Legislature:
Category:
Reset
Active:

Delimara — Fanal

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stat jinsab il-Fanal ta' Delimara? Jista' jgħid jekk dan il-post għandux, fil-preżent, xi forma ta' sorveljanza? Jekk le, hemm xi ħsieb li dan jiġi pprovdut biex jevita iktar vandaliżmu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-fanal ta` Delimara huwa mgħammar b`apparat awtomatiku u għalhekk m`hemmx għalfejn ikun hemm ħaddiema permanenti. Uffiċjali ta` l-Awtorita` Marittima regolarment jissorveljaw dan il-fanal. L-Awtorita` Marittima kienet għamlet studju dwar kif jista` jsir użu aħjar mill-fanal ta` Delimara u fil-fatt għad hemm applikazzjoni pendenti quddiem l-Awtorita` ta` l-Ippjanar sabiex il-fanal jiġi rinovat.
Leg 9 PQ #8980 Sitting 136 1999-07-19 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Hompesch Steel Company

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li ttieħdu kampjuni mid-Dipartiment ta' l-Ambjent rigward il-fabbrika Hompesch Steel Company, kif indikat fil-mistoqsija parlamentari numru 5680? Jista' l-Ministru jgħid x'kienu dawn ir-riżultati?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nikkonferma li d-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent ħa kampjuni ta' trab u analizzhom. Ir-rapport ta' l-analiżi indika li l-impjant tal-Hompesch Steel seta' kien il-kaġun ta' tniġġiż. Għaldaqstant ingħata parir biex jibdew proċeduri fil-Qorti kontra l-imsemmija ditta. Dawn il-proċeduri għadhom sejrin.
Leg 9 PQ #9069 Sitting 136 1999-07-19 Oral · Interim From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Regolaturi tal-gass

Question

Jaf il-Ministru li minkejja numru ta' avviżi mill-Enemalta, għad fadal fis-suq bejħ ta' regolaturi taċ-ċilindri tal-gass li mhumiex skond l-istandards meħtieġa? X'passi qed jittieħdu biex dan l-abbuż jinqata' darba għal dejjem?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Żabbar — Pelican lights

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru l-pelican crossings fil-Bypass ta' Wied il-Għajn f'Ħaż-Żabbar, liema crossing kien approvat mill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku s-sena l-oħra?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija fil-mistoqsija parlamentari Nru. 8866.
Leg 9 PQ #8724 Sitting 134 1999-07-13 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Rapporti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kellux rapporti dwar is-saħħa ta' studenti u/jew għalliem mill-iskola sekondarja subien li hemm viċin il-Power Station? Jekk fl-affermativ, x'kienu l-passi li ħadu l-awtoritajiet tas-saħħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sar rapport mill-awtoritajiet ta` l-iskola sekondarja tal-Marsa rigward każ ta` tniġġis minn nugrufun li seħħ fl-20 ta` Jannar li għadda. Mill-istħarriġ li għamel id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika irriżulta li dan l-inċident seħħ b`konsegwenza ta` tindif taċ-ċmieni ta` l-istess power station. Id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika mhux f`posizzjoni li jistabilixxi l-livelli ta` tinġis fl-arja u li jevalwa l-effett ta` dan it-tniġis fuq is-saħħa.

Delimara — Fanal

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 8530?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi l-Awtorita` Marittima għandha proġett li l-fanal ta` Delimara jiġi restawrat u li parti mill-bini jsir stazzjon tal-kontroll għall-vapuri li jbaħħru fl-inħawi.
Leg 9 PQ #8665 Sitting 133 1999-07-12 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jieħu d-dipartiment rigward l-iskola sekondarja (subien) li hemm biswit il-Power Station, liema studenti u għalliema qed isofru fis-saħħa tagħhom, speċjalment mard respiratorju?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni jagħmel rappreżentazzjonjiet dwar dħaħen mill-Power Station ma' l-awtoritajiet konċernati, permezz tal-Uffiċjal Edukattiv inkarigat mis-Saħħa u s-Sigurta`. Informat ukoll li ttieħdu passi immedjatament mill-Enemalta biex inaqsu l-inkonvenjent. Madankollu l-problema tista` tkun solvuta b'mod permanenti b'miżuri teknoloġiċi li qed jiġu konsidrati.
Leg 9 PQ #8720 Sitting 133 1999-07-12 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Sustanzi tossiċi

Question

Jista' l-Minsitru jagħti informazzjoni dwar liema sustanzi tossiċi isiru testijiet b'mod regolari fuq ikel u xorb li jiġu kkonsmati finalment mill-bniedem?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Servizz Veterinarju isegwi programm ta' kontrol għall-residwi, liema programm qiegħed jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra. Dan il-programm huwa approvat mill-Veterinary Standing Committee tal-EU u l-istess kumitat kull sena jevalwa r-riżultati li jkun hemm.
Leg 9 PQ #8721 Sitting 133 1999-07-12 Oral · Interim From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Żejtun — Triq Bugħarbiel - Connections

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar meta se jsiru l-connections mal-main prinċipali biex residenti fi triq ġdida fi Triq Bugħarbiel, Żejtun jingħataw is-servizz essenzjali ta' l-ilma, peress li ilhom li nbnew 'il fuq minn sitt snin?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Programm Elettorali PN — Ħaddiema impressed

Question

Peress li waħda mill-wegħdi fil-programm elettorali tal-PN kienet tirrigwarda l-istatus tal-ħaddiema "impressed", jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-passi li ttieħdu s'issa u dawk ippjanati fi snin li ġejjin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru appunta "Working Group" ta' livell għoli biex jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Gvern. 12.7.99
Leg 9 PQ #8723 Sitting 133 1999-07-12 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ħaddiema impressed

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi s-sitwazzjoni preżenti ta' dawk li huma impressed mal-gvern, bħala grupp ta' ħaddiema li huma self-employed?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Żabbar — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni meta se ssir parti nieqsa minn Triq Lia ġewwa Ħaż-Żabbar (bejn Triq Qalb Imqaddsa u Triq il-Karmnu)?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li peress li kien hemm diffikultajiet tekniċi għal ħruġ ta` l-ilma minn din it-triq, id-Dipartiment tat-Toroq qiegħed ilesti l-pjanti meħtieġa u x-xogħol mistenni jibda wara li toħroġ sejħa għall-offerti.
Leg 9 PQ #8528 Sitting 130 1999-07-05 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Kalkara — Villa Portelli

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stat tinstab Villa Portelli ġewwa l-Kalkara wara l-bidla fil-gvern f'Settembru 1998? Jista' jgħid x'sar bħala manutenzjoni minn Settembru 'l hawn?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li ma hemm xejn ġdid fl-istat ta' Villa Portelli minn Settembru 1998 'l hawn. Għal dak li għandu x'jaqsam ma' tiswijiet meħtieġa, dawn jiġu indirizzati kull meta jinqala l-bżonn. Rigward manutenzjoni, sar dak kollu li kien meħtieġ, inkluż manutenzjoni tas-soqfa, il-ġonna, tiswijiwt ta' aperturi u xogħol simili. Dan ix-xogħol jibqa' jsir fuq bażi ta' rutina.
Leg 9 PQ #8529 Sitting 130 1999-07-05 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru tas-Saħħa

Ikel — Testijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni għal-liema sustanzi kimiċi tossiċi isiru testijiet b'mod regolari fuq l-ikel u oġġetti li jiġu kkonsmati mill-bniedem?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Is-Sessjoni tat-Tossikoloġija fl-Isptar San Luqa tagħmel testijiet regolari fuq prodotti ta` l-ikel għall-materjali radjoattivi u li jistgħu jkunu ta` ħsara għall-bniedem. Fin-1998 ġew analizzati 63 kampjun. Testijiet oħra jsiru mid-Dipartiment ta` l-Agrikoltura u nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel domanda lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #8530 Sitting 130 1999-07-05 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Delimara — Fanal

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ħsieb li jsir mill-fanal ta' Delimara fil-Ponta ta' Delimara?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-fanal li rrefera għalih l-Onor. Interpellant huwa proprjeta` ta' l-Awtorita` Marittima u għalhekk nitolbu jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #8532 Sitting 130 1999-07-05 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Għassa ta' Ħaż-Żabbar

Question

Peress li fil-preżent fl-għassa ta' Ħaż-Żabbar m'hemmx spettur, jista' l-Ministru jieħu passi biex din il-lokalita' (ir-raba' l-ikbar bħala popolazzjoni) ikollha spettur?

Response (BORG, TONIO)

Huwa maħsub li jiġi stazzjonat Spettur fl-Għassa ta' Ħaż Żabbar hekk kif l-uffiċjali kadetti jieħdu l-kariga ta' Spettur fil-futur qarib.
Leg 9 PQ #6285 Sitting 86 1999-05-03 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Port Ħieles — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni ta' kemm ġew impjegati crane operators u security mal-Freeport matul it-22 xahar ta' Amministrazzjoni Laburista u mis-6 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Jista', jekk jogħġbu, jagħti wkoll informazzjoni minn liema lokalitajiet dawn l-impjegati ġodda huma ġejjin?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #6286 Sitting 86 1999-05-03 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Universita' — Parkeġġ - karozzi abbandunati

Question

Jista' l-Ministru jara li jitneħħew sitt karozzi abbandunati fil-car park li hu proprjeta' ta' l-Universita' faċċata ta' l-Iskola Medika fi Gwardamangia, peress li dan qiegħed jokkupa spazju prezzjuż f'dan il-car park?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi dawn il-vetturi tneħħew. 03.05.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #6287 Sitting 86 1999-05-03 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltacom — Chairman/Chief Executive Officer

Question

Minbarra l-kuntratti li għandha l-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, bħala Chairman u Chief Executive Officer tal-Maltacom, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk din il-persuna tirrappreżentax il-kumpannija bħala Direttur fuq kumpanniji li fiha l-Maltacom għandha investiment? Jekk fl-affermattiv, kemm hi l-onorarja jew director's fee li jirċievi minn kull kumpannija?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #6288 Sitting 86 1999-05-03 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Telemalta — Diretturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-onorarja li tħallset lil kull direttur tal-Korporazzjoni Telemalta fl-1997 u kemm hi l-onorarja li qed jitħallsu l-istess diretturi bħala diretturi tal-Maltacom din is-sena? Jekk kien hemm żieda, jista' jingħad meta din saret u min awtorizzaha?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-onorarja li jitħallsu d-diretturi tal-Maltacom ma nbidlitx minn dik li tħallset lil kull direttur tal-Kumpanija Telemalta. Din hija hekk: Chairman Lm5000; Deputat Chairman Lm1500; u Direttur Lm1,000