Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra min huwa d-direttur preżenti ta' l-Istitut Internazzjonali ta' l-Anzjani? X'inhu s-salarju tiegħu? Meta beda fl-inkarigu tiegħu? X'inhuma l-kwalifiki li għandu d-direttur u kif dawn jirrelataw mal-qasam ta' l-anzjani?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Direttur preżenti ta' l-Istitut Internazzjonali ta' l-Anzjani (INIA) huwa l-Professur A.H.B. de Bono. Din il-ħatra saret mill-Gvern Malti għal perjodu ta' tliet snin wara konsultazzjoni mas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, kif provdut f'Artiklu V, Paragrafu 1, tal-Ftehim relevanti, u hija b'effett mill-21 t'April, 1998.
Jien infurmat li d-Direttur għandu dawn il-kwalifiki:
M.D.(Malta), M.A.(Oxon.), F.R.C.S.(Edinburgh).
Is-salarju tad-Direttur huwa stabbilit fl-ittra tal-ħatra tiegħu bħala Lm8,791 fis-sena.
28.4.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati part-time ġewwa l-INIA? Kemm sigħat huma obbligati li jaħdmu fil-ġimgħa?
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Direttur preżenti ta' l-INIA hu tal-fehma li l-għoti fil-pubbliku ta' nformazzjoni dettaljata dwar l-operat ta' l-Istitut tmur kontra l-ftehim li jirregola l-Istitut.
28.4.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati fiċ-ċentru ta' l-INIA qabel ma d-direttur preżenti ħa l-ħatra tiegħu? Kemm hemm impjegati llum u x'inhu l-grad, l-eta' u s-salarju tagħhom? Xi kwalifiki għandu kull wieħed mill-impjegati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Nru. 633 li tapplika wkoll għal din il-Mistoqsija.
28.4.99
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar il-ġranet li d-direttur ta' l-INIA kien nieqes minn Malta mill-ħatra tiegħu 'l hawn?
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux rapporti fuq iż-żjarat uffiċjali u jistax ipoġġi kopja ta' dawn ir-rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra? Kemm swew lill-INIA dawn iż-żjarat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Nru. 633 li tapplika wkoll għall-parti kbira ta' din il-Mistoqsija.
Nikkonferma li ma saru l-ebda rapporti lill-Gvern dwar iż-żjarat uffiċjali barra minn Malta li għamel id-Direttur preżenti.
Jien infurmat li l-ispiża għal żjarat uffiċjali barra minn Malta mid-Direttur, kif indikata fil-kontijiet tal-Istitut, tlaħħaq l-ammont ta' Lm873.
28.4.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il żjara għamel id-direttur ta' l-INIA barra minn Malta? Kemm minn dawn kienu żjarat uffiċjali, fejn saru u meta kienu? X'kienu l-għanijiet ta' kull żjara barra minn Malta? Jista' l-Ministru jgħid x'ħareġ konkretament minn kull żjara?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Nru. 633 li tapplika wkoll għal din il-Mistoqsija.
28.4.99
Peress li għadd ta' bdiewa fil-bidni (Wied il-Għajn/Żabbar) mhumiex jingħataw l-ilma għat-tisqija kif meħtieġ, jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jieħu d-dipartiment biex dan l-inkonvenjent jissewwa?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-uffiċjal tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura nkarigat mid-distribuzzjoni ta' l-ilma ta' Sant Antnin għamel diversi kuntatti ma' l-uffiċjali risponsabbli mill-impjant tat-tisfija tad-dranaġġ. Riċentament saret laqgħa oħra bejn uffiċjali għolja ta' diversi dipartimenti risponsabbli mill-produzzjoni u distribuzzjoni ta' l-ilma fil-Ministeru ta' l-Ambjent. Għadhom ukoll kif twaħħlu żewġ pompi ġoddda fil-Pumping Station tal-Marsa, b'hekk seta' jiżdied l-ammont ta' dranaġġ li jiġi ppumpjat għall-impjant. Dan diġa laħaq 400m3/siegħa u jidher li l-problemi fil-lokalita tal-Bidni spiċċaw. Hemm possibilta li dan l-ammont ta' ilma jista' jkompli jiżdied jekk jinħass il-ħtieġa.
Jista' l-Prim Ministru jagħti informazzjoni rigward kemm persuni reġgħu iddaħħlu lura mal-Gvern (mhux minħabba raġuni ta' mard) matul tmexxija Laburista?
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet biex jiġu reinstated ħaddiema jew apprendisti-ħaddiema fis-settur pubbliku fit-22 xahar ta' Gvern Laburista?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi matul it-tnejn u għoxrin xahar tal-Gvern preċedenti, reġu daħlu lura mal-Gvern żewġ persuni, mhux minħabba raġuni ta' mard.
Fl-istess perjodu kien hemm għoxrin (20) talba għall-re-instatement.
Peress li jidher li hemm diversi problemi amministrattivi rigward it-tmexxija ta' kif jitqassam l-ilma għat-tisqija mill-impjant ta' Sant'Antnin, jista' l-Ministru jindika min hu finalment responsabbli li l-bdiewa kollha jkunu moqdija kif mixtieq?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li t-tqassim ta' l-ilma mill-impjant ta' Sant'Antnin jista' jinqasam f'żewġ kategoriji.
1. Ir-responsabbilta' li l-ilma joħroġ mill-impjant u jintbagħat fid-diversi ġibjuni hija tal-kuntrattur li bħalissa qed imexxi l-impjant.
2. Ir-responsabbilta' li l-ilma jitqassam minn ġol-ġibjuni għal għand il-bdiewa hija tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura, permezz ta' l-Extension Service, Żabbar.
Ta' min wieħed iżid li ħafna mill-problemi jinqalgħu minħabba s-sistema ħażina ta' kif inhuma mqassmin il-kanali tat-tisqija, kif ukoll l-ammont kbir ta' komunikazzjonijiet illegali li hemm fuq il-mainijiet ta' l-ilma li ħerġin mill-impjant. Dan ta' l-aħħar minbarra li jikkawża telf kbir ta' ilma sakemm dan jasal fil-ġibjuni, jagħmel ukoll ħsara fil-pajpijiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm qed jipproduċi ilma l-Impjant ta' Sant'Antnin f'Wied il-Għajn?
Jekk m'hijiex tabilħaqq il-mira, jista' l-Ministru jgħid għaliex u meta hu maħsub li tintlaħaq?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Impjant ta' Sant'Antnin bħalissa qiegħed jitratta u jipproduċi medja ta' 400 metru kubu kull siegħa jew madwar 9500 metru kubu fil-ġurnata. Il-mira hija li l-impjant jitratta 17,000 metru kubu kuljum, iżda dan jiddependi minn dawn il-fatturi:
1. Jekk il-Pumping Station tal-Marsa hiex fil-fatt kapaċi tissuplixxi dan il-volum (jiġifieri 17,000 metru kubu kuljum) lill-Impjant.
2. Li l-Impjant jiġi attrezzat b'relief jew outflow pumping station.
3. Li jinstab użu biżżejjed għal dan l-ilma. (Fil-preżent huwa kkalkulat li 400 metru kubu kull siegħa, jew ftit aktar, jissodisfa d-domanda preżenti fix-xhur li fih jintuża l-aktar l-ilma).
4. Li tiġi mibdula s-sistema preżenti tad-distribuzzjoni ta' l-ilma, jiġifieri minn waħda ta' open channel jew kanali għal waħda ta' pajpijiet jew closed pipe.
Fir-rigward ta' (1) u (2), dawn għandhom jiġu ndirizzati fil-futur qarib wara li jiġu maħtura l-konsulenti li jridu jwettqu l-Masterplan tas-South, waqt li fir-rigward ta' (3) u (4), għaddejjin diskussjonijiet mal-W.S.C. biex tiġi stabbilita r-responsabbilta' ta' min għandu jagħmel dan ix-xogħol u jekk fil-fatt dan hux se jsir.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex bdiewa fil-Bidni (Wied il-Għajn/Żabbar) mhumiex ripetutament jingħataw l-ilma fil-ħin u kemm hemm bżonn minkejja s-sistema l-ġdida mħaddma mit-Taljani?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi n-nuqqas ta' ilma fil-Bidni u żoni oħra fl-inħawi huwa probabbilment dovut min-nuqqas ta' ilma li jidħol fl-impjant mill-Pumping Station tal-Marsa. Qiegħed jiġi studjat x'inhi r-raġuni preċiża ta' dan in-nuqqas, biex is-sitwazzjoni tkun tista' tiġi rranġata.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux testijiet (kampjuni) ta' l-arja madwar l-operat tal-Hompesch Steel Co. Ltd ta' Ħal Tarxien?
Jekk fl-affermattiv, x'kienu r-riżultati u jekk il-kampjuni tteħdux waqt it-tqattigħ tal-metall u meta r-riħ kien jonfoħ fid-direzzjoni tar-residenti tal-viċin?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-24 ta' April 1997 saret l-aħħar spezzjoni fl-akkwata ta', u ġol-fabbrika ta' Hompesch Steel Company wara lment mill-ġirien ta' l-istess Kumpanija.
Wara rapport li d-Dipartiment tas-Saħħa għamel lill-Kummissarju tal-Pulizija l-persuna responsabbli tressqet quddiem il-Qorti tal-Maġistrati. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li waqt l-ispezzjoni ma ttieħdux kampjuni mid-Dipartiment tas-Saħħa iżda jirriżulta li ttieħdu kampjuni mid-Dipartiment ta' l-Ambjent.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni rigward każi rrapportati ta' abbuż sesswali fl-iskejjel statali matul din is-sena skolastika?
Jaf il-Ministru b'każi repetuti ta' bullying ġewwa l-iSkola Ġuże' Damato f'Raħal Ġdid?
X'qed isir fuq din il-problema?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma ġewx irrappurtati każi ta' abbuż sesswali fl-iskejjel statali matul din is-sena skolastika;
Fl-iskola Sekondarja tas-Subien Ġuże' D'Amato, f'Raħal Ġdid, ġew irrappurtati għaxar każi ta' bullying lill-Counsellor u lill-Guidance Teachers;
Il-Counsellor ta' l-Iskola u l-Guidance Teachers jagħtu counselling u sapport lis-'survivors/victims' dawk li jkunu ġew bullied. Lil dawk li jagħmlu l-bullying il-'perpetrators' hemm min ikollu bżonn counselling, u hemm min ikun iddixxiplinat skond il-kodiċi ta' dixxipplina ta' l-iskola. Ix-xogħol ma' l-istudenti dwar il-bullying għadu sejjer.
Jista' l-Ministru jagħti rendikont tax-xogħol li sar matul dawn l-aħħar sentejn mit-technical officers fid-Diviżjoni tad-Dipartiment ta' l-Ambjent magħrufa bħala Ospizio?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li t-Technical Officers li qiegħed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant jagħmlu parti mis-Sezzjoni tar-Regolamenti Ġodda għall-Bini.
F'dawn l-aħħar sentejn dawn in-nies ħadu ħsieb jiġbru l-informazzjoni meħtieġa dwar ir-regolamenti tal-bini li għandna Malta, kif ukoll informazzjoni oħra li tirrigwardja regolamenti simili ta' pajjiżi barranin u taw l-għajnuna tagħhom biex ġie ppreparat l-abbozz ta' liġi ġdida kif ukoll dokumenti ta' gwida (practical guidance documents) għal ma' dawn ir-regolamenti ġodda.
Jista' l-Ministru jara li ma jsirx parking bl-addoċċ fi Triq id-Dejma ġewwa Ħal Tarxien? Jista' jintlaqa' s-suġġeriment li jsir parking fuq naħa waħda biss tat-triq?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija tad-Distrett qed tieħu passi biex ma jitħallix isir parking bl-addoċċ fit-triq imsemmija pero' għaddejt l-ilment lill-Pulizija. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi s-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant ser ikun riferut lill-Bord tal-Kontroll tat-Traffiku.
15.03.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pilloli Troligazone jistgħux jingħataw taħt l-iskeda numru ħamsa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-pilloli Troglitazone (u mhux Troligazone), id-Dipartiment tas-Saħħa jinsab infurmat li dawn il-mediċini ġew irtirati mis-suq minħabba ħsara li jġibu fil-fwied.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni rigward liema residenti (lokalitajiet) jistgħu jużaw is-servizz mill-klinika ta' Bormla b'mod regolari, ġaladarba din terġa' tinfetaħ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li meta jerġa jiftah iċ-Centru ta' Bormla, se jkun jistħu jinqdew minnhu n-nies ta dawn il-lokalitajiet:
L-Isla
Bormla
Birgu
Kalkara
Zabbar
Marsaskala
Xgħajra
Parti mill-Fgura li għad trid tiġi stabbilita.
Jista' l-Ministru jara li ssir parti minn Triq Lia ġo Ħaż-Żabbar, liema triq hi soġġetta għal għargħar, u li peress anki l-kunsill lokali lest li jagħti sehmu f'din il-biċċa li kulħadd jaqbel li trid tingħata priorita'?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien imfurmat li d-Dipartiment tat-Toroq ġa beda jagħmel pjan biex din it-triq tiġi asfaltata. Din il-biċċa xogħol hi diffiċli aktar mis-soltu peress li l-problema ta` l-għarar f`din it-triq li qed tiġi kkaġunata għax it-toroq fl-inħawi inbnew pratikament bla pendil.
Jista' l-Ministru jindaga kif qed jintuża l-VAN GVH 236 u jistax jikkonferma li dan jintuża wkoll wara l-ħin tax-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-van GVH 236 qed jintuża mis-Surveyors tal-Building and Engineering Department, u jintuża spiss wara l-ħin tax-xogħol u s-Sibt meta jkun hemm xogħol ta' overtime.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni fuq kif qed jintużaw dawn il-karozzi tad-Dipartiment: BAK - 494, LCK - 328, FBK - 317, IAK - 158, GVN - 159 U GVH - 236?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-karozzi li n-numri tagħhom jidhru hawn taħt qed jintużaw kif ġej:
BAK 494 u LCK 328 huma wżati minn żewġ uffiċjali li jaħdmu dirett mad-Direttur Ġenerali u li għandhom xogħlijiet kif assenjati lilhom dirett minnu fosthom xogħol f'Kastilja, St. James Cavalier, B'Kara Civic Centre, xogħol f'diversi skejjel, u xogħol ieħor.
FBK 317 qed tintuża minn uffiċjal li qed jagħmel xogħol tal-G.I.S. (Geographical Information System) fuq is-sistema tad-drenaġġ madwar Malta u Għawdex.
IAK 158 - L-ebda karozza b'dan in-numru ma teżisti fid-Dipartiment.
GVN 159 qed tintuża minn uffiċjal li jaħdem dirett mad-Direttur tad-Dipartiment tal-Bini u Inġinerija li bħalissa għandu f'idejh xogħol tal-Qormi Flood Relief, Ħad-Dingli u St. Venera.
GVH 236 - L-informazzjoni ngħatat fil-Mistoqsija Parlamentari numru 5195.