Jista' il-Ministru jgħid x'qed iżomm l-Enemalta biex jgħaddu l-cable tad-dawl minn Triq il-Marloċċ f'Ħaż-Żabbar sabiex il-kunsill lokali Żabbar ikun f'pożizzjoni li jirranġa din it-triq li tant hi fi stat ħażin li wieħed jevita li jgħaddi minn hemm?
Jista' il-Ministru jgħid meta se jinbeda t-tarmac fi Triq Spadaro f'Ħaż-Żabbar peress li l-ammont ta' ħofor li fiha ma jippermettux li tista' tgħaddi b'karrozza b'mod aċċettabbli fiż-żmenijiet tal-lum?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34394.
Jista' il-Ministru jara li Triq il-Kunsill ta' l-Ewropa (ex-Girdle Road) f'Ħaż-Żabbar, li hija triq arterjali u li tinsab fi stat diżastruż tiġi irranġata peress li din tista' ttaffi l-flow tat-traffiku f'Ħaż-Żabbar u l-madwar?
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jkun lest ix-xogħol fuq Triq l-10 ta' Settembru f'Ħaż-Żabbar? Peress li dan ix-xogħol jinvolvi trinek u qed isir fuq talba ta' l-Enemalta, jista' jgħid x'kordinament sar jew jista' jsir, sabiex tissolva l-problema ta' l-għargħar f'din l-area?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol li għaddej f'din it-triq qed isir biex isaħħaħ il-provista tad-dawl fil-Kottonera u qed isir tqegħid ta' cables ġodda f'diversi fażijiet sabiex ikun hemm inkonvenjent mill-inqas. Dan il-proġett u maħsub li jkun lest sa l-aħħar ta' Novembru ta' din is-sena.
Għar-rigward tal-għargħar, diġa jeżistu culverts f'din it-triq u għalhekk ma hemmx il-bżonn li jitqegħdu katusi oħra, iżda li l-wiċċ tat-triq jiġi mibni mill-ġdid, sabiex l-ilma ikun jista jintefa fil-ġenb u jinġabar fil-ġibjun, li jrid jitnaddaf għax mirdum, fil-lokalita'.
Dawn ix-xogħlijiet jitwettqu aktar il-quddiem skond il-prijoritajiet li hemm fil-Master Plan għar-restawr tat-toroq.
Jista' il-Ministru jgħid x'kontroll qed isir fuq il-piż tal-ħobż meta dan qed jinbiegħ? Kemm isiru inspections u x'passi ttieħdu matul din is-sena?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li minn mindu ġie aġġustat il-prezz tal-ħobż, permezz tal-freephone 120, li huwa t-telefon fejn il-konsumatur iressaq l-ilment tiegħu lid-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni, saru għoxrin ilment.
Dawn l-ilmenti ġew mgħoddija lill-Metrology Office li jagħmel parti mill-Awtorita' ta' Malta dwar l-Istandards. Dan l-Uffiċċju għadu kemm ġie imwaqqaf u qed jingħata din il-funzjoni f'dan il-qasam.
Jista’ il-Ministru jagħti informazzjoni jekk il-mediċina Dibenyline waqfitx tingħata fuq l-ischedule V u jekk waqfet fuq liema kriterji u hemmx il-ħsieb li terġa tiddaħħal?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-mediċina phenoxybenzamine (Dibenyline) kienet inkluża fil-Formularju tad-Dipartiment tas-Saħħa għat-trattament tal-'benign prostatic hypetrophy'. Fuq talba tal-konsulenti kkonċernati d-Drug and Therapeutics Committee irrakomanda li minflok il-phenoxybenzamine tintuża 'selective alpha blocker' u kif ġie speċifikat fiċ-Ċirkulari tad-Dipartiment ts-Saħħa numru 200/02 li ntbagħat lit-tobba kollha huwa rakommandat li l-pazjenti li kienu jieħdu l-phenoxybenzamine jinqalbu fuq id-Doxazosin.
Il-kundizzjoni 'benign prostatic hypertrophy' mhix fost il-mard kroniku speċifikat fuq Schedule V, pero`, pazjenti li għandhom kartuna roża huma ntitolati għat-trattament ta` din il-kundizzjoni.
Jista’ il-Ministru jgħid meta se ssir Triq l-Imriekeb, ġewwa Marsaskala, peress li din issa hi mibnija iktar minn 80% u fiha s-servizzi kollha u qatt ma ġiet mogħtija asphalt surfacing?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat illi t-tender tat-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant ġiet aġġiudikata u d-
Direttorat lesta d-diskussjonijiet u l-koordinazzjoni ma' l-
Utilities
dwar il-ħtiġijiet tagħhom għat-tqegħid ta' servizzi fit-triq imsemmija. Għalhekk il-kuntrattur mistenni jibda' x-xogħol fiż-żmien qrib.
Jista’ il-Ministru jgħid meta se jiddaħħlu health care assistants biex jaħdmu fl-istituzzjonijiet għall-kura ta’ l-anzjani mad-dipartiment għall-Politika Soċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista’ il-Ministru jgħid meta se jiddaħħlu health care assistants biex jaħdmu fl-isptarijiet tal-gvern mad-dipartiment tas-saħħa, u kemm fin-numru?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li s-sejħa għall-mili ta' vakanzi fil-grad ta' Assistant Care Workers fid-Diviżjoni tas-Saħħa għadha qed tiġi pproċessata mill-Management & Personnel Office fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni jekk hemmx xi ħsieb li titwessa Triq San Ġużepp (fejn tmiss ma' Triq Sant' Antnin) f'Ħaż-Żabbar, fejn bini antik ta' valur arkittetoniku jista' jkun mhedded?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fil-preżent m'hemmx il-ħsieb li Triq San Ġużepp fejn tmiss ma' Triq Sant Antnin Żabbar titwessa.
Jista' l-Ministru jagħti nformazzjoni fuq kemm kien hemm każi ta' dixxiplina fuq abbuż mis-sick leave fil-Malta Drydocks ta' Bormla fl-2000, 2001 u din is-sena? Jista' jgħid x'kienet il-piena f'kull każ?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-każijiet ta' dixxiplina fuq abbuż mis-sick leave fil-Malta Drydocks matul dawn l-aħħar tlitt snin u l-piena li ngħatat kien kif jidher hawn taħt:
SENA NUMRU TA' PIENA
KAŻIJIET
2000 41 ġurnata paga
1 sospensjoni minn benefiċċju tal-mard għal 3 xhur
1 sospensjoni minn benefiċċju tal-mard għal 6 xhur
1 sospensjoni minn benefiċċju tal-mard għal sena
2001 14 ġurnata paga
1 sospensjoni minn benefiċċju tal-mard għal 6 xhur
2002 3 ġurnata paga
1 sospensjoni minn benefiċċju tal-mard għal 6 xhur
u sospensjoni minn fuq ix-xogħol għal 8 xhur
1 sospensjoni minn benefiċċju tal-mard għal sena u
sospensjoni minn fuq ix-xogħol għal 8 xhur
Jista' l-Ministru jwassal talba li saret minn residenti fi Triq is-Salini, Marsascala sabiex il-karozza tal-linja bin-numru tar-rotta 22 tgħaddi minn din l-istess triq peress ukoll li f'din it-triq joqogħdu għadd ta' residenti anzjani?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li r-rotta preżenti Nru. 22 ma tinkludix Triq is-Salini. Din ir-rotta ġiet miftehma bejn id-Direttorat għat-Trasport Pubbliku, l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku u l-Kunsill tal-lokalita'.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-preparamenti biex isir wiċċ ġdid f'dawn it-toroq ġewwa Ħaż-Żabbar? Triq il-Marloċċ; Triq Leli Tabone; Trid ir-Redentur; Triq G. Agius Muscat; Triq Sant'Awturu; Triq Spadaro u Triq Nikol Biancardi; Triq it-Tut u tal-Pier housing estate.
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq qiegħed jiddiskuti proposta tal-Kunsill biex jiġu rranġati dawn it-toroq, u x-xogħol fihom ikun jista' jsir wara li dawn id-diskussjonijiet jiġu konklużi.
Jista' l-Ministru jgħid f'idejn min qiegħda u għal liema skop ingħatat art li tinsab eżatt bejn il-ground ta' St Patrick u s-sur biswit Bieb is-Sultan?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li skond ir-records tat-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern, il-biċċa art li hemm bejn il-ground ta` St. Patrick u s-sur biswit Bieb is-Sultan mhix mikrija.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm milli titkompla Triq il-Batterija fiż-Żonqor, Marsaskala?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi xi bini li kien sar żmien ilu ġie ftit 'il barra mil-linja tat-triq u għalhekk kellhom jittieħdu l-passi neċessarji u jsiru l-konsultazzjonijiet ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex dawn id-diffikultajiet jingħelbu. Għalkemm dawn id-diskussjonijiet waslu fl-aħħar għad jonqos il-qbil finali ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm ingħataw exceptions lil tfal, subien u bniet, li biex għadhom ma għalqux sittax-il sena, sena b'sena mill-1995 sa l-2001, u r-raġunijiet prinċipali għal dawn l-esenzjonijiet biex ma jmorrux skola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' exemptions li ngħataw lil tfal, subien u bniet, taħt is-sittax-il sena kien kif se nsemmi:-
Sena skolastika Subien Bniet
1995 - 1996 69 164
1996 - 1997 110 208
1997 - 1998 198 230
1998 - 1999 148 200
1999 - 2000 154 245
2000 - 2001 159 256
Ir-raġunijiet prinċipali kienu:
1) biex jaħdmu
2) għal raġunijiet umanitarji, soċjali, psiko-soċjali, u ta' familja.
Il-proċedura dwar l-eżenzjonijiet mill-iskola hija kif ġej:
1) Għandha ssir applikazzjoni lit-taqsima ta' l-Education Welfare
2) Ma' din l-applikazzjoni għal eżenzjonijiet għandhom ikunu annessi:
a) F'każijiet ta' impjieg, il-wegħda ta' xogħol mimlija u ffirmata
minn min ser iħaddem lill-istudent/a;
b) F'każijiet umanitarji hemm bżonn iċ-ċertifikat mingħand
speċjalista;
c) Il-kunsens bil-miktub taż-żewġ ġenituri;
3) Ta' l-anqas ġenitur minnhom għandu jmur l-iskola b'dawn id-
dokumenti kollha u minn hemm timtela' exemption form
apposta;
4) Ta' l-anqas ġenitur minnhom għandu jmur id-Dipartiment ta'
l-Education Welfare b'dawn id-dokumenti, flimkien mal-
karti ta' l-identita` taż-żewġ ġenituri
5) Is-Social Worker għandu jaċċerta ruħu li l-ġenituri jifhmu
għal xhiex qed jiffirmaw.
Il-kriterji li fuqhom tista` tingħata eżenzjoni huma li:
1) student/a jkunu jgħalqu s-sittax-il sena matul is-sena skolastika
u jkunu temmew l-edukazzjoni sekondarja, kemm-il darba jkunu
sabu mpjieg; jew
2) student/a jkunu jagħlqu s-sittax-il sena matul is-sena skolastika u
jkunu għadhom ma temmewx l-edukazzjoni sekondarja, kemm-il
darba jkunu sabu mpjieg, għalkemm f'dan il-każ wieħed jipprova
kemm jista' jkun ifiehem lill-istudenti u l-ġenituri l-importanza li
student jispiċċa l-edukazzjoni sekondarja; jew
3) ikun hemm raġunijiet umanitarji speċjali. Hawnhekk kull każ ikun
trattat b'mod individwali u b'attenzjoni speċjali u jsiru wkoll
home visits.
Ta' min jinnota wkoll li filwaqt li sa' l-1998 kull każ kellu jiġi awtorizzat u ffirmat mill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, wara din id-data id-Direttur Ġenerali ta' l-Edukazzjoni ingħata r-responsabbilta` li jawtorizza dawn l-eżenzjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitwaħħal dawl (street lighting) fi Triq is-Saqun, Ħaż-Żabbar?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal Triq is-Saqwi. It-talba ta' l-Onorevoli Membru ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi ikkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra bħalha.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-ħsarat li seħħew riċentament fis-sistema ta' ppumpjar fil-proċess tad-drainage disposal li waslet għal dewmien biex bdiewa ta' Lambordi u fin-naħa t'isfel ta' Malta ingħataw ilma għat-tisqija?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-ħsara żviluppat f'main li hemm fil-Fgura u li minnu jitwassal id-drenaġġ fl-impjant ta' Sant'Antnin. Din il-ħsara żviluppat wara li 'clamp' li kien twaħħal hemm madwar sena ilu ċeda u kellu jinbidel. Saru diversi tentattivi biex dan il-'clamp' jinbidel u saħansitra nġabu xi parts minn barra bl-ajru biex jitħaffef ix-xogħol, iżda l-ħsara xorta baqgħet ma ssewwitx għal kollox.
Bħalissa qed jittieħdu pariri biex dan il-'pipe' jinqala' u tinbidel il-parti difettuża. Ta' min jgħid li dan il-main ser jinbidel kompletament fix-xhur li ġejjin bħala parti mix-xogħol tas-Sewerage Master Plan. Dan il-bdil mistenni jelimina ċerti difetti li fih il-main eżistenti u li jwasslu għall-ħsarat spissi fl-istess main.