Legislature:
Category:
Reset
Active:

PBS — Kuntratt mal-Gvern

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11483, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li kien sar mal-Gvern fis-sena 2005, kif ukoll kopja tad-dokumenti li saru wara sabiex jestendi dak il-kuntratt kull sena?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull sena l-Ministeru ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra r-rapport fuq l-EPSO funds li jsir minn ditta tal-awdituri. Nirreferi għall-Onorevoli Interpellant għall-rapporti imsemmija.

Heritage Malta – managers u senior curators – palm reader

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li mhux il-managers /senior curators kollha ta’ Heritage Malta jużaw is-sistema tal-palm reader? Jekk fl-affermattiv, jista’ jagħti r-raġunijiet għaliex dan ma jseħħx u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Karma kopja tal-logs rilevanti ta’ dawn l-aħħar sitt xhur?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li l-managers u s-senior curators kollha ta’ Heritage Malta jużaw is-sistema tal-palm reader.

Heritage Malta – ħaddiema bit-teleworking

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il ħaddiem ta' Heritage Malta qed jibbenefika mit-teleworking u jgħid f'liema gradi jinsabu dawn il-ħaddiema? Jista’ jinforma lill-Kamra x’inhuma l-kriterji biex wieħed jingħata permess biex jaħdem bit-teleworking?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li preżentement f’Heritage Malta hemm żewg impjegati li qed jibbenefikaw minn teleworking li huma fil-gradi ta’ senior clerk u senior executive rispettivament. Il-ktiterji li jintużaw sabiex wieħed jingħata teleworking huma dawk stabbiliti fil-Public Service Management Code.

Politika Nazzjonali dwar ix-Xandir — Ftehim mal-EBU

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1776, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’diskussjonijiet saru mal-European Broadcasting Union (EBU) fuq tiġdid tal-Politika Nazzjonali dwar ix-Xandir, f’liema stadju waslu dawn id-diskussjonijiet, u fil-prattika hemmx xi dokument ġdid, imqar fi stadju draft, dwar dan is-suġġett li jirrifletti l-eżitu tal-istess diskussjonijiet mal-EBU?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-PBS għamlet eżerċizzju mal-EBU fejn ġabret informazzjoni relevanti fuq l-istazzjonijiet Ewropej. Din l-informazzjoni ġiet mgħoddija lill- kumpanija ta’ l-awdittjar fejn huma ppreparaw rapport b’numru ta’ rikommandazzjonijiet lill-Ministeru.

PBS — Skeda ta’ programmi

Question

B’referenza għar-rapporti fil-media li l-Kabinett tal-Ministri ddiskuta jew b’xi mod ieħor indaħal fl-iskeda pre¿enti ta’ programmi fuq il-PBS, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra għaliex sar hekk, u jistax f’kull każ iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport tal-Bord Editorjali u tal-Bord tad-Diretturi fuq l-istess skeda preżenti tal-PBS?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant l-asserzjoni għal din il-mistoqsija hija skoretta. Hu redikolu, li tenut kont l-inizjattivi kollha li għamel dan il-Gvern f’sena u nofs, xi ħadd jaħseb jew inkella jipprova jallega li l-Kabinett joqgħod jiddiskuti l-iskeda tal-PBS. Skont il-politika nazzjonali tax-xandir nazzjonali, l-iskeda tgħaddi minn quddiem il-Bord Editorjali u mbagħad tiġi approvata mill-Bord tad-Diretturi. Infakkar ukoll li l-PBS stess kien ċaħad l-involviment tal-Kabinett fid-deċiżjonijiet li jinvolvu skeda tal-PBS. Naħseb dan jista' jasal għalih il-poplu Malti u Għawdxi kollu li f’differenza ta’ dak li kien qed isir fl-aħħar ħames snin ta' Gvern preċedenti, issa ix-xandir nazzjonali għandu skeda imparzjali u li ma tinsultax l-intelliġenza tal-poplu.

PBS — Kuntratt mal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li hemm viġenti bħalissa bejn il-Gvern u l-PBS sabiex il-PBS joffri servizzi ta’ xandir pubbliku?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, b’referenza għall-kuntratt li kien sar mal-Gvern fis-sena 2005, qiegħed jiġi mehmuż dokument li qiegħed jestendi dan il-kuntratt kull sena. (Ara dokument PL3707 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra nhar l-Erbgħa, 12 ta' Novembru 2014 f'Seduta 199)

Heritage Malta — suppliers

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk ħarġitx expression of interest u x'kienu l-kriterji li ntużaw sabiex jinstabu u jintgħażlu suppliers sabiex jissupplixxu lill-kumpanija ta' Heritage Malta, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, b'oġġetti, souvenirs u xarbiet minerali fost l-oħrajn sabiex jinbiegħu mill-ħwienet tal-mużewijiet u siti ta' Heritage Malta? Jekk ma saritx expression of interest, jista’ jispjega dan għalfejn ma sarx?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li għadha ma ħarġitx expression of interest għax-xiri ta’ souvenirs u prodotti simili oħra li qed jinbiegħu mill-ħwienet tal-mużewijiet ta’ Heritage Malta. Dan għaliex Heritage Malta qed tuza din l-ewwel sena li qed tmexxi l-ħwienet bħala prova u biex ukoll takkwista l-esperjenza meħtieġa biex tmexxi ħwienet bħal dawn, u għalhekk baqgħet tuża suppliers li kienet ilha taħdem magħhom għal numru ta’ snin. F’kull każ ma hemmx esklussivita u meta xi suppliers ikollhom xi proposta x’jagħmlu, dawn jiġu kkunsidrati. Barra minn hekk, ta’ min wieħed jispjega li prodotti bħal dawn ma jistgħux sempliċement jintgħażlu fuq bażi ta’ prezz biss, iżda fuq kollox fuq awtenticità artistika u fuq il-fatt li huma prodott Malti. Issa li għaddiet l-ewwel sena, expression of interest formali se tiġi ppubblikata iżjed tard din is-sena.

Heritage Malta – Uffiċċju taċ-Chairman

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għaliex iċ-Chairman ta’ Heritage Malta għandu bżonn ta’ uffiċċju ġewwa l-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija l-Belt Valletta? Jista’ jispjega kemm-il ħaddiema kellhom jiġu mċaqalqa biex dan l-uffiċċju jsir uffiċċju għaċ-Chairman u kemm-il darba dan l-uffiċċju qed jiġi użat? Jista’ jgħid ukoll kemm sewa lill-Aġenzija dan il-proġett f'ħin (man hours) kif ukoll f'riżorsi finanzjarji?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li l-kamra msemmija fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija ma kienet użata minn ħadd. Ix-xogħol li sar f’din il-kamra kien li ngħatat tibjida ġdida peress li se takkomoda parti mill-kollezzjoni tal-mużew. Sadanittant qed tintuza wkoll għal xi laqgħat li uffiċjali ta’ Heritage Malta, fosthom ic-Chairman, ikollhom fil-Belt Valletta ħalli jiġi evitat skariġġ żejjed, peress li l-uffiċċju ewlieni ta’ Heritage Malta jinsab f’Bighi.

Heritage Malta – performance bonus

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-kriterji li fuqhom ingħata l-performance bonus lid-diversi heads ta’ Heritage Malta fl-ewwel nofs ta’ din is sena? Jista’ jelenka (kariga kariga) kemm-il mira mistennija mid-diversi Heads ntlaħqu u b’liema persentaġġ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li l-miri tal-Heads ta’ Heritage Malta jiġu evalwati fl-aħħar ta’ kull sena u għalhekk din is-sena għadu ma ngħata l-ebda performance bonus. Dan isir f’Diċembru.

Heritage Malta – wirja tal-100 oġġett — youtube clip

Question

B’referenza għall-youtube clip li ħarġet Heritage Malta fil-1 ta’ Lulju 2014, biex jirriklamaw l-wirja tal-100 oġġett li qed issir fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija l-Belt, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’kienet l-ispiża biex sar dan il-clip, min ipproduċieh, x’kienet ir-raġuni għaliex dan il-clip ġie rtirat fi ftit sigħat wara u min ta l-ordni biex l-imsemmi clip jiġi mneħħi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li l-produzzjoni tal-clip imsemmi saret bla ħlas minn CVC Media. Dan ġie mneħħi fuq ordni tac-CEO minħabba li ma laħaqx il-kwalita mixtieqa.

Heritage Malta – Acting Manager – Human Resources

Question

Jista’ l-Ministru jagħti r-raġunijiet għaliex kien hemm bżonn tal-ħatra ta’ Acting Manager – Human Resources li tħabbret f'memo lill-impjegati ta’ Heritage Malta fix-xahar ta’ Lulju meta sa ftit xhur ilu kien hemm persuna li tagħmel dan ix-xogħol? Jista’ jispjega r-raġuni/jiet għaliex il-manager tar-riżorsi umani li kien hemm qabel Jannar 2014 ġie mwarrab? Xi kwalifiki akkademiċi rilevanti għandu l-Acting Manager il-ġdid? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-Acting Manager – Human Resources il-ġdid?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li l-manager li kien responsabbli mill-Human Resources kien responsabbli wkoll mill-Visitor Services. Peress li din tal-aħħar hija kariga li ġġorr responsabbilta konsiderevoli, ġie deċiż li jżomm din il-kariga biss, filwaqt li tinfetaħ applikazzjoni għal Acting Manager Human Resources. Il-persuna li ntgħażlet għal din il-kariga kellha l-kwalifiki u l-esperjenza kollha meħtiega u mitluba fl-applikazzjoni, u l-kuntratt tagħha hu eżattament l-istess bħal dawk ta’ managers oħra.

Heritage Malta – Kuntratt għal interactive audio visual

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt li ġie ffirmat bejn Heritage Malta u l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament sabiex jipproduċu interactive audio visual ġdid fiċ-Ċentru tal-Viżitaturi ġewwa t-Tempji ta’ Ħaġar Qim? Jista’ jinforma lill-Kamra kemm sewa lill-Aġenzija u jekk kienx hemm bżonn li tinħareġ expression of interest biex dan ix-xogħol jitwettaq?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li sabiex jiġi prodott l-interactive audio visual f’Ħaġar Qim ma kienx hemm bżonn li tinħareg expression of interest peress li dan kien ftehim ta’ patrunaġġ (li minnhom Heritage Malta għandha ohrajn) mhux esklussiv, approvat mill-Bord tad-Diretturi, li ma kien jinvolvi ebda spiża kapitali għal Heritage Malta.

Heritage Malta Bighi Head Office – problemi sanitarji

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-problemi sanitarji li kien hemm fil-provvista tal-ilma tal-vit xhur ilu f’Heritage Malta Bighi Head Office, ġewx riżolti? Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv, jista’ jserraħ ras il-ħaddiema billi jingħad x’miżuri ttieħdu u meta sar ix-xogħol sabiex jitneħħa kull periklu li kien jeżisti? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport sanitarju maħruġ mill-awtoritajiet konċernati? Jekk ir-risposta hija fin-negattiv, jista’ jinforma lill-Kamra meta se jitneħħa l-periklu għal saħħet il-ħaddiem?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li l-proċess ta’ verifika tal-kwalità tal-ilma fl-uffiċċji ta’ Heritage Malta f’Bighi huwa wieħed kontinwu li jsir kull sena. Il-verifika ssir minn laboratorju professjonali privat akkreditat u indipendenti. Fuq parir ta’ dan l-istess laboratorju qed jiġi osservat reġim ta’ tindif akkurat b’mod ripetut. Inbiddlu wkoll għadd ta’ tankijiet tal-ilma, u se jinbidlu oħrajn, sabiex il-kwalità tal-ilma tkompli titjieb. Proprju bhalissa għaddejja verifika oħra. L-aħħar rapport (tal-2013) qed jiġi mqiegħed fuq il-mejda tal-kamra kif mitlub. Dan jindika li l-ilma huwa tal-kwalità meħtieġa. Importanti wieħed jiċċara li l-ilma li jiġi vverifikat m’huwiex ilma tax-xorb.
Leg 12 PQ #10332 Sitting 180 2014-07-17 Oral · Final From: FRANCIS ZAMMIT DIMECH To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Żjara fiċ-Ċina –Membri tal-media

Question

Jista’ l-Prim Ministru jispjega għaliex kien hemm għażla selettiva u allura diskriminatorja għar-rigward ta’ membri mill-media li kienu mistiedna jakkumpanjaw lill-istess Prim Ministru matul iż-żjara tiegħu fiċ-Ċina?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Gvern qed jadotta sistema ta’ rotazzjoni fil-mod kif joħorġu inviti għall-mezzi tal-media li jkollhom il-passaġġi u transfers imħallsin minn fondi pubbliċi. L-istess sistema se terġa tintuża l-ġimgħa d-dieħla fiż-żjara tiegħi f’Londra u Glasgow fejn se jitilgħu mezzi tal-media oħrajn. M’hemmx għalfejn ngħidu, il-mezzi tax-xandir huma fil-liberta’ kollha li jħallsu l-passaġġi u jsegwu żjarat tal-Prim Ministru u stejjer oħrajn, bħal f’ kull demokrazija moderna oħra. Nittama li l-Onor Interpellant mhuwiex jgħid li b’xi mod il-mezzi tal-media li kienu ċ-Ċina – jiġifieri PBS (Reno Bugeja), The Times (Ariadne Massa), Maltatoday (Saviour Balzan), b’xi mod jew ieħor mhumiex ġurnalisti ta’ serjeta’, integrita’ u imparzjalita’.

Delegazzjoni tal-PBS li attendiet għall-Eurovision

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra minn min kienet magħmula d-delegazzjoni tal-Gvern u/jew tal-PBS li attendiet għall-Eurovision? Jista’ jagħti l-ismijiet ta’ kull min ifforma parti mid-delegazzjoni? Jista’ għal kull isem, jagħti r-rwol preċiz li dik il-persuna kellha fid-delegazzjoni? Jista’ jagħti wkoll l-ispiża preċiża li nħarġet minn fondi pubbliċi għall-parteċipazzjoni tad-delegazzjoni kollha?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li nassigurah li d-daqs tad-delegazzjoni Maltija ma kinitx akbar mis-snin preċedenti, ninfurmah ukoll li l-ispiza kienet inqas. Din is-sena ħadna din l-inizzjattiva b’mod kummerċjali u għaldaqstant l-informazzjoni rikjesta hija ta’ natura kummerċjali.

PBS – rwol ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lilil-Kamra x’inhu r-rwol preċiz tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fi ħdan il-PBS? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-job description tiegħu kif ukoll kopja tal-kuntratt tiegħu? Jista’ jispjega b’mod konkret x’inhu x-xogħol li wettaq l-istess individwu matul dawn l-aħħar 14-il xahar?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rwol tal-persuna in kwistjoni huwa relatat ma’ produzzjoni. Ninfurmak ukoll li f’dawn l-aħħar 14-il xahar, ix-xogħol li sar minn din il-persuna ġġenera introjtu ta’ aktar minn €270,000 għall-PBS.
Leg 12 PQ #8666 Sitting 133 2014-03-25 Oral · Final From: FRANCIS ZAMMIT DIMECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Ġensna – bejgħ ta’ biljetti

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kif jista’ jiġġustifika li l-biljetti għax-show Ġensna, li qed tittella’ bħala avveniment nazzjonali, qed jinbiegħu mill-post li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista’ jinforma lill-Kamra jekk humiex qed jitħallsu xi commissions fuq dan il-bejgħ?

Response (VELLA, KARMENU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

PBS pagamenti pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta’ pagamenti pendenti li għandu jagħti l-PBS għal programmi li saru fl-aħħar sentejn u li għadhom ma tħallsux? Liema huma l-persuni jew kumpaniji li għandhom jieħdu l-flus u kemm hu l-ammont dovut lil kull persuna jew kumpanija?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-PBS topera bħala kumpanija u għaldaqstant l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura kummerċjali. Nistieden lill-Onor. Interpellant isaqsi lil eks kollega tiegħu biex jkun jaf dwar pagamenti li ma tħallsux fl-aħħar sena tal-leġislatura ta’ Gvern preċedenti.
Leg 12 PQ #7865 Sitting 123 2014-02-24 Oral · Final From: FRANCIS ZAMMIT DIMECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Assistenza lill-Bands Lokali

Question

B’riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 2175, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-kuntratt ta’ ingaġġ tal-persuna indikata issa ġiex iffirmat, u jekk le għaliex għadu ma ġiex iffirmat u jekk il-Gvern almenu abbozzax dan il-ftehim u f’dak il-każ jista’ jqiegħed l-istess abbozz fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ġie iffirmat, allura jista’ jqiegħed il-kopja tal-istess ftehim?

Response (VELLA, KARMENU)

Il-kuntratt li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant kien iffirmat iżda f’dan l-istadju ma nħossx li għandu jkun ippubblikat.