Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba f'ġimgħa u għal kemm numru ta' sigħat huma ntitolati l-ħabsin li jaħdmu meta jkunu jiskontaw sentenza?
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħabsin għażlu din l-iskema?
Kemm daħlu flus dawn il-ħabsin u kemm minnhom huma miżżewġin jew persuni waħedhom?
Response (BORG, TONIO)
Nassumi li l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għal Pre-Release Work Leave.
Ninsab infurmat illi dawk il-priġunieri li jkunu qegħdin jiskontaw sentenza ta` mhux anqas minn sentejn, fl-aħħar tlett xhur tas-sentenza huma intitolati li japplikaw għal dan it-tip ta` leave.
Dawk eliġibbli u approvati f`dan il-perijodu jaħdmu erba` darbiet fil-ġimgħa esklużi s-Sibt, il-Ħadd u festi pubbliċi. Dawn jistgħu jaħdmu mhux aktar minn ħmistax-il ġurnata ta` disa` sigħat kuljum fix-xahar. Normalment il-ħinijiet jkunu bejn is-7.30am u 4.30pm.
F`dawn l-aħħar erba` snin kien hemm:-
Sena
Numru ta` applikazzjonijiet
Dawk approvati
1999
18
14
2000
13
10
2001
8
6
2002
8
7
Fir-rigward ta` flus minn xogħol waqt dan it-tip ta` leave il-priġunier jista` jagħżel li dak li jaqla` jintbagħat direttament lill-familja jew jiġi iddepożitat fil-kont tiegħu. Ma jinżammux rekords dwar dan. L-anqas jinżammu rekords dwar ikunux miżżewġa jew le.
Faċilita' Korrettiva ta' Kordin — Familji tal-priġunieri
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'support u/jew għajnuna tingħata lill-familja - (mara u tfal) ta' persuna li tinsab il-ħabs (jew tistenna s-sentenza) - speċjalment mil-lat ta' servizzi soċjal? Jikkonsidra l-Viċi Prim MInistru li dawn ikunu pprovduti b'informazzjoni (forma ta' booklet) rigward id-drittijiet u l-obbligi tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għal dak li jirrigwarda benefiċċji soċjali, familja ta' persuna li tinsab il-ħabs, jekk tissodisfa it-test tal-mezzi, tingħata l-Għajnuna Soċjali u, jekk ikun hemm it-tfal, titħallas iċ-Children Allowance.
Mill-aspett ta' ħarsien soċjali, l-awtoritajiet tal-ħabs, permezz ta' l-Aġenzija Appoġġ, jipprovdu servizz ta' social worker kif ukoll servizz ta' psikologu, kemm għall-priġunieri kif ukoll għall-familjari tagħhom. Dawn is-servizzi, li kienu limitati kawża ta' nuqqas ta' riżorsi umani, mistennija jiżdiedu matul din is-sena.
Għaddejt is-suġġeriment fl-aħħar parti tal-Mistoqsija lill-Ażenzija Appoġġ biex tikkunsidra l-possibilita' li jiġi stampat ktejjeb bl-informazzjoni li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji tal-kwalifiki ta' l-impjegati tekniċi u dawk segretarjali fi ħdan il-MEPA?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-impjegati tekniċi li jirċievu 'qualification allowance' skond il-ftehim kollettiv huwa kif jidher hawn taħt:-
Numru ta` impjegati
Kwalifiki
4
Diploma fi Studji Ambjentali
6
Ċertifikat fil-
Land Surveying
12
Ċertifikat fil-
Geomatics
17
Ċertifikat fil-
Planning
u
Land Administration
1
Diploma fil-
Labour Studies
41
Diploma fil-
Planning
u
Land Administration
Fir-rigward ta` kwalifiki oħra li l-impjegati jistgħu jkollhom, il-MEPA ma żżommx informazzjoni komprensiva dwar dawn id-dettalji personali tal-impjegati tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi kriterji partikolari sabiex ħanut ikun jista' jbigħ l-ismart cards lill-istudenti fl-iskejjel sekondarji għolja?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iSmart Cards lill-istudenti fl-Iskejjel Sekondarji Għolja ma jinbiegħux. Dawn jingħataw lill-istudenti bħala parti mill-Għotja ta' Manteniment lill-Istudenti. B'dawn l-iSmart Cards l-istudenti jistgħu jmorru f'ċerti ħwienet u jixtru kotba jew materjal ieħor li jgħinhom fl-istudji tagħhom.
Naturalment il-ħwienet li huma awtorizzati li jaċċettaw dawn il-cards, iridu jkunu ħwienet li jbiegħu materjal edukattiv għall-istudenti ta' dan il-livell u l-livell universitarju.
Il-ħwienet interessati li jidħlu fl-iskema jridu jiktbu lill-Bord għall-Manteniment lill-Istudenti u jkunu lesti li jaċċettaw il-kundizzjonijiet ta' l-iskema f'forma ta' ftehim bejn il-Bord u kull ħanut.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti statistika ta': 1) kemm għandu f'idu s-Social Housing Department djar li fil-preżent huma vojta ġewwa: Ħaż-Żabbar; iż-Żejtun; u Wied il-Għajn? 2) Jista' jgħid kemm hemm talbiet għal social housing minn dawn it-tliet lokalitajiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien informat illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali m'għandux postijiet battala fil-lokalitajiet indikati. Applikanti minn Żabbar, Żejtun u Wied il-Għajn hemm 90, 69 u 37 rispettivament.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għal liema benefiċċji finanzjarji jew mod ieħor hu intitolat l-individwu u/jew il-familja tiegħu li jbati bil-marda tan-neurofibromatosis
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-marda ndikata mill-Onor. Interpellant mhix waħda minn dawk elenkati fl-Att dwar is-Sigurta' Soċjali u għalhekk persuna li ssofri minn din il-marda mhix intitolata għall-benefiċċji soċjali taħt l-imsemmi Att speċifikament għax issofri minn din il-marda.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir resurfacing ta' Triq il-Latmija - jiġifieri t-tul tat-triq kollha bejn Ħaż-Żabbar u Wied il-Għajn? Jista' l-Ministru jgħid x'titjib se jsir biex jitneħħew il-perikoli ta' bends li fiha din it-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat illi Triq il-Latmija hija triq asfaltata u l-manutenzjoni tagħha issir mill-Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni ta' kemm hemm talbiet pendenti (jiġifieri mhux milqugħa s'issa) għal facilitators fl-iskejjel prmarji ta'
1) Ħaż-Żabbar
2) Żejtun
3) Wied il-Għajn
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' talbiet pendenti għal facilitators fl-iskejjel primarji imsemmija huma kif ġej:
Ħaż-Żabbar - 13
Żejtun - 5
wied il-Għajn - 7
Jista' l-Ministru jgħid x'testijiet isiru fuq l-ilma tat-tisqija li jintuża f'Sant Antnin f'Wied il-Għajn, Żabbar u Żejtun?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-ilma tat-tisqija mill-impjant tat-tisfija tad-drenaġġ ta' Sant' Antnin f'Wied il-Għajn jiġi ttestjat regolarment għall-imluħa mid-Dipartiment ta' l-Agrikultura. Testijiet oħra jsiru mid-Dipartiment tad-Drenaġġ.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kellu jitħallas overtime fl-Enemalta mindu spiċċa fl-24 ta Diċenbru 2001 il-ħaddiem li ismu qed jintbagħat separatament? X'passi ttieħdu biex timtela l-vakanza bħala assistant head chief security guard fl-istess Enemalta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-ħaddiem li qed issir riferenza għalih spiċċa mill-impjieg fl-1 ta' Jannar ta' din is-sena u l-aħħar ġurnata li ħadem kien fil-31 ta' Diċembru 2001. F'Jannar ta' din is-sena tħallas l-arretrati u l-bonus dovut kollu. Fi Frar li għadda tħallas tal-festa pubblika ta' l-ewwel tas-sena peress li kien off duty u tħallas ukoll ta' xi differenzi li kien hemm. Fir-rekords tal-Korporazzjoni Enemalta ma jidhirx li dan l-impjegat fadallu jieħu xi flus. Madanakollu jekk hemm xi dubju wieħed dejjem jista' jikkjarifika mat-taqsima tal-pagi tal-Korporazzjoni.
Jiena nfurmat ukoll li l-Korporazzjoni ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet sabiex timtela l-vakanza fil-kariga ta' Assistant Chief Security Guard. Bħalissa din is-sejħa qed tiġi pproċessata.
Jista' il-Ministru jagħti dettalji dwar il-faċċata tal-mużew marittimu fil-Birgu, jiġifieri x'passi ttieħdu dwar restawr u f'kemm żmien dan se jsir?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li riċentement inbidlu l-balavostri tal-Mużew Marittimu, li kienu fi stat perikoluż. Sar ukoll xogħol ta' pavimentar biċ-ċangatura fil-portiku ta' l-istess mużew.
Jista' il-Ministru jagħti dettalji dwar iż-żona ta' sajd ta' 25 mil madwar Malta viz-a-viz il-pożizzjoni li ħadu, il-Libja, l-Italja u t-Tuneżija?
Response (BORG, JOE)
F'Ġunju ta' din is-sena, Malta laħqet ftehim ma' l-Unjoni Ewropea dwar is-sajd. Skond dan il-ftehim, wara s-sħubija, Malta ser tkompli tmexxi għal żmien indefinit, żona għas-sajd ta' 25 mil madwar Malta bil-għan li tibqa' sseħħ il-konservazzjoni tal-kwantita' ta' ħut fl-ibħra Maltin. Fiż-żona ta' konservazzjoni, ser ikunu jistgħu jistadu biss dgħajjes ta' mhux iktar minn 12 il-metru tul billi dawn jipprattikaw tip ta' sajd limitat u li huwa l-anqas li jagħmel ħsara lill-ambjent ekoloġiku.
B'eċċezzjoni, ser ikunu permessi xi tipi oħra ta' sajd fiż-żona ta' bejn 12 u 25 mil il barra mill-kosta ta' Malta minn dgħajjes li huma akbar minn 12 il-metru, u fil-każ ta' trawlers, iżgħar minn 24 metru. Dawn l-attivitajiet huma:
1. tkarkir f'żoni limitati u identifikati apposta għat-tkarkir minn Malta;
2. sajd għal-lampuki f'130 lokazzjoni differenti li minnhom 110 lokazzjoni huma normalment meħuda minn sajjieda Maltin;
3. is-sajd bil-lampara; u
4. s-sajd għat-tonn u ħut migratorju ieħor.
Il-vapuri kollha ta' iktar minn 12 il-metru tul u li għandhom permess jistadu fiż-żona ta' 25 mil madwar Malta jridu jkunu reġistrati filwaqt li l-qbid tal-ħut m'għandux jaċċedi dak li hu meqjus li jista' jagħmel ħsara għal-konservazzjoni tal-kwantitajiet tal-ħut.
L-ewwel 12 il-mil mill-kosta Maltija jkunu riservati esklussivament għas-sajjieda Maltin.
Ghal daqstant, l-uniċi dgħajjes Maltin li jistgħu jintlaqtu minn dawn l-arranġamenti speċjali huma dawk ta' 'l fuq minn 24 metru tul. Għal dawn is-sajjieda Maltin, il-Gvern ħaseb biex jippprovdi pakkett ta' għajnuna finanzjarja li ser jgħinhom biex itejjbu l-effiċċjenza tagħhom ħalli jkunu jistgħu jistadu aħjar barra miż-żona ta' 25 mil.
Minbarra dan, wara s-sħubija, is-sajjied Malti ser ikollu aċċess għal għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet Maltin ħejjew programm biex tkun tista' tintalab din l-għajnuna finanzjarja li ser tintuża għall-immoderniżżar tal-flotta tas-sajd Maltija u għal titjib fl-istrutturi tas-swieq tal-ħut u għall-ipporċessar.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-ftehim ma jippermettiex lil sajjieda Libjani jew Tuneżini jew minn kwalunkwe pajjiż mhux membru ta' l-Unjoni Ewropea li jistad fiż-żona ta' 25 mil, u għalhemm il-pożizzjoni tagħhom baqgħet l-istess bħalma kienet qabel ma ġie negozjat dan il-ftehim ma' l-Unjoni Ewropea.
Fir-rigward ta' l-Italja bħala membru hija stess ta' l-Unjoni Ewropea, din aċċettat dan il-ftehim li ġie negozjat bejn Malta u l-Unjoni Ewropea, dwar iż-żona ta' konservazzjoni tas-sajd ta' 25 mil madwar Malta, liema ftehim jorbot lis-sajjieda Taljani fid-dettalji kollha tiegħu kif għadni kemm spjegajt.
Jista' il-Ministru jagħti l-istatistika uffiċjali skond il-kawża, sess, eta' u x-xogħol tal-persuna dwar suwiċidji li seħħew f'Malta matul l-2000 u l-2001?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-snin 2000 u 2001, in-numru ta` persuni li wettqu suwiċidju kien ta` 21 u 26 rispettivament.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub dwar dawn il-każi ħlief għat-tip ta` xogħol li mhux disponibbli.
Jista' il-Ministru jgħid kemm sar towing ta' karozzi wara ksur tar-regolamenti tat-traffiku kemm ilhom li dawn daħlu fis-seħħ, skond il-lokalita' xahar b'xahar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi r-regolamenti tat-towing daħlu fis-seħħ minn Awissu 1997. Dwar it-tagħrif mitlub li jkopri s-snin 1997, 1998 u 1999, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġibiet li jiena kont tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numri 7651 u 13305. Dak għas-snin 2000, 2001 u din is-sena sa l-aħħar ta` Ottubru, huwa kif jidher fuq it-Tabelli li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm intlaħqu trade agreements ma' pajjiżi barranin sal-lum? Kemm bħala medja ttieħed żmien biex saru dawn il-ftehim?
Response (BORG, JOE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista aġġornata tal-pajjiżi li magħhom Malta iffirmat Ftehim u / jew Protokolli fuq kummerċ, bid-dati ta' meta dawn ġew iffirmati u meta daħlu fis-seħħ.
Mhuwiex possibbli li nagħti indikazzjoni kemm, bħala medja, dan it-tip ta' ftehim jew protokoll jieħu żmçn bçx jiġi konkluz, għar-raġuni li dan jiddependi minn bosta fatturi u ċirkostanzi partikolari għal kull każ, kif ukoll għall-fatt li minħabba fin-natura teknika ta' dawn il-ftehim jew protokolli, id-diskussjonijiet u negozjati dwarhom, jinvolvu wkoll Ministeri oħrajn.
Jista' il-Ministru jagħti nformazzjoni dwar in-numru tal-ħwienet tad-deheb u fidda fl-1991 u fl-2001 f'dawn il-postijiet; Valletta, San Ġwann, Sliema, St Julians, Ħamrun, Naxxar, Mosta u Gozo? X'kien il-valur tad-deheb, fidda u ħaġar prezzjuż importat f' Malta fl-1991 u fis-sena 2001?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-mistoqsija għas-sena 1991 mhux disponibbli, filwaqt li dik għas-sena 2001 għadha qed tinġabar. Madankollu, skond il-Business Register, fis-sena 2000, in-numru ta' ħwienet tad-deheb u fidda fil-lokalitajiet imsemmija kien kif ġej:
LOKALITA NUMRU TA' HWIENET
Valletta 39
San Gwann 4
Sliema 18
San Ġiljan 7
Hamrun 6
Naxxar 1
Mosta 10
Għawdex 10
L-informazzjoni mitluba fit-tieni parti tal-mistoqsija qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema tal-MEPA li huma mpjegati b'kuntratt defenit jistgħux japplikaw għal sejħiet interni ta' postijiet vakanti? Jekk dawn jiġu magħżula jibqgħu b'kuntratt defenit? Jista' jgħid il-Ministru jekk hux skond ir-regolamenti li impjegat b'kuntratt defenit jista' jaqbeż lil impjegati tal-fiss?
Response (BORG, TONIO)
Skond il-provvedimenti tal-ftehim kollettiv, is-sejħiet interni huma miftuħa għall-ħaddiema kollha tal-MEPA. It-termini tal-kuntratt offrut ikunu jiddependu mill-postijiet vakanti kif ukoll mill-ħtiġijiet tal-Organizzazzjoni u jistgħu jinkludu ħatriet għall-perijodu definit. Ma hemmx regola li tipprekludi l-impjieg b`kuntratt b`kundizzjonijiet għola minn dawk ta` impjegat tal-fiss.
Jista' il-Ministru jgħid x'permessi jekk inħarġu, qed jinħarġu biex isiru mnasab mat-triq ta' l-irdumijiet ta' Ħad-Dingli (bejn il-Qaws u l-Fawwara) liema bini mhux biss qed ikerraħ imma jħassar l-ambjent?
Response (BORG, TONIO)
Fuq is-sistema ta` informazzjoni ta` l-Awtorita` ta` Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar m`hemmx irreġistrati permessi li fl-iżvilupp propost jinkludu l-kliem "mansab", "mnasab", "bird", "dura" jew "duri".
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura fuq l-għoti ta' l-unpaid leave ġewwa t-tarzna ta' Bormla (Malta Drydocks)? Speċifikament jistax jikkonferma u jagħti raġunijiet għaliex ħaddiema qed isibu diffikultajiet f'dan ir-rigward?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-għoti ta' "leave bla ħlas" huwa regolat permezz ta' klawsola 24 tal-Ftehim Kollettiv. Din il-klawsola tispeċifika li:
"Leave bla ħlas mhux permess ħlief f'ċirkustanzi speċjali. Leave bla ħlas jista' jittieħed biss wara li l-leave opzjonali jkun intuża kollu u f'ċirkustanzi li ma humiex koperti bil-leave speċjali. Leave bla ħlas jista' jiġi awtorizzat wara laqgħa bejn il-Personnel u l-Line Divisional Manager flimkien ma' l-impjegat għall-ġustifikazzjoni u l-awtorizzazzjoni. Fil-każ ta' impjegati nisa, it-twelid ta' tarbija jingħata attenzjoni speċjali. Leave mhux awtorizzat jiġi kkunsidrat bħala assenteiżmu."
Il-"leave bla ħlas" fl-aħħar jiġi approvat jew miċħud mill-Manager Riżorsi Umani wara li flimkien mal-Line Manager iwieżen in-natura tat-talba mill-ħaddiem u l-eżiġenzi tax-xogħol fid-dipartiment konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid x'kordinament sar bejn l-Enemalta u dawk l-entitajiet kollha konċernati sabiex isir xogħol ta' tqegħid ta' cable f'Ħaż-Żabbar li jolqot Triq is-Santwarji, Triq il-Kbira, Misraħ is-Sliem, Triq il-Marloċċ u toroq oħra fil-qalba tal-Belt Hompesch?