiegħu iżda mhux ċert it-tibdil x’se jkun, jista’ l- Ministru jispjega preċiżament fiex jikkonsisti d-dokument li qiegħed jipprepara dan iċ-ċermen?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-pjan ta’ tibdil fl-istruttura tal-entità se jitħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Kultura fil-ġranet li ġejjin. Il-pjan strateġiku msemmi miċ-ċermen huwa marbut ma’ din it-tħabbira u se isegwi fuq din id-direttiva.
Wara li tneħħew id-diretturi artistiċi ta’ V18 fuq il-bażi li l-pożizzjoni tagħhom ma kenitx baqgħet tenibbli, jista’ l-Ministru jispjega x’irid ifisser meta jgħid li dik il-pożizzjoni ma baqgħetx tenibbli? Jista’ jinforma lill-Kamra x’qed isir minflok, min hemm illum assoċjat mal-miri ta’ V18, jekk sarux laqgħat mad-diretturi artistiċi qabel tneħħew biex wieħed jara kif dak li kien proġettat se jitkompla wara l-aħħar elezzjoni ġenerali, x’kordinazzjoni hemm illum fuq l-istess miri ta’ V18, u x’qed ikun ippjanat bħala legat kulturali mill-istess proċess tal-V18?
Response (VELLA, KARMENU)
Id-deċiżjoni li ma jiġġeddux il-kuntratti tad-diretturi artistiċi (APDs) li servew mal-Fondazzjoni Valletta 2018 matul l-2013 ittieħdet unanimament mill-Bord tal-Gvernaturi tal-Fondazzjoni Valletta 2018. Din id-deċiżjoni kienet ibbażata primarjament fuq l-esperjenza tal-Fondazzjoni ta’ kif ħadmu matul il-perjodi tal-kuntratt tagħhom. Instab li l-mekkaniżmu ta’ direzzjoni artistika li kien qed jiġi addottat mill-Fondazzjoni ma kienx tenibbli mil-lat finanzjarju. Dan għax l-ispiża għad-diretturi artistiċi kienet sinifikanti tant li ftit kien għad baqa’ riżorsi finanzjarji biex jaħdmu. F’dan ir-rigward saru numru ta’ laqgħat mad-diretturi artistiċi fejn ħareg b’mod ċar ukoll li minkejja l-isforzi ta’ wħud minnhom, kien hemm nuqqas ta’ direzzjoni u koordinazzjoni.
Fiż-żmien li ġej, il-Fondazzjoni ser tkun qed tħabbar id-direzzjoni li ser tkun qed tieħu dwar l-għażla u x’tip ta’ Direttur Artistiku għandu jkollha b’rabta ma’ dak li hu mistenni mill-Fondazzjoni Valletta 2018.
Ir-responsabbilta’ tal-Fondazzjoni Valletta 2018 hija dik li tara riġenerazzjoni tal-Belt Valletta kollha kemm hi mill-aspett ekonomiku, soċjali u kummerċjali kif ukoll programm kulturali apposta li jwassal għaċ-ċelebrazzjoni tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2018.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex is-Segretarju Parlamentari responsabbli għad-Drittijiet tal-Annimali fi ħdan il-Ministeru tiegħu ma mexiex mal-liġi fil-ħatra tal-Animal Welfare Council – u b’mod partikolari ma mexiex mal-Artikoli 4 (1) (e) u 4 (3) tal-Kap 439 tal-Liġijiet ta’ Malta – fis-sens illi ma ħatarx iż-żewġ rappreżentanti magħżula mill-Animal Rights Coalition kif kienet il-prattika kostanti matul is-snin li għaddew? Jista’ jgħid x’passi se jittieħdu biex il-liġi tkun mħarsa? Jista’ f’kull każ jgħid x’rabta preċiża għandhom iż-żewġ persuni maħtura a tenur tal-Artikolu 4 (1) (e) ma’ animal welfare groups, f’liema għaqda jew għaqdiet huma attivi dawn l-istess persuni, u b’liema mod jassigura li jkun qed jimxi mar-rakkomandazzjoni tal-istess assoċjazzjonijiet jew gruppi, dejjem skont l-istess liġi?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-ħatra tar-rapprezentanti fuq l-Animal Welfare Council saret skont Artiklu 4 (1) (e) u Artiklu 4 (3) tal-Kap 439 tal-Liġijiet ta’ Malta, fejn inħatru żewġ persuni li skont is-Segretarju Parlamentari jirrapreżentaw l-interessi tal-ħarsien tal-annimali. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant ukoll li billi il-Gvern irid li l-Animal Welfare Council jiġi msaħħaħ, ser tiġi ukoll emmendata l-liġi sabiex jiżdiedu aktar membri fih.