Jista' l-Ministru ġentilment jagħti informazjoni kemm kienet l-ispiża mill-1995 sa issa kull sena għall-istipendji tal-istudenti?
Kemm ħa kull student ras għal ras matul l-istess perjodu?
Kemm kien in-numru ta' studenti li gawdew sena b'sena matul dan il-perjodu?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser issir Sqaq il-Burzett ġo Ħaż-Żabbar peress li din qatt ma kellha sufacing u tinsab fi stat perikolu għan-nies u l-karozzi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 26501.
Xogħolijiet oħra msemmija isiru skond il-prijoritajiet li jkollu quddiemu d-Dipartiment.
Jista' l-Ministru jagħti nformazzjoni riġward id-drittijiet li għandhom turisti li għandhom british passport bħala servizz tas-saħħa meta jkunu fuq btala f'pajjiżna?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li turisti bi "British Passport" li jkunu ilhom Malta għal mhux aktar minn 30 jum u li jkollhom ħtieġa ta` kura medika urġenti jistgħu jingħataw din il-kura bla ħlas f'xi wieħed mill-isptarijiet jew Ċentri tas-Saħħa tal-gvern.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni fuq xogħol li sar fi Triq il-Knisja fix-Xgħajra (l/o Żabbar) fejn it-triq qed tingħalaq permezz ta' katina b'mod li mhux biss qed joħloq inkonvenjent lir-residenti, imma jista' jkun wkoll ta' periklu f'każ ta' emergenza jew f'każ ta' maltemp?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment biex flimkien mal-Kunsill Lokali jindaga l-ilment imressaq mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura kellux talba sabiex jinqatgħu siġar li hemm biswit il-kripta tal-kon-katidral ta' San Ġwann, quddiem il-qorti, jew jekk intalabx jagħmel assessment tal-ħsara potenzjali li dawn jistgħu jikkawżaw?
Response (ZAMMIT, NINU)
Id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura saritlu talba kemm mill-Valletta Rehabilitation Project kif ukoll mill-Kunsill Lokali ta' Valletta kemm verbalment kif ukoll bil-miktub dwar qliegħ ta' siġar li hemm biswit il-kripta tal-kon katidral.
Fil-11 t'April tas-sena 2000, lill-Valetta rehabilitation Project u lill-Restoration Department ġie mibgħut guide lines fejn jindika kif isir "root pruning" u ma ssirx ħsara lis-siġar.
Inġibdet l-attenzjoni wkoll mid-Dipartiment tal-Ħarsien ta' l-Ambjent fejn oġġezzjona dwar it-tneħħija ta dawn is-siġar minħabba li l-popolazzjoni ta' għasafar tal-white wagtail motocilla alba ibejtu u jgħaddu x-xhur tax-xitwa f'dawn is-siġar.
Ix-xogħol taż-żabra jsir bħala żabra korrettiva biex jiġi evitat żviluppar ta' aktar għeruq.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x' passi qed jittieħdu min-naħa tad-dipartimenti li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu sabiex art li llum hija kompletament żdingata (industrial waste) bħal, per eżempju, l-Industrial Estate f' Korradino tiġi riabilitata?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x' inhi l-policy tad-Dipartiment fir-rigward ta' għalliema li jkunu evidenti li se jkunu fuq sick leave fit-tul anke, jekk interrott, (bħal per esempju tqala) u li jingħataw klassi fil-Primarja fejn tali klassi tispiċċa tbati konsiderovalement?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li meta l-kap ta' l-iskola jiġbed l-attenzjoni li hemm għalliema li għal raġuni jew oħra sa jkollhom jieħdu sick leave fit-tul, id-Dipartiment jistudja l-każ tagħhom, jivverifika ċ-ċirkustanzi ta' kull każ u jagħmel mill-aħjar biex jassigura li l-klassi ma tbatix.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jsir tarmac surfacing ta' Triq il-Kunsill ta' l-Ewropa f' Ħaż-Żabbar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li hemm diversi xogħolijiet għal din iż-żona, kemm fil-junction li jieħu għal Wied il-Għajn kif ukoll fit-Triq il-Labour li għandhom x`jaqsmu wkoll mal-bini ta` l-isports Complex, il-proġett ta` affortestazzjoni u l-proġett tal-Kottonera nkluż tqegħid ta Cables ġodda.
Id-Dipartiment tat-Toroq flimkien mal-Kunsill Lokali u entitajiet oħra qegħdin f`kuntatt dwar dawn ix-xogħolijiet biex eventwalment it-toroq ta` l-inħawi jkunu jistgħu jiġu rrestawrati fil-framework tal-prijoritajiet li ġew stabiliti fir-Road Master Plan.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jsir re-surfacing ta' Triq Labour f' Ħaż-Żabbar, minħabba li l-istat ta' din l-arterja prinċipali hi ħażin ħafna?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 29353.
Peress li fost xi nies tqajjmu dubji dwar kemm huma validi tax assessments li jmorru lura għas-snin 70, jista' l-Ministru jiċċara l-pożizzjoni ta' dawk it-tax payers li ntbagħtilhom return ta' tant snin ilu?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li jekk qed jirreferi għal assessments li ħarġu fuq taxpayers li jkunu naqsu milli jibagħtu l-formola tat-taxxa, l-Kummissarju ma hu marbut bl-ebda terminu tal-liġi biex joħroġ assessment. Għalhekk f'dan il-każ ma hemm l-ebda dubju dwar il-validita' ta' l-assessments.
Jekk l-onorevoli interpellant qed jirreferi għal assessments li ħarġu wara li t-taxpayers ikun ingħatalhom iċ-ċans jilħqu ftehim mad-dipartiment fuq xi oġġezzjoni tagħhom, dawn l-assessments ħarġu bil-poteri li l-liġi tagħti lill-Kummissarju. F'dan il-każ ukoll ma hemm l-ebda dubju li l-assessments huma validi. Bħal f'kull każ, ieħor wieħed jista' jagħmel oġġezzjoni kontra dawn l-assessments skond il-liġi.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni rigward kemm għandu art għad-dispożizzjoni tiegħu biex tingħata għall-industrija fiż-żona ta'
1) Korradino?
2) Ħal Far?
Jista' l-Ministru jaġġorna lill-Kamra u lill-poplu in-ġenerali rigward il-pożizzjoni preżenti tad-Dipartiment tas-Saħħa fl-għoti ta' permessi għall-spiżeriji?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pożizzjoni preżenti dwar il-ħruġ ta` permessi għal spiżeriji ġodda għadha ma tbiddlitx u l-friża amministrattiva għall-għoti ta` dawn il-permessi għadha tgħodd.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fadalx nurses li fil-preżent qegħdin jagħmlu non-nursing duties, u jekk hu l-każ, x' inhuma r-raġunijiet għal dan u x' qed isir biex kemm jista' jkun dawn ikollhom xogħolhom relatat ma nursing?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li fid-Diviżjoni tas-Saħħa hemm għaxar (10) Nurses li fil-preżent mhux qed jagħmlu nursing duties. Dawn in-Nurses qed jaħdmu kif gej:
5 Nurses fid-Dipartiment tal-Health Information li huma responsabbli mis-sistema nazzjonali ta` informzzjoni f'każijiet ta` Mwiet, tal-Kanċer, ta` l-Anomalija Konġenitali, tal-Maternita` u tat-Trapjant ta` Organi.
2 Nurses fid-Dipartiment tal-Health Information li qed jagħmlu xogħol ta` trainers fis-sistemi tal-komputers.
1 Nurse huwa mpjegat fid-Dipartiment tal-Policy and Planning li qed jaħdem fuq ir-riforma fil-qasam tas-Saħħa.
1 Nurse li qed jagħmel xogħol part-time fl-ispiżerija ta` l-Out Patient fl-Isptar San Luqa.
1 Nurse tiġbor informazzjoni fi-Dipartiment tal-Maternita` fl-Isptar San Luqa dwar Survey mitlub mill-WHO. Din l-informazzjoni tintbagħat lid-Dipartiment tal-Health Information.
Iż-żewġ Nurses li qed jagħmlu xogħol ta` trainers kienu ġew magħżula għal dan ix-xogħol wara sejħa ta` applikazzjoni.
Il-kumplament qed jagħmlu xogħol li għalkemm mhux direttament relatat ma nursing huwa xogħol fejn il-'background' professjonali tagħhom huwa rilevanti.
Jista' l-Ministru jgħid x' qed isir mill-ħamrija ħamra li qed titneħħa bħala parti mit-twessigħ ta' Triq ir-Redentur f' Ħaż-Żabbar?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-ħamrija li tneħħiet minn ġnien privat fi Triq ir-Redentur biex isir it-twessigħ ta' din it-triq, kienet kwantita' żgħira, u ttieħdet f' għalqa f'Birżebbuga, għal skop agrikolu.
Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir it-tkomplija tas-surfacing ta' N/S in Carmel Str, Ħaż-Żabbar, parti żgħira li qiegħda quddiem żewġt idjar biss u hi ta' inkonvenjent għal dawn il-familji?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq diġa għamel surveys tal-lokalita' biex fejn hemm bżonn tittieħed l-art biex it-toroq ikunu jistgħu jinfetħu u jsiru kollha, għalhekk ix-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant ikun jista' jsir meta l-proċess jitlesta'.
(a) Filwaqt li niringrazzja lill-Ministru tat-Trasport għat-tweġiba 28855 jista' jgħid jekk ir-rakkomandazzjoni li għamel il-Bord li jagħti pariri biex id-disinn tal-bolla bix-xbiha tal-Madonna tal-Grazzja tiġi inkorporata fis-sett tal-bolli tal-Milied 2001 u li l-Ministru għadda lill-Maltapost, ġietx aċċettata jew le?
(b) Fil-każ negattiv għaliex il-Ministru approva disinji li ma jaqblux ma din ir-rakkomandazzjoni li saret wara li l-Bord studja d-dokumenti ippreżentati u mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra mal-PQ 27785?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Bureau Filateliku tal-kumpanija Maltapost ma jħossx li għandha tintlaqa’ r-rakkomandazzjoni tal-Bord li jagħti pariri dwar id-disinn tal-bolli dwar il-Madonna tal-Grazzja. Il-Kumpanija qalet li d-deċiżjoni ttieħdet fuq kunsiderazzjonijiet kummerċjali u fuq aspettattivi tal-filatelisti, kemm lokali kif ukoll barranin.
Bħalissa sitwazzjonijiet bħal dawn jistgħu jinqalgħu għaliex il-Bord li jagħti pariri dwar id-disinn tal-bolli huwa sempliċiment Bord konsultattiv imwaqqaf b'mod amministrattiv u mhux b'saħħa ta' ligi.
Il-Ligi dwar il Posta li għandna bħalissa quddiem il-Parlament se tkun tipprovdi biex il-Bord ikun imwaqqaf b'saħħa tal-ligi stess u jkollu proviżjonijiet ċari dwar ir-relazzjonijiet li għandhom jitħaddmu bejn l-istess Bord, il-Kumpanija li toħrog il-bolli u l-Ministru.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex għadu ma bediex ix-xogħol fi Triq ir-Redentur, Żabbar biex titwessa' (faċċata ta' Triq it-Tut)
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol fi Triq ir-Redentur, Żabbar beda. Dan ma setax jibda qabel għaliex kien hemm proċeduri għaddejjin ma` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar biex xi strutturi ma jitwaqqgħux u li issa hemm deċiżjoni dwarhom.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser issir l-ewwel surfacing fi Triq Baħrija (bejn Triq il-Kappuċċini u Triq Nikola Cottoner) ġo Ħaż-Żabbar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li peress li l-parti ta` Triq il-Baħrija qiegħda fl-istess żona nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 28960.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jsir l-ewwel surfacing ta' Triq Nikola Cottoner ġo Ħaż-Żabbar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qed jaħdem fuq programm ta` xogħolijiet ta` asfalt f`din il-lokalita' u t-triq imsemmija qiegħda nkluża f`dan il-programm.
Meta l-proċedura li qed issir għall-espropjazzjoni ta` l-art meħtieġa għat-twettieq ta` dan il-proġett titlesta', tkun tista` tiġi ppubblikata sejħa għall-offerti.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nru. 27785 (Seduta 594 - 27/07/2001), jista' l-Ministru jgħid kif ix-Xbieha tal-Madonna tal-Grazja ġiet inkorporata fil-ħrieġ tal-belli tal-Milied, għax hemm stennija kbira wara l-festi li saru u billi issa ż-żmien, daħal sew għat-tħejjija tad-disinji? Dawn id-disinji huma diġa lesti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Kif diġa kelli l-okkażżjoni li ngħid fit-tweġiba tiegħi għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 27785 mill-istess membru f`dan ir-rigward, il-Bord li jagħti pariri dwar id-disinn tal-bolli għamel rakkomandazzjoni li x-Xbiha tal-Madonna tal-Grazzja għandha tiġi nkorporata fis-sett tal-Bolli tal-Milied ta` din is-sena.
Tali rakkomandazzjoni ġiet mgħoddija lil-Maltapost.