Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm għandu għalliema u kemm studenti qed isegwu l-istess lingwi fil-livell sekondarju f'dawn is-suġġetti: (a) Taljan; (b) Franċiż; (ċ) Spanjol; (d) Ġermaniż; (e) Russu; u (d) lingwi (oħra jekk jeżistu)?
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni kemm hemm nurses barranin fis-servizz mal-gvern maqsumin skond il-unit/s fejn jaħdmu?
Kemm ingħataw warrants biex jaħdmu f'Malta nurses barranin skond in-nazzjonalita' matul l-1996, 1997, 1998 u l-1999?
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn tobba barranin fl-impjieg mal-gvern, dixxiplina b'dixxiplina? Kemm minn dawn jaħdmu fis-servizz tas-saħħa ġewwa Għawdex?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-numru ta' tobba barranin fid-Diviżjoni tas-Saħħa huwa kif jidhru hawn taħt:
Anestesija 23
Ostetriċja u Ġinekoloġija 1
Oftalmija 2
Ortopedija 5
Patoloġija 1
Radjoloġija 6
Kirurġija 6
_______________________________________
44
Billi s-servizz tas-Saħħa f'Għawdex jaqa' taħt il-Ministeru għal Għawdex l-Onor. Interpellant huwa mitlub jirreferi t-tieni parti tal-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni rigward x'qed isir fuq għargħar fil-limiti tax-Xaqqa, area San Leonardo ġo Ħaż-Żabbar, liema problema qed tikkaġuna ħsarat kbar fir-raba' u l-għelieqi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jidħol fil-problema ta' l-għargħar ta' diversi toroq f'Haż-Żabbar, u t-triq imsemmija tiġi kkunsidrata wkoll waqt dan ix-xogħol.
Peress li b'att vandalu fi Triq Santa Tereża, Żabbar immirat lejn uffiċjal ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar sofriet intortament familja li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, jista' l-Ministru jikkonsidra talba għal kumpens?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ma għandha l-ebda ħjiel li l-att vandalu li seħħ fi Triq Santa Tereża, Żabbar, kien immirat lejn uffiċjal tagħha u għaldaqstant l-Awtorita` mhux f`pożizzjoni li tikkunsidra talba għal kumpens.
Jista' l-Ministru jgħid meta se tissewwa bozza mal-Block I ġewwa l-Qasam Ħal Tmiem fiż-Żejtun liema bdil jien informa li jenħtieġ il-krejn?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-ilment ta` l-Onorevoli Interpellant gie mghoddi lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex jigi mistharreg u tittiehed l-azzjoni necessarja. Rigward dati, wiehed irid jiehu in konsiderazzjoni l-prijoritajiet li jkollha l-Korporazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm sar xogħol (ġranet, nies tax-xogħol) fuq Triq 10 ta' Awissu, 1798 (bejn il-Mina ta' Hompesch, Żabbar u r-roundabout lejn it-triq taż-Żejtun) fuq il-culverts u jidhirlux li r-riżultati xorta baqgħu ħżiena ħafna?
Jista' jgħid jekk id-dipartiment hux se jikkonsidra soluzzjoni oħra?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-Mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 12429, jista' l-Ministru jinforma l-Kamra meta ġie riferut il-każ (tal-miżbla ta' Girdle Rd, Żabbar) lill-Unit għall-Ambjent Aħjar, x'sar s'issa u x'inhuma l-pjanijiet biex din il-problema titneħħa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-każ imqajjem mill-Onorevoli Interpellant kien riferut lill-Unit Għal Ambjent Aħjar b'komunikazzjoni ddatata 13 ta' Jannar 2000.
L-istess Unit ivverifika li l-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żabbar kien qed jikklerja din it-triq regolarment.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-postijiet ta' promozzjoni (promotions) li qed ikunu ttrattati fid-Dipartiment tal-Mużewijiet u liema huma dawk il-postijiet fid-dipartimenti li huma ta' ngaġġ ġdid?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment tal-Mużewijiet ippubblika sejħiet għall-applikazzjonijiet għall-Assistent Kuratur (Etnografija), Assistent Kuratur (Marittimu), Kuratur (Storja Naturali) u sejħa oħra għall-Perit. L-applikazzjonijiet għal dawn il-postijiet vakanti qed jiġu pproċessati. Fl-aħħar tas-sena l-oħra, 24 Kustodju u Gwida fid-Dipartiment tal-Mużewijiet ġew nominati Uffiċċjali tal-Mużewijiet.
Informat ukoll li d-Dipartiment ta' l-Ippjanar u Żvilupp qed jieħu ħsieb l-ingaġġ ta':(a) School secretaries; (b) Subject Coordinators - Primary u (c) Education Officers (Trade School) bħala uffiċjali ġodda fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni filwaqt li d-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji qed jitratta l-ingaġġ ġdid ta' Library Assistants.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti informazzjoni dwar meta se jiddaħħlu tal-post numru ta' occupational health and safety officers ma' l-Occupational Health and Safety Unit?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li tajt f'Mistoqsija Parlamentari Nru. 12654.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar fejn waslu l-provvedimenti biex residenti fi Triq St Francis, Wied il-Għajn, ikollhom is-servizz ta' drenaġġ kif suppost u mixtieq? X'qed isir biex ma jkomplix jiskula drenaġġ li jista' jikkontamina s-sistema ta'l-ilma u biex razzett li qed jingombra l-iżvilupp tas-sistema tad-drenaġġ tinstablu soluzzjoni dejjiema u effettiva?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li d-drenaġġ fi Triq St. Francis, Wied il-Għajn qatt ma tkompla għas-sempliċi raġuni li rridu ngħaddu minn ġo razzett, li qiegħed jimblokka t-triq proposta, u jidher li hemm xi problemi biex jiġi esproprijat. Minħabba f'hekk saret tender għat-tħaffir ta' drenaġġ temporanju minn ġewwa propjeta' privata biswit ir-razzett. Din se ssir bil-volonta' tajba ta' sid din il-plot privata. Malli jitwaqqa' r-razzett dan il-main jispiċċa u jsir main ġdid fejn hemm it-triq proposta, jiġifieri minflok ir-razzett.
Jista' l-Minsitru jagħti informazzjoni dwar bejgħ ta' artijiet skond Govt. Gazzette tas-17 ta' Mejju, 1998 fi żmien amministrazzjoni Laburista, liema artijiet kienu offruti mill-Gvern lill-Commercial Enterprises, u art li tmiss magħhom bil-prezz ta' Lm55 kull metru kwadru?
Jista' jgħid l-Ministru kemm ġew mixtrija, minn min u meta saru il-kuntratt/i?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li ma jirriżultax li fid-data msemmija fil-Mistoqsija ġie ppublikat avviż fil-Gazzetta tal-Gvern relatat mas-suġġett ta` l-istess Mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li Triq San Ġużepp (mill-bypass ta' Wied il-Għajn saż-Żejtun) tingħata surfacing sabiex tkun tista' tintuża?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-triq imsemmija tinsab fir-rapport tal-prijoritajiet ta` xogħol ippreparat mill-Konsulenti Ġermaniżi għat-toroq arterjali u distributorji, u r-`resurfacing` tagħha jrid jitwettaq skond dak il-programm.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti informazzjoni ta' kemm hemm nies jirreġistraw għax-xogħol minn dawn il-lokalitajiet: (1) Żabbar; (2) Żejtun; (3) Wied il-Għajn? Jista' jgħid kemm minn dawn huma rġiel u kemm huma nisa u l-gruppi ta' eta' (ħamsa jew għaxar snin)?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jżomm biex Triq ir-Redentur, f'Ħaż-Żabbar fejn il-barumbara tinfetaħ u b'hekk ma tibqax ta' perikolu kemm għas-sewwieqa tal-karozzi u speċjalment għall-pedestrians?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq ħareġ sejħa għal offerti għal dan ix-xogħol u t-tender qiegħda fil-proċess li tiġi aġġudikata sabiex ix-xogħol ikun jista` jinbeda.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm ħsieb li titwaqqaf l-Occupational Health and Safety Authority?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed isiru l-preparamenti meħtieġa bil-ħsieb li titwaqqaf l-"Occupational Health and Safety Authority", matul din is-sena, wara li tiġi approvata l-liġi fil-Parlament.