Legislature:
Category:
Reset
Active:

Recording tal-Kunċert mill- -Pulizija mill-PBS

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li r-recording li sar mill-PBS tal-kunċert mill-Pulizija f’Dar il-Mediterran tħassar jew intilef?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-PBS li l-filmat tal-Kunċert tal-Banda tal-Pulizija li ġie rrekordjat mill-PBS matul ix-xahar t’ Ottubru 2014, tpoġġa fuq server b’ieħor waqt il-fażi finali tal-post production tiegħu. Għaldqstant, waqt ir-rutina ta’ kull ġimgħa sabiex jitneħħa ċertu materjal sabiex ikun hemm spazju fis-server, dan il-kunċert ġie mħassar bi żball għax kien immarkat b’kodiċi. Filwaqt li l-PBS tiskuża ruħħa għal dan in-nuqqas għaliex dan il-filmat spiċċa fuq server b’ieħor, tikkjarifika li dan kien żball uman li ma kienx intenzjonat.

Heritage Malta – talbiet għal teleworking

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11479, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il taba għal teleworking ġiet rifjutata fl-aħħar 18-il xahar u x’kienet ir-raġuni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat minn Heritage Malta li ma kien hemm l-ebda talba għal teleworking li ġiet rifjutata f’dawn l-aħħar 18-il xahar.

Heritage Malta – użu ta’ palm reader minn managers u senior curators

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11478, jista l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-logs rilevanti ta’ dawn l-aħħar sitt xhur?

Response (BONNICI, OWEN)

B’referenza għall-Mistoqsija numru 13295, nitlob lill- Onor. Interpellant jifhem li ma jkunx xieraq li nippublika informazzjoni sensittiva dwar meta l-impjegati ħadu il-leave tagħhom.

Heritage Malta – Kuntratt għal interactive audio visual

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11477, jista’ l-Ministru jindika x’inhuma l-ispejjeż kurrenti ta’ dan il-proġett? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt in kwistjoni bejn Heritage Malta u din il-kumpanija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat minn Heritage Malta li ma hemm l-ebda spejjeż kurrenti marbuta ma’ dan il-proġett. Intant, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minħabba li dan il-kuntratt huwa kummerċjalment sensittiv, ma nħossx li għandu jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Heritage Malta – Acting Manager Human Resources

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11474, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-persuna li tneħħiet mill-kariga ta’ HR Manager għamlitx talba hi biex titneħħa u jekk fin-negattiv, ta’ min kienet id-deċiżjoni li din il-persuna titneħħa? Jista’ jispjega xi kwalifiki u esperjenzi rilevanti għandu l-Acting HR Manager il-ġdid?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li l-persuna li ma baqgħetx inkarigata mill-HR ma talbitx hi biex titneħħa ‘żda dan sar minħabba eżigenzi ta’ Heritage Malta, sabiex tkun tista’ tikkonċentra izjed fuq xogħol li dejjem jiżdied ta’ Visitor Services. Il-kwalifiki u l-esperjenza li ntallbu fis-sejħa għall-applikazzjonijiet huma dawk skont kif stabbilit fir-regolamenti. Ninsab infurmat li l-Acting HR Manager il-ġdid kellu r-rekwiżiti kollha meħtiega.

Heritage Malta — Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija – youtube clips dwar wirja

Question

B’referenza għat-tweġiba fil-mistoqsija parlamentari 11473, jista’ l-Ministru jikkonferma li kien hemm żewġ video clips oħra ta’ dan il-ġeneru? Jista’ jinforma lil din il-Kamra kemm ħaddiema ta’ Heritage Malta kienu involuti u kemm ittieħed ħin fuq dawn il-produzzjonijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat minn Heritage Malta li kien hemm żewg video clips oħra simili. Kien hemm tliet ħaddiema ta’ Heritage Malta involuti fil-produzzjoni tagħhom, li ħadet sagħtejn wara l-ħin u li għalihom ma sarx ħlas.

Heritage Malta — Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija – użu ta’ kamra

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11471, jista’ l-Ministru jikkonferma li l-persuna li kienet f’dan l-uffiċċju tqegħdet fil-kuridur?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat minn Heritage Malta li ma kien hemm ħadd fl-uffiċċju imsemmi mill- Onor. Interpellant u wisq inqas li xi ħadd tpoġġa f’kuritur. Jidher ċar li l-Onor. Interpellant għandu informazzjoni żbaljata.

Junior Eurovision Song Contest — spejjeż

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’kienet in-nefqa totali sabiex kien organizzat il-Junior Eurovision F’Malta? Jista’ jinforma lill-Kamra min kienu s-suppliers li pprovdew is-servizzi jew prodotti (apparti l-PBS) sabiex kien organizzat dan l-avveniment u kemm tħallas kull supplier? Jista’ jinforma lill-Kamra jekk sarux sejħiet biex intgħażlu dawn l-istess suppliers jew jekk intużatx il-proċedura ta’ direct order għalihom jew għal uħud minnhom u jekk iva, għaliex intużat din il-proċedura? Jista’ jinforma jekk il-PBS ħallasx għal xi wħud mid-delegazzjonijiet barranin li attendew għal dan l-avveniment u jekk iva, kemm kien il-ħlas involut?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern ikkontribwixxa € 1,385,150 għall-organizazzjoni tal-Junior Eurovision Song Contest li sar f’Malta. Ix-Shipbuilding kien il-post identifikat mill-PBS u l-European Broadcasting Union. Għalkemm il-kobor tiegħu kien jissodisfa d-daqs mixtieq għal avveniment bħal dan, il-post kellu bżonn ta’ trasformazzjoni kbira. Id-deċiżjoni ta’ din l-għażla rriżultat f’avveniment eċċezzjonali li serva bħala vetrina għal Malta f’aktar minn sittax-il pajjiż li fihom ġie mxandar il-Junior Eurovision Song Contest. L-EBU tat rikonoxximent lill-PBS għall-istandards tekniċi u organizzattivi milħuqa u li għandhom iservu ta’ mudell għal festivals oħra fil-futur. Fl-istess struttura, ġie organizzat il- Malta Eurovision Song Contest. II-kuntratturi prinċipali intgħażlu skont ir-regoli ta’ procurement tal-Gvern u l-lista tagħhom qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Huwa importanti li jiġi nnutat li l-kumplament tal-fondi ġew iġġenerati fuq bażi kummercjali mill-PBS u bl-appoġġ tal-EBU. Il-PBS u l-EBU nedew proċess ta’ kif jattiraw iżjed pajjiżi sabiex jieħdu sehem f’dan il-festival kif fil-fatt ġara, din is-sena pparteċipaw sittax-il pajjiż meta kkumparat mat-tnax li pparteċipaw is-sena l-oħra. Għalkemm l-ebda pagament ma ngħata lil ebda delegazzjoni, xi wħud minnhom ġew assistiti b’titjiriet li kienu sponsorjati u bl-akkomodazzjoni.

Malta Eurovision Song Contest — spejjeż

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’kienet in-nefqa totali sabiex kien organizzat il-Malta Eurovision Song Contest (il-festival tal-Malta Song for Europe biex tintgħażel il-kanzunetta minn Malta li tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision)? Jista’ jinforma wkoll min kienu s-­suppliers li pprovdew is-servizzi jew prodotti (apparti l-PBS) sabiex kien organizzat dan l-avveniment u kemm tħallas kull supplier? Jista’ jinforma lill-Kamra jekk sarux sejħiet biex intgħa¿lu dawn l-istess suppliers jew jekk intużatx il-proċedura ta’ direct order għalihom jew għal uħud minnhom u jekk iva, għaliex intużat din il-proċedura? Jista’ jinforma jekk il-PBS ħallasx għal xi wħud mid-delegazzjonijiet barranin li attendew għal dan l-avveniment u jekk iva, kemm kien il-ħlas involut?

Response (BONNICI, OWEN)

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari Nru. 13107, il-PBS ddeċidiet li torganizza l-Malta Eurovision Song Festival eżatt wara l-avveniment tal-Junior Eurovision Song Festival, f’Novembru li għadda sabiex tagħmel l-aħjar użu mill-post li ġie ttrasformat f’Arena għal dan it-tip ta’ avvenimenti u fl-istess ħin ngħatat l-opporunita lill-kantanti Maltin sabiex jużaw set li kien maħdum fuq livell internazzjonali. Għaldaqstant, is-servizzi tal-kuntratturi tal-Junior Eurovision Song Contest ġew estiżi b’ġimgħa, b’kontinwazzjoni tas-servizzi tagħhom għal Malta Eurovision Song Contest.

Heritage Malta – kondizzjonijiet ta’ xogħol ta’ ħaddiema outsourced

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li għar-rigward ta’ kull ħaddiem ingaġġat mal-kuntratturi li jagħtu xi tip ta’ servizz lill-Heritage Malta, il-ħaddiema qed jiġu mħaddma skont il-liġi u li mhux qed ikunu mġiegħla jaħdmu aktar mill-ħin stipulat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat minn Heritage Malta li l-ħaddiema ingaġġati ma’ kuntratturi li jagħtu xi servizz lil Heritage Malta jagħmlu dan skont il-liġi u Heritage Malta m’għandha l-ebda raġuni għalfejn taħseb mod ieħor. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jekk jaf b’xi każ ta’ abbuż jirrapurtah minnufih.

Proġett ta’ San Iermu – xogħol ta’ ħadid

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li x-xogħol tal-ħadid li qed isir fuq il-proġett ta’ Sant Iermu qed jinħadem minn ħaddiema barranin u li dawn qed jkunu mġiegħla jaħdmu mis-7 ta’ filgħodu sa nofsillejl kuljum?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Palazz tal-Inkwiżitur — restawr

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-proġetti tal-Unjoni Ewropea abbinati mar-restawr tal-Palazz tal-Inkwiżitur?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat minn Heritage Malta li qatt ma ntużaw fondi tal-Unjoni Ewropea għar-restawr tal-Palazz tal-Inkwiżitur.

Heritage Malta — Dipartiment tal-Exhibitions, Design u Upkeeping – tqassim ta’ overtime lill-impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jispejga kif jiġi mqassam grad grad, l-overtime tal-ħaddiema li jaqgħu fid-Dipartiment tal-Exhibitions, Design u Upkeeping fi ħdan Heritage Malta? Jista’ jelenka l-miżuri li l-management ta’ dan id-dipartiment jieħu sabiex jiżgura li l-overtime jkun imqassam b’mod trasparenti u bla ebda preferenzi? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru ta’ sigħat ta’ overtime li dan id-dipartiment wettaq minn April 2013 sal-lum?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat minn Heritage Malta li l-overtime dejjem jitqassam skont is-sengħa u l-esiġenzi tax-xogħol, u skont jekk il-ħaddiema effettivament ikunux jistgħu jidħlu għall-overtime. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kull meta jkun hemm bżonn ta’ overtime jkun hemm preżenti general foreman jew manager sabiex jassigura li kollox jimxi sewwa. Ninsab infurmat li l-overtime f’sigħat, grad bi grad, minn April 2013 sal-lum hu kif ġej. Intant ninforma lill- Onor. Interpellant li is-siegħat ta’ Diċembru 2014 għadhom qed jinħadmu. Irrid ngħid li fl-2014 ġie awtorizzat ammont sostanzjali ta’ sahra minħabba dawn ir-raġunijiet: a) L-eżebizzjoni tal-Mitt Oġġett b) L-eżebizzjoni tal-Inkwiżizzjoni Rumana f’Malta c) Xogħol estensiv li sar fil-Forti ta’ Sant’Iermu Grad Apr – Dic 2013 Jan – Nov 2014 Siegħat Siegħat Grad B – Coordinator/General Foreman 342.75 1,022.1 Grad C – Foreman 1,330.5 3,344 Grad D – Skilled Tradesmen 2,370.75 8,038.35

Rapport fuq l-EPSO Funds u Kuntratt bejn il-PBSu l-Gvern

Question

B’refernza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11844, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar kemm-il rapport fuq l-EPSO funds huwa qiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra matul il-leġislatura preżenti? Mll-ġdid b’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11483, peress li jiena ma kontx qed insaqsi għar-rapport fuq l-EPSO funds, imma għall-kopja tal-kuntratt li kien sar bejn il-Gvern u l-PBS fis-sena 2005 kif ukoll għal kopji tal-kuntratt li saru wara sabiex jestendu dak l-istess kuntratt kull sena, jista’ l-Ministru din id-darba jqiegħed l-informazzjoni mitluba: jiġifieri l-kopja tal-kuntratt imsemmi u ta’ kull estensjoni li saret tal-istess kuntratt, u mhux ir-rapport fuq l-EPSO funds?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Riljiev ta’ Oreste Chircop

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’sar mir-riljiev li kien sar ad unur Oreste Kirkop fil-bitħa tat-Teatru Manoel in vista tal-fatt li l-propjetà in kwistjoni m’għadhiex f’idejn il-Gvern? Jista’ dan ir-riljiev jitqiegħed f’xi post ieħor jew f’xi mużew kif jixraq lill-memorja ta’ dan it-tenur rinomat Malti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li r-riljiev t’Oreste Kirkop għadu jinsab fil-bitħa tat-Teatru Manoel u għalissa mhemmx pjani li jiċċaqlaq. Dan għaliex fil-ftehim bejn is-sidien ta’ Palazzo Bonici u t-Teatru, il-bitħa trid tkun miftuħa għal kull rapprezentazzjoni li ssir fit-Teatru u b’hekk il-pubbliku għadu jista jgawdi dan lir-riljiev.

Heritage Malta – Call for applications

Question

Peress li f’Awwissu li għadda, Heritage Malta ħarġet call for applications għal numru ta’ pożizzjonijiet interni, jista’ l-Ministru jikkonferma li kien hemm xi individwi li ġew imsejħa għall-interview, waqt li l-interview ġew mgħarrfa li mhux eliġibbli? Jista’ jikkonferma li l-proċess ta’ vetting (fejn tidħol l-eliġibilità) kien maqbuż u injorat? Jista’ jikkonferma li xi membri tal-interviewing boards ma kellhomx esperjenza fil-qasam tal-wirt kulturali u kellhom joqogħdu biss fuq l-esperjenza u d-direzzjoni taċ-chairperson? Jista’ jikkonferma li dawn l-external interviewers ma ngħatawx briefing fuq Heritage Malta u l-vakanzi kkonċernati?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li waqt l-interviews għal pożizzjonijiet interni kien hemm każ fejn l-applikant ġie nfurmat li ma kienx eliġibbli, u dan minħabba li l-applikazzjoni ma kinetx ċara u l-applikant ingħata opportunità jispjega l-pożizzjoni tiegħu u kkonferma li kien ħa żball. F’każ ieħor saret interpretazzjoni teknika żbaljata fil-vetting, mhux għax il-vetting gie maqbuż. Il-membri tal-interviewing boards intgħazlu skont il-proċeduri stabbiliti. L-external reviewers ġew ipprovduti bl-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jevalwaw u jiddeċiedu skont il-każ.

Heritage Malta – nisa fit-tmexxija

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hu n-numru ta’ nisa li qegħdin fit-tmexxija ta’ Heritage Malta? Jista’ jispjega liema huma l-gradi li Heritage Malta tqis li huma ta’ tmexxija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat minn Heritage Malta li hemm sebgħa uffiċjali nisa fi gradi ta’ tmexxija. Il-gradi ta’ tmexxija ta’ Heritage Malta jinkludu managers u senior curators li jiffurmaw parti mit-tim tal-immaniġġar.

Heritage Malta – top management — trasport

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li avolja t-top management ta’ Heritage Malta jingħata t-transport allowance, xorta qed juża l-mezzi tat-trasport tal-aġenzija? Jista’ jikkonferma li kien hemm xi drabi li matul ix-xhur li għaddew fejn xogħol importanti relatat dirett mas-siti, l-mużewijiet u esebizzjonijiet kellu jiġu pospost minħabba li ma kienx hemm trasport tal-Aġenzija disponibbli?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li t-top management ta’ Heritage Malta juża l-mezzi ta’ transport tal-aġenzija biss għal postijiet fejn wieħed diffiċli jsib jipparkja (eż. il-Belt Valletta) sabiex jiġi evitat ħafna telf ta’ ħin bla bżonn, u dan jiġi mlaqqa’ ma’ xogħol ieħor tal-aġenzija. Madanakollu dan isir biss waqt il-ħin normali tax-xogħol u meta t-trasport ikun disponibbli. Meta t-trasport ma jkunx disponibbli, kulħadd juża l-mezzi ta’ trasport tiegħu. Ma ninsab mgħarraf bl-ebda okkażjoni meta xogħol tal-agenzija ġie pospost minħabba nuqqas ta’ trasport.

Heritage Malta – sejħiet – riżultati

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-riżultati kollha uffiċjali minn Jannar 2014 sal-lum rigward sejħiet għal diversi posts li saru f’Heritage Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant japprezza li hemm kundizzjonijiet ta’ protezzjoni tad-data li ma jippermettulix nippubblika ismijiet u riżultati kif mitlub. Madanakollu jekk l-Onor. Interpellant għandu xi domandi x’jagħmel dwar proċessi u posts partikolari jien inkun dispost li nieħu parir mill-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data u skont dak il-parir ngħaddi l-informazzjoni kollha meħtieġa, anke jekk hemm bżonn privatament.

Politika Nazzjonali dwar ix-Xandir — Ftehim mal-EBU

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11480, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni rilevanti miġbura mill-PBS flimkien mal-European Broadcasting Union (EBU) fuq l-istazzjonijiet Ewropej, kif ukoll ir-rapport b’numru ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Ministeru ppreparat mill-kumpanija tal-awditjar ?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’dan l-istadju l-informazzjoni miġbura għadha qed tiġi skrutinizzata, u l-Kamra tkun informata ladarba issir implimentazzjoni ta’ miżuri suġġerriti fid-dokument li ġie ippreparat.