Jista' l-Ministru jagħti l-aħħar tagħrif dwar ix-xogħol ta' twessiegħ ta' Triq ir-Redenture f'Ħaż-Żabbar u meta din se tingħata wiċċ ġdid peress li f'mistoqsija parlament biex indikat li dan ix-xogħol kien se jsir iktar qabel?
Response (GALEA, ĊENSU)
Filwaqt li nirreferi l-Onor Interpellant għar-risposta parlamentari Nru. 23019 jien infurmat li l-pożizzjoni għadha ma nbidlitx.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm vacancies fid-Dipartiment tal-Gvern fil-grad ta' skrivani?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li mhux possibli li wieħed jgħid kemm hemm vakanzi fid-Dipartimenti tal-Gvern fil-Grad ta’ Skrivan peress li l-bżonnijiet jinbidlu kontinwament skond l-esiġenzi tas-Servizz.
Jista' l-Ministru jagħti (fil-qosor) x'miżuri iżjed ta' sigurta ittieħdu mill-Awtoritajiet Marittimi Maltin sabiex jiġu evitati diżastri bħal dak ta' l-Erika?
Response (GALEA, ĊENSU)
Il-politika ta' l-Awtorita' Marittima ta' Malta konsistentament hi waħda mmirata lejn is-salvagwardjar tal-ħajja fuq il-baħar u t-tħaris kontra t-tniġġiż ta' l-ambjent marittimu. Anke fuq skala internazzjonali dan huwa proċess kontinwu li dejjem qed jiġi mtejjeb. L-Awtoritajiet Marittimi qed isegwu mill-qrib dawn l-iżviluppi u Malta qed tagħti appoġġ sħiħ fil-fora internazzjonali għall-miżuri ġodda li qed jiġu proposti u li issa wkoll ġew introdotti fuq bażi internazzjonali. Barra minn hekk, fost affarijiet oħra, id-Direttorat tal-Bastimenti Merkanti fi ħdan l-Awtorita' Marittima f'Marzu tas-sena l-oħra introduċa miżuri iktar stretti għal dik li hija l-eta' massima ta' bastimenti biex jiġu rreġistrati taħt il-bandiera Maltija u għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-ispezzjonar tal-bastimenti. Dan wassal biex matul l-aħħar disa' xhur tal- 2000, 50 bastiment ġew rifjutati mir-reġistrazzjoni waqt li 40 oħra ġew ikkanċellati mir-reġistru Malti minħabba nuqqasijiet tekniċi. Dawn ilaħħqu għal madwar miljun tunnellata gross.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti minħabba kontravenzjonijiet dwar il-kaċċa matul is-snin 1996, 1997, 1998, 1999 u 2000 u 2001 sallum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar ħames snin in-numru ta` persuni li tressqu l-Qorti minħabba kontravenzjonijiet dwar kaċċa hu kif jidher hawn taħt:
1996
1997
1998
1999
2000
66
120
67
173
326
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jsiru dawn it-toroq (għal-ewwel darba) f'Wied il-Għajn;
i) Triq il-Kavallieri
ii) Triq il-Gran Mastri (parti minn)
iii) Triq is-Sibbien
Response (GALEA, ĊENSU)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsijiet parlamentari Nru. 23549 u 25635, jien infurmat li Triq il-Gran Mastri qiegħda fil-programm biex isir aktar 'il quddiem.
Jista' l-Ministru jispjega x'inhuma dawk il-programmi mill-Unjoni Ewropeja li permezz tagħhom zagħżagħ studenti fil-Biedja/Sajd ikunu jistgħu jiggwadanjaw minnhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-programmi mill-Unjoni Ewropeja li permezz tagħhom żgħażagħ studenti fil-biedja u sajd jistgħu jiggwadanjaw minnhom huma l-programmi Leonardo da Vinci u Youth. Taħt dawn il-programmi, iż-żgħażagħ studenti Maltin fil-biedja u sajd jistgħu jibbenefikaw f'kull qasam ta' studju u/jew taħriġ li huma neċessarji għall-iżvilupp tal-biedja u sajd. Forsi ta' min iżid illi waqt li Socrates jirrigwardja l-aktar studji akademiċi, il-Leonardo u Youth jirrigwardjaw it-taħriġ.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni meta se jsiru tiswijiet fi Triq Daħla ta' San Tumas fiż-Żejtun u l-parti li tieħu sas- Summer Houses li hemm fir-Ramla peress li din ta' l-aħħar tant fiha ħofor perikolużi li bilkemm tista tgħaddi speċjalment issa li qed joqrob is-Sajf?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li qed isiru diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali ta' M'Scala sabiex jiġi stabbilit x'hemm bżonn isir fil-lokal mill-Kunsill u d-Dipartiment tat-Toroq
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' ko-ordinazzjoni teżisti bejn id-Dipartiment u l-Kunsilli Lokali biex ikun żgurat li ma ssirx ħsara lill-infrastruttura (bħall-drenaġġ, ilma, telephones, etc) fit-toroq segwenti, f'Wied il-Għajn waqt li qed isir xogħol ta' tħaffir (trenching) għall-estensjoni ta' wires high tension etc, mill-Enemalta u eventwalment għal-cable ieħor min trinka oħra mil-Melita Cable? Għaliex mhux se jsiru użu mil-8 pipes preparati fl-1988, presumibbilment għal skopijiet simili u b'hekk jiġu evitati ħafna spejjeż u tkissir fit-toroq?
Jista' jgħid wkoll allura x'kien l-iskop għaliex saru dawk il-pipes fl-1988? Toroq affettwati huma f'Wied il-Għajn:
Triq Sant'Antnigħ
Triq Ġebel Ħanxul
Triq Salvu Buhagiar
Triq il-Ħabberxa
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25000 (Seduta 530).
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni meta hemm il-ħsieb li titkompla Zabbar Road fil-Fgura? Jista' jgħid x'qed iżomm milli din l-arterja prinċipali issir?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-kuntratt tax-xogħol ingħata u diġa' bdew diskussjonijiet mal-Kunsill u entitajiet oħra sabiex ikun jista' jitfassal il-pjan tax-xogħol fid-dettal tiegħu.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar ftehim bilaterali li sar minn Settembru 1998 l'hawn;
a) ma' liema pajjiżi
b) f'liema oqsma
ċ) x'kienu l-vantaġġi għal pajjiżna
Response (BORG, JOE)
B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari ta' l-Onorevoli Membru, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bid-dettalji mitluba tal-Ftehim Bilaterali li saru minn Settembru 1998 'l hawn.
Din il-lista tagħti dettalji tal-pajjiżi li magħhom ġie ffirmat kull ftehim, f'liema oqsma ġew iffirmati kif ukoll x'kienu l-vantaġġi għal Malta.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma n-numru ta' sajjieda i) full-time ii) part-time a) f'Malta u b) f'Għawdex.
Jista' jgħid jekk tinżammx statistika separata għal din il-kategorija għal dawk li huma inċidenti fuq il-post tax-xogħol?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni mitluba qegħada fit-tabella segwenti:
Tip ta' Sajjieda Tip ta' Liċenzji Malta Għawdex Total
Full-time F 233 98 311
Part-time PTF 1416 Nil 1416
Market Fishermen MF 24 213 237
TOTAL 1673 311 1984
Id-Dipartiment ma jżommx records ta' inċidenti fuq il-post tax-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitwaħħlu d-dwal fi Triq is-Santwarju f'Ħaż-Żabbar, meta l-arbli tal-dawl ilhom xhur (anzi snin) li twaħħlu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li fir-rigward ta' dan il-proġett, il-Korporazzjoni Enemalta kellha biss tforni lill-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żabbar bil-materjal meħtieġ. Fil-fatt, jiena nfurmat, li l-aħħar kunsinna ta' materjal biex jiġi konkluż il-proġett ġie mgħoddi lill-Kunsill imsemmi fit-18 ta' April li għadda.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar x'metodi alternattivi ta' enerġija (riħ/xemx) qiegħda tħares u tikkonsidra l-Enemalta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Bħalissa l-Korporazzjoni Enemalta, flimkien ma' grupp ta' studenti Amerikani mill-James Madison University u l-Institute for Energy Technology ta' l-Universita' ta' Malta, għandha żewġ proġetti f'dan il-qasam ta' enerġija alternattiva.
Fl-ewwel proġett, qed tiġi mistħarrġa l-possibilta' li tittella' wind turbine f'Delimara. Fit-tieni proġett, qed jiġi studjat kif bini jista' jkun aktar"energy efficient". B'mod partikulari qed tiġi studjata l-possibilta' li l-Uffiċju Distrettwali li l-Korporazzjoni għandha f'tas-Sliema jiġi modifikat biex jikkonserva aħjar l-enerġija.
Rigward il-mistoqsija parlamenti nru. 24907, jista' l-Ministru jirrispondi t-tieni parti tad-domanda nru 24907 (jiġifieri fuq liema kriterji jiġu magħżula biex jagħmlu dan ix-xogħol) u jgħidx jidirlux li din hi sitwazzjoni ġusta?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa` kelli l-okkażżjoni ngħid kemm il-darba, it-tqassim ta` doveri lill-membri tal-Korp tal-Pulizija jsir skond il-ħtiġijiet attwali tal-Korp u l-esiġenzi tas-servizz in ġenerali.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi beħsiebu jieħu d-dipartiment tal-protezzjoni ċivili sabiex jagħmilha possibbli li din is-sena jitnaqqsu l-imwiet fuq il-baħar, speċjalment minn għarqa u minn bċejjeċ tal-baħar żgħar?
Response (BORG, TONIO)
Bħas-snin ta’ qabel, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Civili qiegħed jaħseb sabiex iħaddem il-‘lifeguard services’ f’dawk il-bajjiet f’Malta li huma l-aktar iffrekwentati minn numru kbir ta’ għawwiema matul ix-xhur tas-Sajf. Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili iħaddem dan is-servizz flimkien ma` għaqdiet volontarji li huma ir-Red Cross, is-St. John Ambulance Brigade u s-St. John Rescue Corps. Għal din is-sena, il-Gvern ivvota s-somma ta’ Lm20,000 għal dan is-servizz.
Ta’ min jgħid ukoll illi waqt il-perijodu msemmi, id-dipartiment jagħmel kull sforz possibli sabiex in-numru ta’ inċidenti fuq il-bahar ukoll jonqos kemm jista’ jkun. Il-pubbliku innifsu jista’ ukoll jgħin li jiġu evitati tali inċidenti speċjalment billi josserva r-regolamenti applikabbli f’kull ħin. Dan jgħodd b’mod partikolari għas-sewwieqa ta’ l-inġenji tal-baħar.
Jista' l-Ministru jgħid kellux xi talba biex jinbidlu skajjel imsaddin li jinsabu madwar ix-xatt, in-naħa tas-Siberija, ġewwa Wied il-Għajn, peress li jistgħu jkunu ta' periklu qabel jidħol l-istaġun tas-sajf
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' Marittima ma kellha l-ebda talba biex jinbidlu skajjel ġewwa Wied il-Għajn.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru metri ta' toroq ġodda matul l-1997, 1998. 1999, 2000 u din is-sena f'dawn il-lokalitajiet; Ħaż-Żabbar, Żejtun, Wied il-Għajn?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposti mogħtija għal mistoqsijiet parlamentari Nru. 11166 u 22257.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni rigward is-sezzjoni tal-mounted police fejn qed ikun allegat li erba' membri jaħdmu bl-24 siegħa filwaqt li l-kumplament (madwar 15) jaħdmu bi 8 sigħat, b'detriment finanzjarju għal dawn ta' l-aħħar? Fuq liema kriterju jiġu magħżula biex jagħmlu dan ix-xogħol?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn dejjem kienet il-proċedura illi f`din it-taqsima, erba` minn numru ta` membri tal-Korp stazzjonati fiha, jaħdmu bl-24 siegħa.
Jista' l-Ministru jgħid meta bdew isiru t-testijiet għal Thalassemide bħala screening b'mod sistematiku fuq trabi / tfal Maltin? Jista' jagħti nformazzjoni ta' mil-liema etajiet ġew screened u mil-liema le?
Response (DEGUARA, LOUIS)
It-testijiet b'mod regolari għal difetti fid-demm li jinkludu Thalassemia inbdew fl-1990 fuq it-trabi kollha li jitwieldu fl-Isptar San Luqa kif ukoll fuq nisa tqal li jattendu fl-Ante-Natal Clinics. Isiru wkoll testijiet fuq tfal u membri tal-familja fejn ikun indikat mill-ispeċjalista ta` l-Isptar San Luqa jew it-tabib tal-familja.
Għalkemm dan ma jammontax għal servizz ta` screening sistematiku, qed tiġi offruta firxa wiesa` biżżejjed sabiex wieħed ikopri l-ħtiġijiet b'mod komprensiv.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir street lighting ġdid fi Sqaq nru. 1, Zabbar Road, Zejtun, liema sqaq jinsab fi dlam totali bil-lejl?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.