Jista' l-Ministru jikkonsidra li tinfetah Triq Redentur kantuniera ma' Triq it-Tut ġewwa Ħaż-Żabbar, fejn bħalissa hemm periklu serju għat-traffiku u għan-nies? Jista' l-Ministru jserrah moħħ in-nies li l-barambura li hemm fl-għalqa mhijiex se titmess?
Response (GALEA, ĊENSU)
Peress li jidher li din il-parti tat-triq għadha ma ġietx zviluppata u jkun hemm bzonn li tigi esproprijata, din il-parti privata msemmija mill-Onor. Interpellant, tajt strużżjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jikkon sidra aktar fir-reqqa dan is-suġġeriment.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'tibdil sar f'linji ġenerali, jekk fil-fatt sar, fir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Libja matul l-Amministrazzjoni Laburista bejn l-1996 u l-1998?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Ma jirriżultalix li sar xi tibdil partikolari; naturalment l-istorja hi dinamika u l-politika trid dejjem tirrispondi għall-avvenimenti li jkunu qegħdin jiġru.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-kunsilli lokali jekk m'għandhomx diġa' poter hux se jkollhom biex irażżnu, iwaqqfu u, jekk ikun hemm bżonn, jippenalizzaw lil min iħammeġ l-ambjent fil-lokalita' tagħhom? Se jkunu jistgħu jieħdu passi kontra min, permezz tal-kelb tiegħu, iħammeġ quddiem jew ħdejn id-djar tan-nies?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bl-introduzzjoni
tad-devoluzzjoni ta' l-infurzar ta' ċerti liġijiet, il-
Kunsilli Lokali se jkollhom il-poter dirett biex irażżnu
kull tip ta' abbuż li jolqot ir-responsabbiltajiet u l-
funzjonijiet li ġew fdati lilhom inkluż dak li għalih
irrefera l-Onorevoli Membru.
Bl-istess devoluzzjoni l-Kunsilli Lokali se jkunu jistgħu
wkoll jinfurzaw direttament il-Bye-Laws, jiġifieri dawk
ir-regolamenti magħmula mill-Kunsilli Lokali u li
japplikaw biss fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom.
Jista' l-Ministru jagħti n-numru (i) ta' tobba barranin li qed jaħdmu bħalissa mad-Dipartiment tas-Saħħa; (ii) in-numru ta' nurses barranin li jinsabu jaħdmu mad-Dipartiment tas-Saħħa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-numru ta' tobba barranin li qed jaħdmu bħalissa mad-Diviżjoni tas-Saħħa huwa erba' u erbgħin (44) u dak ta' nfermiera barranin huwa sebgħa u ħamsin (57).
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar l-ispiża fuq mediċini (a) għall-inpatients u; (b) kumplament tan-nefqa fuq mediċini mill-1990 'l hawn?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-flus li tħallsu għall-xiri ta' Mediċini mill-190 sal-lum kienu dawn:
Sena LM
1990 2,153,992
1991 2,549,423
1992 3,098,178
1993 2,929,474
1994 3,193,261
1995 4,042,432
1996 3,675,563
1997 7,105,794
1998* 5,642,019* perjodu ta' l-ewwel għaxar xhur tas-sena.
Dawn il-figuri hawn fuq mogħtija ikopru l-pagamenti fuq il-mediċini kollha. Dan peress li fil-preżent ma hemmx sistemi biex jiġu identifikati kemm kienet l-ispiża fuq mediċini (a) għall-inpatients u (b) l-kumplament.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni ta' kemm kienu dawk il-persuni b'diżabilita' li gawdew mis-servizz tal-home help matul l-1996, 1997 u sa Settembru ta' l-1998?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru qed tinġabar u għalhekk Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
18.11.98
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni ta' kemm saru, jekk saru, u meta saru transfers ta' gwardjani mill-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin għal dipartimenti oħra tal-gvern matul l-1996, 1997 u din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' transfers ta' gwardjani mill-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin għal dipartimenti oħra tal-gvern matul l-1996, 1997 u din is-sena kien ta' 3.
Dawn it-transfers saru fl-1 ta' April, 1998, fl-1 ta' Ġunju, 1998 u fis-26 ta' Ottubru, 1998.
18.11.98
Jista' l-Ministru jgħid meta se jkunu msewwijin il-bozoz u l-brazzi li jdawwlu l-faċċata tal-Knisja Parrokjali ta' San Lawrenz fil-Birgu kif ukoll il-monument tal-Ħelsien li jinsab fil-pjazza ta' quddiem l-istess knisja?
Response (BONNICI, JOSEF)
Id-dawl li għalih qed jirreferi l-Onor. Interpellant ma jaqax taħt ir-responsabbilta tal-Korporazzjoni Enemalta. Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni infurmat kemm lill-Kunsill Lokali tal-Birgu kif ukoll lid-Diviżjoni tax-Xogħolijiet biex issir il-manutenzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li tkun lesta d-dar ta' l-anzjani f'Bormla? Id-Dipartiment għandu ħsieb li jwaqqaf djar simili f'lokalitajiet oħra? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid fejn hemm priorita' li jsir?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dar ta' l-Anzjani f'Bormla hija ppjanata li tkun lesta f'nofs is-sena d-dieħla. Id-Dipartiment għall-Anzjani qiegħed jikkonsidra f'liema lokalitajiet hemm l-akbar priorita' għal djar oħra ta' l-Anzjani.
17.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu jieħu flus il-Gvern mingħand: (1) individwi; (2) kumpanniji f'dak li huwa income tax? Kemm għandu jagħti lura f'tax refunds il-Gvern?
Response (DALLI, JOHN)
Il-bilanċ ta` arretrati ta` Income Tax li jidher dovut lill-Gvern fuq assessments maħruġa sal-11 ta` Novembru 1998 hu ta` Lm166 miljun lira. Din iċ-ċifra tinkludi l-ammont ta` taxxa maħruġa fuq bażi ta` ex officio u l-penalitajiet relattivi. Dawn l-ammonti qegħdin taħt oġġezzjoni u mistennija jonqsu sew meta l-oġġezzjonjiet jiġu likwidati. L-ammont ta` Lm166 miljun jidher dovut hekk:
Lm91 miljun minn Individwi
Lm75 minn Kumpanniji u Assoċjazzjonijiet
Kontra dan il-bilanċ hemm ammont ta` Lm199 miljun f`taxxa li tħallset għal snin li għad ma ħarġux assessments. Din it-taxxa tiġi ikkreditata lit-taxpayer meta jinħareġ l-assessment għas-sena ta` stima relattiva. Ir-riżultat jista` jkun bilanċ dovut lill-Gvern jew bilanċ dovut lit-taxpayer.
L-ammont ta` tax refund hu ta` Lm17 il-miljun.
Jiena tajt struzzjonijiet biex dawn il-bilanċi fl-aħħar jiġu eżaminati biex inkunu nafu kemm fil-fatt il-gvern għandu jieħu u għandu jagħti.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni rigward kemm inġabru flus permezz tat-taxxa tas-CET? Kemm għad fadal x'jingħataw flus bħala refunds mis-sistema tal-VAT qabel daħlet is-CET?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi fis-16 il-xahar li ilha taħdem mis-sistema tas-CET inġabru Lm81,653,487 netti mqassma kif ġej:
Lulju sa Diċembru 1997 - Lm26,149,630
Jannar sa Ottubru 1998 - Lm55,503,857
Dawn l-ammonti ma jinkludux Lm11,132,140 li nġabru bħala refużjonijiet fuq ħażniet.
Ngħarraf ukoll lill-Onor Interpellant li mis-sistema tal-Vat għad fadal Lm4,607,035 x`jingħataw bħala refużjonijiet tat-taxxa tal-VAT li minnhom Lm715,087 ser jingħataw sa l-aħħar ta` din is-sena filwaqt li l-kumplament qed jiġu vverifikati.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li ssir bozza (street lighting) fi Triq il-Ġibjun Attard (viċin dar Ave Maria) peress li din tinsab fid-dlam ċappa?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onor. Interpellant ser tiġi kkunsidrata flimkien ma talbiet oħra.
Jaf il-Ministru li fis-suq għad hawn regolaturi tal-gas li m'humiex skond is-safety standards meħtieġa? X'qiegħed iżomm lill-Enemalta milli jidħlu regolaturi li huma up to standard u li għandhom insurance xierqa għal xi eventwalita' ta' inċident?
Response (BONNICI, JOSEF)
Din il-materja qed tiġi investigata wara li kienu saru xi tibdiliet mill-amministrazzjoni preċedenti.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li ssir bozza (street lighting) fi Sqaq Ta' Musulin, (viċin dar bl-isem Celeste) fix-Xgħajra, liema triq tinsab totalment mudlama?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn l-ispiża tal-manutenzjoni tat-track tal-Marsa s-sena l-oħra telgħet għal Lm35,000 meta din is-sena n-nefqa kienet ta' Lm6,500 biss? Jista' l-Ministru jagħti l-breakdown ta' kif intnefqu dawn il-Lm35,000?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-nefqa biex saret il-manutenzjoni tat-track tal-Marsa fl-1997 kienet imqassma kif se nsemmi:
Ramel u Żrar Ltd -
Ramel Prima 4579 jardi kubi @ Lm4.60 - Lm21063
Red Sand 425 jardi kubi @ Lm2.25 - Lm 956
Sand Granite 1063 jardi kubi @ Lm3.53 - Lm 3753
ETP - Lm 643
Philip Agius
Kiri ta' makkinarju Lm 4505
Benet Broberg (espert Svediż) -
Spejjeż ta' konsultazzjoni Lm 1212
CJP Tarmac Ltd - Kiri ta' scarfing machine Lm 998
Joseph Borg - trasportar ta' ramel Lm 470
Remig Arapa - trasportar ta' ramel Lm 600
Brian Lia - trasportar ta' ramel Lm 415
Emanuel Cachia - trasportar ta' ramel Lm 15
TOTAL Lm34630
Fl-1998 l-ispiża ammontat għal Lm6494 u kient tinkludi materjal, xogħol, kiri ta' makkinarju u ETP.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 263, jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi riżolta l-kwestjoni u min hu responsabbli biex isir dan?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li l-pjan neċessarju irid isir mid-Dipartiment tat-Toroq u n-natura tal-problema li nħolqot minn kostruzzjoni privati li ma' antiċipawx is-sitwazzjoni li qed tinħoloq trid iż-żmien biex tiġi riżolta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex biżżejjed in-numru ta' staff fil-kċejjen ta' l-isptarijiet u jekk għandhomx it-training meħtieġ?
Hemm xi ħsieb li jiġu mpjegati jew re-trained staff f'dan il-qasam?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nifhem li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-Isptarijiet San Luqa, Monte Carmeli, l-Isptar Ġenerali t'Għawdex u r-Residenza San Vinċenz de Paul.
Numru ta` koki għandhom livelli varji ta` taħriġ waqt li numru ieħor ta` impjegati li preżentament qed jagħmlu xogħol fil-kċejjen ta` mħarrġa dwar ix-xogħol tagħhom f'dawn il-kċejjen.
Dwar żieda fl-impjegati ta` staff għal dawn il-kċejjen qed isir stħarriġ jekk dan huwiex il-bżonn.
Jista' l-Ministru jgħid min hu responsabbli mit-tfassil tal-menus tal-pazjenti fl-isptarijiet fil-preżent?
Jidhirlu l-Ministru li tista' issir reviżjoni ta' l-affarijiet ta' l-ikel li jinxtraw kemm bħala varjeta' kif ukoll bħala kwalita'?
Response (DEGUARA, LOUIS)
It-tfassil tal-menus tal-pazjenti fl-isptarijiet ta` l-Istat f'Malta u Għawdex inkluż ir-Residenza ta` San Vinċenz de Paul (li llum hija taħt ir-responsabbilta` tal-Ministeru tal-Politika Soċjali) hija r-responsabbilta` tad-dietician li huwa mpjegat tal-Ministeru tas-Saħħa flimkien ma` l-Ispettur tas-Saħħa responsabbli mill-operat tal-kċejjen ta` l-isptarijiet ta` l-Istat f'Malta u Għawdex.
Rigward it-tieni parti tad-domanda ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-provvisti għall-isptarijiet ta` l-Istat f'Malta u Għawdex jiġu pprovduti skond talba għalihom permezz ta` tenders li jinħarġu mis-sezzjoni tas-Supplies tal-Ministeru tas-Saħħa.
Dwar meta ssir reviżjoni ta` meta jinxtraw l-affarijiet ta` l-ikel, kemm bħala varjeta` kif ukoll bħala kwalita` jiddependi mit-talbiet tal-pazjenti u l-ħtiġijiet ta` l-istess pazjenti dwar il-bżonnijiet differenti ta` dieta li jkun irrakommandat lilhom mill-ispeċjalista/konsulent tal-każijiet partikolari li jkunu.
Dan id-dipartiment dejjem jara li jilqa` l-bżonnijiet tal-pazjenti skond il-bżonn.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 832, jaf il-Ministru li fil-post indikat joqogħdu għadd ġmielu ta' familji b'mod permanenti s-sena kollha u numru ferm ikbar matul iż-żmien tas-Sajf u l-uniku aċċess għaliha hu permezz ta' din it-triq indikata?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li peress illi l-fatti msemmija mill-Onor. Interpellant jistgħu jgħinu biex it-triq tkun inkluża fl-arja ta' żvilupp mill-Awtorita' ta' lppjanar, l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.